Esperjenza li ma tintesiex kienet dik ta’ sittax-il student mill-Università Pontifiċja Sależjana, flimkien mal-lecturer tagħhom Don Ubaldo Montisci SDB li għamlu f’Malta bejn l-10 u t-13 ta’ April. L-għan ta’ dan il-vjaġġ ta’ studju kien dak li jaraw x’metodoloġija kateketika hi użata fil-gżejjer tagħna. Il-programm tagħhom kien mimli u mżewwaq sewwa tant li kellhom iċ-ċans, anki jekk fi żmien qasir, jaraw dak li jikkaratterizza l-katekeżi f’Malta u Għawdex.
L-ewwel impenn tagħhom kien it-Tlieta filgħaxija, fejn fir-residenza tal-Arċisqof kellhom l-opportunità jisimgħu tliet konferenzi minn esperti fil-katekeżi u l-pastorali. L-ewwel konferenza kienet dik ta’ Fr. Carl Mario Sultana li fisser x’inhu x-xogħol tas-Segretarjat tal-Katekeżi. Segwa Fr. Renè Cammilleri bi preżentazzjoni dwar il-Ħames Kungress Kateketiku Nazzjonali “Emerġenza Fidi – Niftħu l-Mappa. It-tielet konferenza kienet dik ta’ Fr. Martin Cilia MSSP dwar ir-rabta bejn il-liturġija u l-katekeżi u l-kontribut siewi li komunità Nisranija tagħti fil-proċess tal-għajxien tal-fidi. Ma naqsitx ukoll tislima u intervent ċkejken minn Mons. Arċisqof Pawl Cremona OP.
L-Erbgħa, l-istudenti kellhom iċ-ċans iżuru l-gżira Għawdxija. Il-ħidma kateketika f’Għawdex kienet ippreżentata lilhom minn Dun Giovanni Curmi, filwaqt li Dun Anton Teuma ppreżenta l-pastorali familjari f’din id-djoċesi. Wara nofsinnhar kien imiss lis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija – MUSEUM li tippreżenta l-kontribut siewi li tagħti fil-Katekeżi f’Malta, permezz ta’ zewġ interventi interessanti mmexxija mis-Superjur Emmanuel Curmi u mis-Superjur Ġenerali Natalino Camilleri. Imbagħad il-parteċiapanti kienu ppreżentati lill-membri tal-MUSEUM, fil-laqgħa ġenerali tagħhom f’St. Michael School. Wara l-ikla ta’ filgħaxija l-istudenti marru jżuru il-Millenium Chapel, li kienet ippreżentata l-ħidma ta’ din il-Kappella minn Fr. Hillary Tagliaferro OSA.
Il-Ħamis l-istudenti assistew għal nofstanhar ta’ formazzjoni lill-Katekisti tal-parroċċa tal-Qawra mmexxija mill-kappillan Fr. Christopher Galdes OFM Conv. Wara nofshinar Fr. Paul Sciberras kellem lill-istudenti dwar l-importanza tan-nawfraġju ta’ San Pawl fil-proċess tal-evanġelizzazjoni ta’ gżiritna. Imbagħad l-istudenti rħewlha lejn il-Qasam tal-MUSEUM tas-subien tan-Naxxar biex jaraw aktar mill-qrib kif isiru il-katekeżijiet fi ħdan din is-soċjetà.
Il-Ġimgħa l-istudenti kellhom nofstanhar kulturali fejn fost l-oħrajn setgħu jammiraw il-ġmiel artistiku tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Ħajr lil kull min għen fit-tħejjija u t-twettiq ta’ dan il-vjaġġ ta’ studju.
Andrew Galea OFM Conv