-
-
Direttur: Stella Meghie
Atturi: Amandla Stenberg, Nick Robinson, Anika Noni Rose, Ana de la Reguera u Taylor Hickson
Ħin tal-film: 96 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
Maddy, tfajla ta’ tmintax-il sena, kienet tbati minn marda SCID, marda kiefra li ma tħallihiex toħroġ barra u titħallat ma’ oħrajn. Ommha, Pauline Whittier, kienet tieħu ħsiebha b’imħabba kbira. Meta Maddy kellha tliet snin, missierha u ħuha kienu mietu f’inċident stradali. Għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena, Carla, infermiera, kienet tgħin lil Pauline. Apparti huma, Rosa, bint Carla, biss setgħet tkun ma’ Maddy.
Jum wieħed, familja ġdida tidħol f’dar qrib il-famija Whittier. F’din il-familja kien hemm ġuvni, tal-istess età ta’ Maddy. Dan mill-ewwel jintebaħ b’Maddy hekk kif din kienet qegħda tħares mit-tieqa. Dik il-lejla stess, waqt li Pauline u Maddy ikunu qegħdin jaraw DVD, il-ġuvni u oħtu jċemplu l-bieb ta’ barra u joffrulhom kejk. Pauline, bil-pulitezza, ma taċċettahx u meta ż-żagħżugħ jistaqsi għal bintha, tgħidlu li bintha ma kinitx hemm.
Sadanittant, Maddy, mit-tieqa tarahom it-tnejn sejrin lura lejn darhom u tinnota li missier dan il-ġuvni kien aggressiv. Ftit wara, iż-żagħżugħ jikteb in-numru fit-tieqa biex Maddy tarah. Minn hawn jibdew jibgħatu messaġġi lil xulxin u ssir taf isem iż-żagħżugħ li kien Olly. Fi ftit żmien, jinġibdu lejn xulxin. Maddy tikkonvinċi lil Carla biex meta ommha tkun barra, tħalli lil Olly jiġi d-dar. Carla ġġiegħlhom iwegħdu li jżommu ’l bogħod minn xulxin. Carla tistieden ukoll lil Olly biex fir-raba’ jum ta’ Lulju, hekk kif omm Maddy tkun għax-xogħol, jerġa jiġi jara lil Maddy. Ikun hawn li ż-żewġ żgħażagħ ibusu lil xulxin.
L-għada, Maddy tinnota lil Olly jiġġieled ma’ missieru li kien sakranazz u li anke jimbuttah fl-art. Maddy, toħroġ tiġri mid-dar, b’xokk kbir għal ommha li tintebaħ li bejn Maddy u Olly kienet bdiet titrabba relazzjoni bejniethom. Riżultat ta’ dan, Pauline tkeċċi lil Carla għax ħalliet tikber din ir-relazzjoni. Maddy hawn tieħu l-liġi f’idejha, tixtri żewġ biljetti tal-ajru għal Hawaii u tikkonvinċi lil Olly biex imur magħha. X’jiġri minn hawn?
Film Amerikan, dramm romantiku, taħt id-direzzjoni ta’ Stella Meghie u kitba ta’ J. Mills Goodloe, msejjes fuq in-novella miktuba minn Nicola Yoon. Film bi storja romantika, b’riżultat ġentili u li għandu jagħti gost lil dawk li jarawh. Tajjeb li l-film jarawh dwk li għalqu t-tnax-il sena.