L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għażiż Fr Martin, il-Mulej qiegħed jafdalek mhux talenti tad-deheb u l-fidda – għax it-talent kien kejl, jew għad-deheb jew għall-fidda. Talent, illum, kieku jissarraf, skont jekk hux tal-fidda jew tad-deheb, f’mijiet ta’ eluf ta’ ewro. Biż-żmien, imbagħad, anke taħt l-influwenza tal-kultura Nisranija, il-kelma ‘talent’, minħabba din il-parabbola x’aktarx, saret tfisser ukoll ħila, saret tfisser kapaċità; ngħidu: għandu ħafna talenti, bniedem jaf iħaddem tajjeb it-talenti tiegħu. 

Għażiż Fr Martin, Ġesù mhux qiegħed jafdalek it-talenti tad-deheb u tal-fidda, għalkemm qiegħed jafdalek ukoll knisja sabiħa u mżejna kif jixraq, imma qiegħed jafdalek il-mimmi ta’ għajnejh, il-poplu għażiż, li jgħix, jgħammar, jitlob u jħabrek f’din il-parroċċa. U minn kull wieħed minna, għażiż Fr Martin, il-Mulej jitlob kont. Il-barka li nitlob fuqek hija li, meta jsejjaħlek biex tagħtih kont, tisimgħu jgħidlek: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fil-hena ta’ Sidek” (Mt 25:21). 

Nitolbu ħafna miegħek u għalik biex, dan it-teżor li huwa l-poplu ta’ Alla afdat f’idejk, inti tmexxih u timxi miegħu lejn il-qdusija. Kun dak li la tibża’ mis-sid aħrax, u lanqas tibża’ mill-ilpup ħorox, imma tħaddem ir-responsabbiltà li qed jgħabbik biha, u bil-kapaċitajiet li tak, l-esperjenza tal-ħajja reliġjuża li tak, għall-ġid tal-poplu, mhux għall-glorja tal-bnedmin, imma biex tiffaċilità l-laqgħa ta’ kull wieħed u waħda minna ma’ Ġesù. Inti r-ragħaj ta’ din il-komunità mbierka f’dan it-titlu Marjan, Sidtna Marija Reġina Sultana tal-Qalb ta’ Ġesù. Din l-Omm li tħaddan lil Binha ta’ qalb ħelwa u umli, u tippreżentahulna. Dik l-Omm, li f’Kana, talbitu jgħin lill-għarajjes li spiċċalhom l-inbid, u minħabba l-insistenza tagħha, obdieha. 

Fl-ewwel qari llum, mill-Ktieb tal-Proverbji, jikkonkludi proprju bit-tifħir tal-mara, sabiħa tassew minn ġewwa. Għax is-sbuħija ta’ barra, fl-Iskrittura, u l-Ktieb tal-Proverbji stess jgħid, taf tkun fiergħa, u forsi anke qarrieqa. (Ara Prov 31:30). Imma l-mara, bħalma kienet Sidtna Marija, ta’ qalb ħelwa, bieżla, irżina, miġbura fit-talb u fis-skiet u fix-xogħol, hija l-glorja tad-dar. “Martek tkun bħal dielja għammiela fl-irkejjen ta’ darek” (Salm 128:3). Immaġina lil Ġużeppi jħares lejn martu Marija, u jogħxa bis-safà tagħha, bl-imħabba tagħha, bil-bżulija tagħha. Inti wkoll, għad-dell ta’ ommna, Sultana tal-Qalb ta’ Ġesù, itlobha li tagħtik id-dawl u l-għerf, li tagħraf tħaddan u tippromwovi t-talenti tal-poplu li l-Mulej qiegħed jafdalek f’idejk, u tmexxihom ’il quddiem. 

Iż-żminijiet qed juruna, Fr Martin, u sħabi saċerdoti, li hemm bżonn li nadottaw stil ta’ tmexxija kollaborattiv, li niffaċilitaw il-bżulija tal-poplu tagħna, u noħolqu armonija, fejn kulħadd, kulħadd, jagħti s-sehem tiegħu skont il-kapaċitajiet tiegħu. Kulħadd għandu rwol, u r-rwol ta’ kulħadd huwa importanti. Il-Mulej Ġesù afda dan it-teżor kbir tad-doni, talenti, kapaċitajiet tal-poplu tiegħu, f’idejn ir-ragħajja, li jridu jiffaċilitaw u mhux ifixklu, il-laqgħa tal-poplu mar-Ragħaj it-Tajjeb. 

Il-qaddej li jfaħħar il-Mulej huwa tajjeb u fidil. Jalla fil-ħarsa ta’ għajnejk, il-poplu ta’ din il-parroċċa jara t-tjubija u l-fedeltà. Jalla flimkien mal-merħla afdata f’idejk, Fr Martin, inti, minn issa, tgħix u tidħol fl-hena ta’ Sidek.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Prov 31:10-13,19-20,30-31
Salm: 127 (128):1-2,3,4-5
Qari II: 1 Tess 5:1-6
L-Evanġelju: Mt 25:14-30

More Photos