• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • San Miguel Resource Centre, Pembroke

    22 ta’ Mejju 2019

    Meta niċċelebraw is-sagramenti hemm protagonist li ma tantx insemmuh: huwa l-Ispirtu Qaddis tal-Mulej li l-Mulej tana fil-qawmien tiegħu mill-imwiet. Ġesù miet, propjament qtilnih, indifen, u fit-tielet jum qam mill-imwiet. Bil-qawmien tiegħu ngħatalna l-Ispirtu Qaddis tal-Mulej. Aħna nippreżentaw il-ħobż u l-inbid, u l-Ispirtu Aaddis tal-Mulej ibiddilhom fil-ġisem u d-demm ta’ Ġesù.

    Uħud mit-tfal illum se jirċievu id-demm ta’ Ġesù. Fid-demm ta’ Ġesù hemm il-ġisem, hemm ir-ruħ, hemm id-divinità, hemm kollox. Bħalma aħna ħafna drabi nitqarbnu bil-ġisem tiegħu, jiġifieri bil-ħobż ikkonsagrat, u fih hemm kollox, uħud illum se jitqarbnu b’taqtira mid-demm ta’ Ġesù u fiha kollox. San Tumas ta’ Akwinu kien jgħid: ‘Anke qatra waħda ta’ dan Ġesù tifdi l-univers kollu’. Tgħiduli: ‘Dawn ma jifhmux, ma jafux x’jiġri’. Dawn il-kunsiderazzjonijiet inħalluhom f’idejn Alla.

    Illum qegħdin niċċelebraw il-fatt li huma persuni bid-dinjità tagħhom. Nirringrazzjaw l-istaff talli qed niċċelebraw anke t-30 sena ta’ din il-ħidma. Dan huwa statement importanti li għandna bżonnu speċjalment fid-dinja tal-lum. Id-dinjità tal-bniedem mhix ġejja minn kemm għandu flus jew minn x’jagħmel, jew minn kemm hu sabiħ jew popolari. Kull persuna għandha d-dinjità tagħha. Dan huwa statement li bih rridu ngħidu li aħna nilqgħu lil kulħadd. Kemm għandna bżonn dan l-statement illum! Ħafna drabi npoġġu lil xulxin f’ħafna gabubi. Imma rridu niftħu l-qalb tagħna għal kulħadd u napprezzaw anke d-diversità tal-abbilitajiet. Messaġġ li jrid jagħtina l-Mulej.

    Aħna u niċċelebraw is-sagramenti, nitolbu wkoll għall-familji ta’ dawn it-tfal u ż-żgħażagħ, għal min jieħu ħsiebhom u għas-soċjetà Maltija: biex aħna nikbru f’dan l-għerf u napprezzaw lil min ikun mhux minħabba l-kulur tal-ġilda imma għax huwa persuna li, mingħajr ma nafu, tħobb, għax kull bniedem huwa msejjaħ għall-imħabba. Wara kull ġest ta’ kull bniedem hemm għatx kbir għall-imħabba.

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta