-
-
X’ġimgħa kienet! L-ewwel ma waslu kienu l-Ispanjoli, imbagħad ir-Rumeni u l-Albaniżi, u ftit sigħat wara waslu l-Litweni, id-Daniżi, il-Belġjani, il-Ġermaniżi u l-Islovakki. Kulħadd kien għajjien imma kulħadd kien eċitat biex jibda l-Fimcap EuroCamp 2019: No Space for Poverty?! organizzat miż-ŻAK (Żgħażagħ Azzjoni Kattolika) hawn Malta.
60 żagħżugħ u żagħżugħa ta’ etajiet bejn is-16 u l-20 sena, ġejjin minn disa’ pajjiżi differenti madwar l-Ewropa, kollha organizazzjonijiet membri tal-FIMCAP (Fédération Internationale des Mouvements Catholiques d’Action Paroissiale) kienu jafu li matul din il-youth exchange kienu se jagħmlu ħbieb ġodda, u li kienu se jiddiskutu u jitgħallmu dwar it-tema magħżula tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Iżda qatt ma bassru kemm se jibnu relazzjonijiet b’saħħithom u li se jieħdu gost daqshekk!
Waħda mill-attivitajiet saret il-Belt Valletta. Il-grupp kien maqsum fi gruppi iżgħar, u kull grupp ingħata profil ta’ persuna. It-tim kellu jpoġġi lilu nnifsu fis-sitwazzjoni tal-profil tagħhom, u jaraw kif se jirnexxilhom japplikaw għall-permess ta’ residenza fil-pajjiż, japplikaw għal xogħol, japplikaw għal istituzzjoni edukazzjonali, isibu post fejn joqogħdu, u jiftħu kont bankarju. Ftit gruppi sabuha diffiċli iktar minn oħrajn, jiddependi mill-profil li ngħatalhom. Fl-aħħar tal-attività t-timijiet iltaqgħu quddiem il-qorti, u kull tim kellu dritt tal-umanità biex jiddiskuti u jirrapreżentaha fuq jigsaw puzzle. Fl-aħħar, il-biċċiet ingħaqdu flimkien.
L-attivitajiet li ġew ppreparati matul il-ġimgħa għenu biex il-parteċipanti saru aktar konxji tat-tipi differenti ta’ faqar li jeżistu, kif jinħoloq il-faqar, kif in-nies li jkunu emarġinati huma f’riskju ta’ faqar, u x’nistgħu nagħmlu biex neliminaw il-faqar.
It-Tlieta filgħaxija l-grupp reġa’ nqasam f’għaxar gruppi iżgħar u wara li tteħdulhom l-affarijiet personali bħall-mobajl u l-flus, telgħu Għawdex. Kull grupp ttieħed f’lokalità differenti u kellu jara kif jirnexxilu jasal sad-destinazzjoni finali. Il-gruppi kellhom jagħmlu xi eżerċizzji biex jingħataw l-ikel ta’ filgħaxija. Wara erba’ sigħat mixi rnexxielhom jaslu u ngħataw il-gazzetti biex jorqdu fuqhom matul il-lejl. Fortunatament, numru ta’ parteċipanti kellhom xuguman tal-baħar biex jitgħattew min-nida tal-lejl. Filgħodu l-grupp kellu jara kif jirnexxilu jasal lura fil-post fejn kienu qed joqogħdu, fil-fatt kellhom jittalbu għall-flus biex jaslu. Din l-esperjenza għenet lill-parteċipanti jsiru aktar konxji tad-diffikultajiet li jiffaċjaw ta’ kuljum, u x’jista’ jsir biex ngħinu.
Il-Ħamis filgħodu, il-grupp kien maqsum f’disa’ gruppi iżgħar, u kull grupp mar iżur ċentru jew residenza biex iwettaq xogħol volontarju. Il-lejl ta’ qabel, il-parteċipanti kellhom ċans jiftiehmu u jippreparaw l-attivitajiet li kellhom jagħmlu fiċ-ċentri u r-residenzi. Il-postijiet li żaru kienu dar f’Ħ’Attard titmexxa mill-Fundazzjoni Richmond, residenzi tal-anzjani bħal Dar Saura r-Rabat, id-Dar tal-Kleru f’Birkirkara, Dar Sagra Familja fin-Naxxar, u Little Sisters of the Poor, ċentri ta’ persuni b’diżabbiltà bħal Inspire, id-Dar tal-Providenza u Embrace Diversity, u żjara lit-tfal tan-nisa li esperjenzaw vjolenza domestika li jgħixu f’Dar Merħba Bik. Kienet esperjenza sabiħa ħafna u li mmotivathom biex jagħmlu iktar.
Il-programm ta’ tmint ijiem spiċċa malajr iktar milli mistenni. Iżda l-konnessjonijiet li saru f’dan l-iskambju mhux se jgħibu malajr. Din l-esperjenza kienet possibbli biss permezz tal-fondi tal-Erasmus+ immexxija mill-EUPA.
-
-