L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Id-djaknu għadu kemm ħabbrilna l-jum qaddis tal-Għid li se niċċelebraw ftit tax-xhur oħra. Il-Knisja tħabbar il-ġurnata tal-Għid propju f’dan il-jum iddedikat lill-misteru kbir tal-Epifanija għaliex illum niċċelebraw lill-Mulej, dawl minn dawl, li jidher lill-ġnus permezz ta’ kewkba tiddi fid-dlamijiet.
Fil-lejl qaddis tal-Għid bix-xemgħat mixgħula mill-blandun qaddis, aħna niddikjaraw li Ġesù huwa dawl, id-dawl ta’ Kristu. U b’xi mod din il-festa ta’ dawl tħares lejn il-festa l-kbira fejn il-Knisja tbierek l-element tan-nar u tikkonsagrah bħala xbieha ħajja ta’ Kristu, dawl minn dawl, li fil-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, għeleb id-dlamijiet tal-ħażen u tal-mibegħda u nissel fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna dik ix-xrara tħeġġeġ tan-nar li jkebbes il-qalb imqaddsa tiegħu.
L-Epifanija hija wkoll festa kbira tal-imħabba. Nistgħu ngħidu li għall-Knisja llum huwa l-Jum San Valentinu tagħha.
Illum il-liturġija, it-talb tal-Knisja, jiċċelebra tliet mumenti f’festa waħda. Fit-talb ta’ filgħodu l-antifona tal-Knisja tiċċelebra l-fatt li l-Mulej illum jitgħarras b’mod speċjali mal-umanità, mal-bnedmin, mal-familja tagħna. U l-Knisja li hija l-għarusa tiegħu illum tiċċelebra l-għerusija tagħha mal-Mulej.
Illum l-Epifanija hija wkoll festa kbira tal-imħabba. Nistgħu ngħidu li għall-Knisja llum huwa l-Jum San Valentinu tagħha. Fit-talba tal-għodwa tal-Epifanija nimmaġinaw lil Kristu jaħsel lill-għarusa tiegħu minn dnubietha fl-ilma tax-xmara Ġordan. Hu niżel fix-xmara Ġordan, hu li hu l-ħaruf bla tebgħa. Miegħu l-Iben t’Alla magħmul bniedem, niżżel lilna wkoll u hu u tiela’ mix-xmara ħelisna mit-tbajja’ tad-dnub.
Illum niċċelebraw ukoll lill-Maġi ġejjin mill-bogħod bir-rigali għall-festa tat-tieġ għax hija tradizzjoni antika li ma jistax ikollok tieġ mingħajr rigali. U x’rigali ġabu l-ġnus? Id-deheb, l-inċens u l-mirra li huma wkoll it-tħabbira ta’ dan it-tfajjel li huwa Sultan qaddej, li huwa saċerdot u vittma, li jrid ikun ukoll il-qaddej li jsofri u li jbati. Fil-festa tat-tieġ il-Mulej ibiddel l-ilma tal-purifikazzjoni, ilma fqir, fl-aqwa inbid tal-festa.
U dawn it-tliet misteri li fihom il-Mulej juri lilu nnifsu bniedem bħalna u magħna Għimmanu-El għax dak huwa l-misteru profond tal-Magħmudija tiegħu fil-Ġordan. Huwa bniedem bħalna u magħna, huwa l-Għimmanu-El, imma hu wkoll l-Iben ta’ Alla.
Fil-misteru li qed niċċelebraw skont l-Evanġelju ta’ San Mattew illum, il-Mulej huwa d-dawl għall-ġnus. Illum ukoll tiġi antiċipata l-profezija mħabbra fuqu meta kellu 40 jum: “Dawl għall-ġnus, glorja ta’ Iżrael” (Lq 2:32). Imma wkoll: “sinjal li jmeruh” (Lq 2:34). U fit-tieġ ta’ Kana l-Mulej juri l-glorja tiegħu lid-dixxipli f’att kbir ta’ ġenerożità mqanqal u mħeġġeġ minn ommu Marija.
Fit-tnejn minn dawn it-tliet misteri, ommu qiegħda hemm, qiegħda hemm hi u tilqa’ r-rigali tal-ġnus, qiegħda hemm fit-tieġ ta’ Kana għaliex il-Madonna tippreżenta lill-għarusa li hija aħna, lil binha u għandha ħeġġa li tarana mnaddfin, liebsa l-libsa tat-tieġ. Hija mħeġġa li aħna niċħdu d-dlamijiet fina u madwarna, li mmiddu għonqna għas-sewwa u għall-ġustizzja. Il-Madonna wkoll trid tferrraħna bl-inbid ħelu li jagħti binha Ġesù.
Illum tiġi antiċipata wkoll il-ġurnata kollha qilla tal-Ġimgħa l-Kbira fejn il-Mulej minxur fuq salib, bil-kustat minfud, iwelled lill-għarusa tiegħu. “Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar. Isaltan minn baħar sa baħar u mix-xmara sa truf l-art” (S 72:7-8).
Għeżież seminaristi, illum il-Knisja, minn hawn u ftit ieħor, tilqagħkom uffiċjalment u formalment bħala kandidati għall-Ordni Sagri, għad-djakonat u għall-presbiterat. Qiegħda tbierek dak kollu li l-Mulej wettaq fikom bl-għajnuna tal-ġenituri, il-familji tagħkom, qrabatkom, il-komunitajiet ta’ fidi li minnhom ħriġtu. Qed ibierek ukoll l-isforzi li għamiltu f’dawn is-snin fis-seminarju, fil-Fakultà tat-Teoloġija. Qed ibierek il-ħidma tal-formaturi tagħkom, ta’ sħabkom li wkoll jiffurmawkom bħal meta l-ġebla jkollha min inaġġarha. U llum ibierek ukoll l-għażla tagħkom.
Il-Knisja tilqagħkom u intom ukoll qegħdin tafdaw ħajjitkom f’idejn din il-komunità ta’ fidi li tixtieq tara fikom xbieha sabiħa ta’ dak il-mexxej imħabbar fil-profezija: “Dak il-mexxej li jirgħa l-poplu tiegħu” (Mt 2:6). Meta Erodi staqsiehom fejn kellu jitwieled il-Messija? L-għorrief tal-liġi rrispondewh: “F’Betlehem tal-Lhudija għax hekk inkiteb mill-profeta: ‘U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael” (Mt 2:5-6). Jirgħa! Il-mexxej li huwa ragħaj, il-mexxej li jħaddem l-awtorità tiegħu bħala servizz, bħalma r-ragħaj li jaf lil kull nagħġa tiegħu, jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu. Dan il-mexxej, meta jikber, hekk jippreżenta lilu nnifsu: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb… ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għall-merħla” (Ġw 10:14-15).
It-talba tagħna għalikom illum hija li intom tkomplu fit-triq tal-formazzjoni tagħkom għad-djakonat u għas-saċerdozju, titgħallmu mill-Mulej Ġesù “dawl minn dawl” kif tkunu mexxejja li jirgħu l-poplu tiegħu.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Is 60, 1-6
Salm: 71 (72), 1-2.7-8.10-11,12-13
Qari II: Ef 3, 2-3a. 5-6
Evanġelju: Mt 2, 1-12