L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Nies midinba jilqa’ għandu, u jiekol magħhom!” (Lq 15:2). Dan kien l-ilment li l-Fariżej u l-kittieba kienu qed jagħmlu fuq Ġesù, kif naraw fl-Evanġelju tal-lum. U, b’risposta għal dan, Ġesù, flok jipprova jfehimhom b’ħafna kliem, jgħidilhom tliet parabboli, li minnhom hawnhekk għandna l-iktar waħda twila: il-parabbola li nsejħula ħafna drabi “tal-iben il-ħali”. Ġesù, fil-fatt, ried jikkonferma dak li qalu huma b’ilment, jiġifieri: li jilqa’ n-nies midinba u magħhom jiekol.

Iktar milli fuq l-iben il-ħali, il-parabbola tenfasizza l-missier il-ħanin. Nixtieq li nħarsu lejn dan li jgħidilna Ġesù, u naraw x’jgħidilna fuq Alla u r-relazzjoni tiegħu magħna, għax il-missier tal-parabbola jurina min hu Alla.

Iħallina fil-libertà

L-ewwel nett, Ġesù jgħidilna li Alla jrid l-aqwa ġid tagħna imma lilna jħallina fil-libertà. Hija xi ħaġa li kultant diffiċli nifhmuha – kif Alla jħallina fil-libertà li nagħżlu aħna, filwaqt li jrid l-aqwa ġid tagħna. Dal-Missier kien jaf li l-aqwa ġid għal uliedu kien li jkunu miegħu, li jgawdu l-istess ħajja tiegħu, imma l-iben iż-żgħir talbu: “Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid” (Lq 15:12) u għalhekk tah dan il-ġid, u l-iben iż-żgħir iddeċieda li jitlaq mid-dar.

Alla jħallina fil-libertà. Għalhekk aħna kultant ma nistgħux nifhmu l-ħażen li jkun hemm fina u madwarna, għax qisna nistennewh li ma jħalliniex fil-libertà. Imma Alla jridna nifhmu li l-libertà li tagħmlilna l-ġid mhijiex li aħna nħallu dak li nimxu ma’ dak li narawh jattirana, u li nħallu dak li nħossu fina jikkmandana, imma li nfittxu dak li hu tal-aqwa ġid għalina. Imma Alla jħallielna l-opportunità li nagħżlu aħna, filwaqt li jurina tassew x’inhu l-aqwa ġid tagħna.

Ma jaqta’ qalbu qatt minna

Naraw ukoll fil-parabbola kif Alla qatt ma jaqta’ qalbu minna. Kultant hu aħna li naqtgħu qalbna minna nfusna jew mill-oħrajn.

Dan l-iben kellu l-grazzja li, għalkemm għadda minn ħafna affarijiet ħżiena, fl-aħħar intebah u ħa d-deċiżjoni li jmur lura għal għand Missieru. Il-mument li qal “ħa nqum u mmur għand missieri” (Lq 15:18) hu hekk importanti! Ma qatax qalbu u qal “inutli issa, għaffiġtha, tard wisq!” Qam, u mar lura għand missieru. U hemm sab li missieru kien qed jistennieh jerġa’ lura għandu – għalhekk, “kif kien għadu fil-bogħod, missieru lemħu” (Lq 15:20). Mal-ewwel intebah li missieru ma qatax qalbu minnu, dejjem baqa’ jittama li jarah lura.

Alla ma jaqtax qalbu minna. Dejjem jibqa’ jistenniena.

Mingħajr kundizzjoni

Il-qofol tal-messaġġ tal-parabbola hu li Alla hu mħabba u ħniena mingħajr kundizzjoni. Il-missier mhux biss laqa’ lil ibnu, imma laqgħu bil-qalb – “b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu” (Lq 15:20). Mhux biss laqgħu bil-qalb, imma għamillu festa kbira. Id-dettalji li naraw fil-parabboli juru dan. Meta jgħid “Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa…” (Lq 15:22-23) – kollha jfissru ċ-ċelebrazzjoni kbira li ried jagħmel għax ibnu ġie lura d-dar.

Il-missier, meta reġa’ lura ibnu, ma qagħadx jgħidlu: “Issa ġejt? Qed tara kif kellek taqa’ għalija!” Ma qallu xejn minn dan, ma lmenta xejn, ma fakkarlux il-passat, ma qallux kemm kien ġablu niket f’qalbu, imma laqgħu lura b’imħabba mingħajr kundizzjoni, bi ħniena bla tarf. Hekk hu Alla magħna: lilna jħobbna b’imħabba mingħajr kundizzjoni, magħna juri ħniena bla tarf.

Tul is-snin, fost ħafna kien hemm idea mifruxa u żbaljata li jekk int titlaq lil Alla, hu jitilqek; jekk lil Alla ma tħobbux, hu ma jħobbokx. Imma l-parabbola turina li mhux hekk. Jekk titlaq lil Alla, hu jibqa’ jistenniek bil-ħerqa biex tiġi lura; jekk ma tħobbx lil Alla, hu jibqa’ jħobbok. Dan hu l-messaġġ li Ġesù jrid iwassal.

Għalhekk, fl-aħħar tal-parabbola, għandna l-kuntrast bejn il-missier kollu mħabba, u l-iben il-kbir li, għalkemm baqa’ fid-dar ma’ missieru, ma kellux l-istess qalb mimlija mħabba. Kien iħares lejn ħuh b’disprezz. Fil-fatt, innutaw kif meta jitkellem l-iben il-kbir mal-missier, jgħidlu “dan ibnek li belagħlek ġidek” (Lq 15:30) Lanqas jirrikonoxxi lil ħuh bħala ħuh. U l-missier ifakkru li hu ħuh: “dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab” (Lq 15:32)

Hija din l-imħabba mingħajr kundizzjoni fil-qalba tal-messaġġ ta’ Ġesù. Hu tant importanti li niftakru dejjem dan f’ħajjitna: Alla jħobbna b’imħabba bla tarf. Iridna nkunu miegħu, għax meta aħna miegħu nkunu tassew fil-paċi, ikollna l-ferħ f’qalbna. Meta aħna miegħu li nistgħu nagħmlu esperjenza tal-imħabba tiegħu.

Esperjenza sabiħa

Tajjeb li niftakru f’esperjenza sabiħa li bħala Nsara għandna ta’ din l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla fis-Sagrament tal-Maħfra – il-Qrar. Dan hu Sagrament prezzjuż, ta’ valur kbir, li jagħmlilna ħafna ġid; kultant ma napprezzawhx biżżejjed. Fih il-Mulej dejjem jilqagħna biex jaħfrilna, u jgħinna biex nagħżlu tassew dak li hu l-aħjar għal ħajjitna. Speċjalment f’dan iż-żmien tar-Randan, ikun jiswielna ta’ ġid li aħna nersqu lejn is-Sagrament tal-Qrar lesti biex nilqgħu l-maħfra, l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla.

Nitolbu biex ikollna dejjem din il-viżjoni u l-esperjenza ta’Alla li wasslilna Ġesù: li Alla dejjem irid l-aqwa ġid tagħna u jħallina fil-liberta; li Alla qatt ma jaqta’ qalbu minna; li Alla jrid jilqagħna dejjem b’imħabba u ħniena mingħajr kundizzjoni.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta