L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Itlaq minn quddiemi, ja xitan” (Mt 16:23). Dan hu l-kliem li smajna lil Ġesù jgħid fl-Evanġelju llum. U lil min jgħidu? Minn kulħadd, jgħidu lil Pietru, li hu ried li jkun il-kap tal-Knisja! Fil-fatt jolqotna dan il-kliem, meta proprju ftit qabel, Ġesù kien qallu: “Inti, Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16:18). Għaliex jgħidlu f’mument minnhom li se jibni l-Knisja fuqu, fuq din il-blata, u ftit wara jgħidlu “itlaq minn quddiemi, ja xitan”?

Tfixkil

Ir-raġuni jagħtihielna Ġesù nnifsu, meta jgħidlu: “Int tfixkil għalija. Għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!” (Mt 16:23) Ġesù kien għadu kif qal minn xiex se jgħaddi, jispjega lid-dixxipli tiegħu li se jgħaddi minn ħafna tbatija meta jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ, mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh u fit-tielet jum iqum. Pietru sema’ kollox barra l-aħħar biċċa – li se jqum mill-mewt – għax tant laqtu li Ġesù se jgħaddi minn din is-sofferenza, u jgħidlu: “ma jkun qatt” (Mt 16:22). Għalhekk Ġesù jgħidlu “itlaq minn quddiemi, ja xitan”, għax Ġesù kellu jgħaddi minn dan, kellu jgħaddi minn din it-tbatija, biex jifdi l-umanità. Dak kien li kellu jagħmel, u li ried jagħmel, għalhekk min jiżvijah minn dan ikun qed jagħmillu tfixkil.

Meta Ġesù qallu hekk lil Pietru, ma qallux hekk biex jinsultah, imma biex jgħallmu. Fil-fatt, innutaw kif Pietru jgħidha darb’oħra din: “ma jkun qatt” – l-istess kliem. Jgħidha darb’oħra fl-Aħħar Ċena, meta Ġesù jinżel biex jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu, u kif jiġi fuqu, jgħidlu: “ma jkun qatt” (Ġw 13:8). Hemmhekk ukoll Ġesù jispjegalu kemm hu importanti li jagħmel dan, għax hemmhekk qed juri l-għotja tiegħu għall-fidwa tal-umanità, b’servizz lejn kulħadd.

Ċaħda u salib

Naturalment, l-Evanġelju jurina wkoll kif Ġesu lid-dixxipli ma qalilhomx biss minn xiex se jgħaddi hu, imma wkoll minn xiex iridu jgħaddu huma jekk iridu jkunu dixxipli tiegħu. Jgħid: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja” (Mt 16:24). Ġesù qed jgħid lid-dixxipli li kellhom jgħaddu minn tbatija wkoll, biex ikunu dixxipli tiegħu; kif fil-fatt għamlu, għax nafu li wara li Ġesù qam mill-mewt u niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu, dawn id-dixxipli marru jħabbru l-Evanġelju, għaddew minn ħafna sofferenza, u ħafna mill-appostli spiċċaw martri.

Il-kelma li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu jgħidu lilna wkoll illum: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja”. Għalhekk, tajjeb li nistaqsu, meta nisimgħu dal-kliem ta’ Ġesù: x’ifisser dan għall-ħajja tagħna llum?

Ġesù jgħid: “jiċħad lilu nnifsu”. X’jiġifieri tiċħad lilek innifsek? Ifisser li int dak li tħoss ma tħallihx jikkmandak u jmexxik, u dak li jiġi f’rasek ma tħallihx imexxik hu, imma tagħraf tagħżel it-tajjeb mill-ħażin. Kemm hu importanti dan! Ngħidu aħna, per eżempju, fil-kliem tagħna. Kultant ikun hemm min jgħidlek “jien hekk magħmul, jitilgħuli u ngħid ħafna xorti!” Dik hi ċ-ċaħda tagħna nfusna: li aħna mhux għax il-kliem jiġina f’ħalqna, ngħiduh. Meta ngħidu kliem li hu ħażin, Ġesù mhux biss qed jarana imma qed jismagħna; u jekk nitkellmu ħażin biex nagħmluha ta’ bravi, Ġesù jismagħna. L-istess, jekk aħna nħossu fina r-rabja jew l-għira. Jekk inħallu lil dawn jikkmandawna, nimxu fit-triq ħażina. Hawn Ġesù qed jgħid li aħna hemm bżonn niċħdu lilna nfusna, dak li hu ħażin fina, biex ma nħalluhx imexxina f’ħajjitna.

Imbagħad Ġesù jgħid ukoll li rridu nerfgħu s-salib tagħna. U x’ifisser terfa’ s-salib? Is-salib jista’ jkun il-mard jew l-anzjanità. Is-salib jista’ jkun il-paċenzja li trid tieħu b’ħaddieħor u ħaddieħor jieħu bik. Is-salib jista’ jkun it-tbatija li tgħaddi minnha għax tipprova tkun fidil lejn Ġesù u jirredikolawk, jew jagħmlulek il-ħsara.  

Is-salib huwa dejjem preżenti fil-ħajja tagħna. Imma rridu noqogħdu ħafna attenti li nagħrfu liema hu verament is-salib tagħna, u nitolbu lill-Mulej biex jiggwidana f’dan.

Sitwazzjoni ta’ abbuż

Ħu, pereżempju, min qiegħed isofri minħabba vjolenza domestika – jiġifieri fid-dar qiegħed jew jaqla’ s-swat, jew vittma ta’ abbuż. Forsi jkun hemm min jgħidlek: dan hu s-salib tiegħi!  Le, mhux dak is-salib li trid terfa’. Int ma għandekx tkun vittma ta’ vjolenza domestika. Għandek salib, imma s-salib hu dak li trid tagħmel, il-ħidma li trid tagħmel kultant bit-tbatija, biex toħroġ mis-sitwazzjoni ta’ abbuż, biex ma tibqax vittma ta’ vjolenza domestika. Dak hu s-salib tiegħek!

Jew ikun hemm min ikun responsabbli tan-nies. U int taf li għandek nies li int responsabbli tagħhom li huma mdaħħlin fi prattiċi ta’ frodi jew ta’ korruzzjoni. U tgħid: dan hu s-salib li għandi! Le, is-salib li għandek hu li tieħu l-passi u l-miżuri biex issir ġustizzja u biex ma tħalli lil ħadd jagħmel dawn il-prattiċi ħżiena.

Irridu, għalhekk, noqogħdu attenti. Ħafna drabi s-salib hu dak li rridu nagħmlu, meta jkun hemm il-ħażin, mhux dak li rridu naċċettaw – dak li rridu nagħmlu biex negħlbu l-ħażin. Dak hu s-salib tagħna, dik hi t-tbatija tagħna. Dak hu li jitlob minna Ġesù biex inkunu tassew dixxipli tiegħu.

F’din il-quddiesa, nitolbu lill-Mulej li nieħdu bis-serjetà l-kliem tiegħu bħala dixxipli tiegħu, jiġifieri li aħna niċħdu lilna nfusna, nerfgħu s-salib tagħna u nimxu warajh. Nitolbuh li hu jdawwalna dejjem liema hu s-salib li rridu nerfgħu biex aħna nkunu tassew dixxipli li nimxu wara Ġesù b’ħafna mħabba u ġenerożità.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 20:7-9
Salm: 62 (63): 2,3-4,5-6,8-9
Qari II: Rum 12:1-2
L-Evanġelju: Mt 16:21-27