Il-Komunità Parrokkjali ta’ Pembroke nediet proġett ta’ tisbiħ li se jiżvolġi fis-snin li ġejjin fuq diversi fażijiet. Dan tħabbar waqt Ċelebrazzjoni Ewkaristika li fakkret is-17-il anniversarju mit-twaqqif tal-parroċċa dedikata lil Kristu Rxoxt f’Pembroke. Pembroke sar żona pastorali awtonoma fl-1998 u parroċċa fl-2004.

Ix-xogħol, li jinkludi t-tisbiħ tal-presbiterju fil-Knisja Parrokkjali, se jsir bl-intenzjoni li tiżdied il-funzjonalità u l-kumdità li tixraq fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Il-Parroċċa spjegat li fix-xogħol li se jsir madwar it-tabernaklu, se jintuża l-irħam u l-bronż u se jinħoloq spazju intimu ta’ adorazzjonu u ġabra personali.

“Il-Knisja Parrokkjali ser tilqa’ fiha b’mod permanenti, fonti tal-magħmudija magħmul minn materjali li jikkumplimentaw tassew mal-bqija tat-tibdil u tisbiħ li se jpaxxi l-għajn u jserraħ il-menti ta’ min ikun miġbur fil-Knisja.”

Intant, il-proġett se jagħmel użu estensiv mid-dawl naturali u għal mad-dawra tal-Knisja, se tinħadem Via Lucis li se tfakkar fil-mumenti ewlenin wara l-Qawmien ta’ Ġesù Kristu.

Il-Kappillan Dun Reuben Micallef qal li dan il-proġett se jagħti prominenza l-Ewkaristija li jixirqilha l-attenzjoni fil-qalba tal-ħidma fil-komunità. Żied li matul is-snin, sar ħafna xogħol madwar il-kumpless tal-Knisja u ċ-Ċentru Pastorali f’Pembroke u dan l-aħħar, inħass il-mument biex il-ħidma ssir ukoll fil-qalba tal-Knisja Parrokkjali.

Sors: Newsbook Malta