L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Kif smajtu fil-bidu tal-quddiesa, is-saċerdot li qara l-Evanġelju llum huwa Dun David Borg minn Ħaż-Żabbar, li bħalissa qiegħed jagħmel is-servizz tiegħu saċerdotali fil-parroċċa ta’ Ħal Tarxien. Dun David huwa wkoll artist bravu u jalla jkompli dan it-talent ukoll fil-ħajja saċerdotali tiegħu. Nitolbu għalih, li huwa saċerdot novell, wieħed mill-10 saċerdoti ġodda li bihom berikna l-Mulej. Nawgurawlu ħafna.
Ġesù llum jagħtina tliet kelmiet li għalih huma l-iżjed valuri importanti. Qed iħares lejn il-Fariżej li kienu għorrrief, lejn il-kittieba li kienu jafu l-liġi, imma jgħidilhom jekk jafux x’inhu aqwa mil-Liġi, “jiġifieri il-ġustizzja u l-ħniena u s-sinċerità!” (Mt 23: 23). Nippruvaw niftakruhom dawn it-tliet kelmiet: il-ġustizzja, il-ħniena u s-sinċerità jew il-verità.
Dawn huma valuri li s-soċjetà tagħna għandha bżonnhom; għandna bżonnhom anke fil-ħajja tagħna. Il-Fariżej kienu attenti ħafna għad-dettalji, għan-nagħniegħ, il-bużbież u l-kemmun u d-dieċmi u għat-taxxa li riedu jħallsu fuqha, u minkejja kienet taxxa żgħira, kienu jiġbruha xorta.
Ġesù ma joqgħodx iżejjinha wisq. Jgħidilhom: “Intom ma tħallux tgħaddi nemusa imma tibilgħu ġemel” (Mt 23:24). Hu jagħti tixbiha oħra. Ġesù huwa ħafna dirett meta jkellem lill-Fariżej għax huma suppost dawk il jifhmu, ma jistgħux jgħidu li aħna ma konniex nafu. Inutli li “tnaddfu t-tazza u l-platt jekk minn ġewwa jkunu mimlijin bi frott is-serq u r-regħba” (Mt 23:25). Ġesù qed ikellem lill-mexxejja reliġjużi u qed jgħid lilna wkoll.
Illum qed niċċelebraw lil San Ġużepp Calasanz. Ħafna drabi niġu kkritikati li ttrattajna ħażin lin-nies kbar tax-xjenza bħalma kien Galileo Galilei. San Ġużepp Calasanz kien ħabib kbir ta’ Galileo Galilei. Tant hu hekk li meta kien fl-inkwiet mal-Inkwiżizzjoni, Galileo kellu s-sapport ta’ San Ġużepp Calasanz. Meta mbagħad Galileo Galilei għama, San Ġużepp Calasanz bagħtlu xi ħadd biex jgħinu u jkun miegħu.
Hu kien jinsisti li t-tfal jgħallmuhom il-matematika u x-xjenza, u mhux biss il-kmandamenti u kif jitolbu. L-iskejjel li waqqaf San Ġużepp Calasanz għallmu lit-tfal ta’ Ruma kif jaqraw il-Latin u kif ukoll jaqraw u jiktbu d-djalett Romanesk, djalett li għadhom jitkellmuh sal-lum. Kien jinsisti li jitgħallmu l-matematika, ix-xjenza, l-iġene, l-edukazzjoni kif tittratta tajjeb lil kulħadd b’mod speċjali lill-proxxmu tiegħek, imma wkoll kif tgħodd is-somom biex ħadd ma jisirqek.
Kien bniedem li jagħmlilna unur anke meta nifhmu li l-edukazzjoni mhijiex biss kif tgħix tajjeb imma wkoll kif tgħix ta’ nies, anzi jekk tgħix ta’ nies x’aktarx tgħix ukoll tajjeb. Għalhekk, Ġesù jgħid it-tazza l-ewwel naddafha minn ġewwa mbagħad tkun nadifa minn barra. L-edukazzjoni hija dak il-proċess fejn aħna nnaddfu t-tazza tagħna mill-għanqbut tal-injoranza, mit-tartru tal-preġudizzji u meta bl-għerf tagħna nifhmu min aħna tassew, li m’aħniex ħafna, imma li hemm spazju fid-dinja anke għal ħaddieħor u mhux għalina biss, allura t-tazza tagħna tkun tassew nadifa wkoll minn barra.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Tess 2, 1-3a.13-17
Salm: 138 (139), 1-3.4-6
Evanġelju: Mt 23, 23-26