• Edge of Tomorrow

  • ***

    Direttur:        Doug Liman
    Atturi:            Tom Cruise, Emily Blunt, Bill Paxton
    Ħin:                113 minuti
     
    Klassifika taċ-Ċensura: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 12A
     
    Fil-futur qrib razza ta’ aljeni qieshom qarnit kbar, imsejħin ‘Mimics’,  ikunu qed jattakkaw lid-dinja bla waqfien, ġarrfu għadd ta’ bliet u ħallew miljuni ta’ bnedmin mejta. Dawn l-aljeni huma intelliġenti, feroċi, u qliel, u l-ebda armata tad-dinja mhi kapaċi timmeċċja l-ħeffa u l-brutalita’ tagħhom. Imma issa l-armati tad-dinja ingħaqdu flimkien biex jeħduha kontra dawn l-aljeni fi sforz biex isalvaw id-dinja. Lt. Col. Bill Cage huwa l-Uffiċjal Stampa ta’ l-armata li qed jipprova jbiegħ lin-nies il-ħrafa li l-armata qedha tirbaħ kontra l-aljeni. Iżda wara argument li jkollu mal-kap tiegħu, Cage jitneħħielu r-rank tiegħu u jintbgħat fil-frontiera, fejn jinqatel wara ftit li jasal minħabba li  ma’  jkollu l-ebda esperjenza ta’ gwerra. Ħaġa ta’ l-iskantament, Cage jerġa’ jqum u jsib ruħhu fil-bidu ta’ dik l-istess ġurnata kerha fejn jerġa’ jkollu jiġġieled u jiġi maqtul, u jerġa’ jqum u jerġa’ jiġi maqtul, u jibqa’ sejjer hekk; il-kuntatt li kellu ma’ l-aljeni daħħlu f’ċirku ta’ żmien hekk li dak li għadda minnhu jibqa’ jirrepeti ruħhu. Cage ifittex l-għajnuna ta’ Rita Vrataski li tidher li taf xi ħaġa dwar il-kundizzjoni tiegħu; hija tipperswadi lil Cage biex juża din il-kundizzjoni biex itejjeb il-ħiliet tiegħu u jitgħallem kull ma jista’ dwar l-aljeni biex ikun jista’ jgħin ħalli jirbħulhom. Cage u Vrataski jiskopru li biex dawn l-aljeni jiġu mirbuħa jridu jsibu u joqtlu l-kap jew l-omm tagħhom, l-Omega.
     
    Film thriller tal-fantaxjenza, adattat mir-rumanz ta’ Sakurazaka Hiroshi “All you need is kill”.  Huwa film maħdum tajjeb, mimli azzjoni u interessanti, fejn Tom Cruise bħala Bill Cage u Emily Blunt bħala Rita Vrataski jaqalgħu l-parti tagħhom sewwa ħafna. Fiħ xeni ta’ ġlied u vjolenza u xi kliem ħażin. It-tfal taħt it-12 il-sena għandhom ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.