
B’rabta ma’ Nsara minn knejjes differenti, Mons. Hector Scerri sostna fuq l-importanza li dak li nistgħu nagħmlu flimkien, nagħmluh flimkien, kif ukoll li l-għaqda u l-ekumeniżmu ma jfissrux li nkunu kollha l-istess, imma li nersqu lejn xulxin – “Unità ma tfissirx uniformità. Ma jfissirx li Ortodoss isir Kattoliku jew li Anglikan isir Kattoliku. Dik idea antika. Dak mhux ekumeniżmu”.
Waqt li kien qed jitkellem fuq il-programm Il-Papa Ljun XIV fuq RTK103 preżentat minn Luke Vella, Mons. Scerri qal li l-Insara għandhom ifittxu li jkunu ħaġa waħda flimkien.
Dan hekk kif illum tibda l-Ġimgħa Ekumenika – ġimgħa partikolari għall-Insara kollha għax hija ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara, jiġifieri l-imgħammdin. Din hija bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar u hija ċċelebrata mill-Insara fid-dinja kollha, mhux mill-Kattoliċi biss.
Mons. Scerri kompla jgħid li kif kien iħobb jgħid Papa Franġisku u kif diġà qed jaċċenna għaliha l-Papa Ljun, nibqgħu bi tradizzjonijet differenti tagħna imma nersqu aktar lejn xulxin.
“Mhux linji paralleli li ma jiltaqgħu qatt, imma linji li jikkonverġu. Iktar ma nersqu lejn xulxin, iktar nistgħu nagħtu xhieda
Mons. Hector Scerri
X’inhu l-ekumeniżmu?
Mons. Scerri, li huwa Konsultur għad-dikasteru li jippromwovi l-għaqda fost l-Insara, kif ukoll membru tal-Kummissjoni Internazzjonali għad-Djalogu Teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa, spjega kif l-ekumeniżmu huwa l-impenn kollu biex l-Insara mifrudin fi knejjes differenti jerġgħu jersqu lejn xulxin u jfittxu l-għaqda bejniethom.
Fil-programm ġiet spjegata d-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ djalogi:
- Djalogu interreliġjuż: Djalogu ma’ reliġjonijiet oħra fosthom Musulmani, Induisti, Buddisti, u Lhud.
- L-ekumeniżmu: Djalogu fost l-Insara, jiġifieri Kristjani fosthom Kattoliċi, Ortodossi, u Protestanti; firdiet li seħħew tul is-sekli.
Mons. Scerri ddeskriva dawn il-firdiet bħala “pjaga” u “ferita kbira”. B’rabta ma’ din il-pjaga li trid titnaddaf, Vella għamel referenza għall-Vanġelu tal-ġurnata li fiha xxandar il-programm, meta lebruż imur għand Ġesù u jgħidlu li jekk irid, jista’ jfejqu, u Ġesù jagħtih il-fejqan kollu – Mark 1:40-45.
Mons. Scerri rrimarka kif il-lebruż ma baqax fejn kien iżda resaq lejn Ġesù u hemm irċieva l-fejqan.
“Iktar ma nersqu lejn Ġesù iktar se jevaporaw il-firdiet ta’ bejnietna”
Mons. Hector Scerri
Mons. Scerri kompla jgħid li dan mhux ‘wishful thinking’ filwaqt li rrefera għal Dorotew ta’ Gaża, awtur tas-seklu 16 li kien jgħid li aħna raġġi tax-xemx – “Iktar ma nersqu lejn ix-xemx iktar se nkunu qrib ta’ xulxin għax ir-raġġi ġejjn minn dak is-sors – dik l-għajn. Iktar ma nersqu lejn Ġesù iktar se nkunu qrib ta’ xulxin, allura diffikultajiet li jqajmu gwerer u mrar bejnietna l-Insara, dawn se jispiċċaw u jisfumaw”.
Mons. Scerri stqarr li mhux li nkunu simplistiċi u niġu kollha xorta – “Li kulħadd jibqa’ bit-tradizzjoni tiegħu fiha t-tajjeb tagħha wkoll”. Dan filwaqt li Vella rrimarka li hemm espressjoni personali fil-mod ta’ kif nitolbu u ta’ kif nesprimu u nistqarru l-fidi tagħna, kif ukoll li aħna mhux l-istess iżda tal-istess Ġisem.
Semma kif hemm ħafna komuni bejn l-Insara peress li mgħammdin, u li hemm iktar li jgħaqqadna milli jifridna fosthom:
- Il-Magħmudija
- Nemmnu fit-Trinità Qaddisa – Alla wieħed fi tliet persuni
- Nemmnu li Alla sar bniedem
- L-istess Bibbja
- Is-sagramenti minkejja xi nuqqas ta’ qbil
Mons. Scerri fakkar li lejlet il-passjoni tiegħu Ġesù talab li d-dixxipli tiegħu jkunu ħaġa waħda biex id-dinja temmen.
“X’tip ta’ xhieda qed nagħtu jekk aħna li nimxu wara Ġesù mifrudin bejnietna?”
Filwaqt li Mons. Scerri semma li f’dawn l-aħħar 60 sena saret ħafna ħidma li ġġibna flimkien, irrifletta fuq il-fatt li għal ħafna sekli kien hemm anki gwerer fost l-Insara, fosthom gwerra fiċ-ċentru tal-Ewropa fis-seklu 17 li damet 30 sena, li fiha daħlet ukoll il-politika.
Vella għamel ukoll referenza għall-motto episkopali tal-Papa Ljun ‘In Illo uno unum’, espressjoni minn Santu Wistin li tfisser li fi Kristu, li huwa wieħed, aħna li aħna ħafna, aħna ħaġa waħda – espressjoni li tixhed ukoll il-mixja sinodali tal-Knisja – Knisja li timxi flimkien.
B’rabta ma’ dan, Mons. Scerri fakkar kif il-Papa Ljun, bħala l-pontifex – jiġifieri ‘dak li jibni l-pontijiet’ – meta ġie elett Papa fit-8 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet, mil-loġġa semma mill-ewwel li nibnu pontijiet.
Fil-programm ġie diskuss li hemm sekli twal ta’ tradizzjonijiet u li hemm riti differenti jiġifieri modi differenti ta’ kif tiġi ċċelebrata l-liturġija – li mhumiex ftit, anki fi ħdan il-Knisja Kattolika, li tfisser tkun f’għaqda mal-Papa/f’komunjoni mal-Papa.
Issemmiet ukoll il-knisja Syro-Malabar, li huma kollha Kattoliċi, il-Griegi Kattoliċi li għandhom il-Knisja tal-Madonna Demaxxena ħdejn il-Palazz tal-President, u l-Griegi Ortodossi li għandhom il-Knisja tal-Erwieħ San Nikola fi Triq Merkanti.
F’dokument ippubblikat mis-Santa Sede madwar 50 sena ilu, intqal li fejn Insara oħra m’għandhomx post dinjituż fejn jiltaqgħu, aħna l-Kattoliċi għandna d-dover li ngħinuhom ikollhom knisja.
“L-ekumeniżmu mhux forma ta’ diplomazija jew political correctness”
Hawn min jargumenta li l-ekumeniżmu huwa politika, iżda Mons. Scerri stqarr li dan mhux sempliċiment biex nużaw ċertu etikett. Huwa enfasizza li l-bażi tal-ekumeniżmu huwa l-ekumeniżmu spiritwali.
Huwa kkwota deskrizzjoni tal-ekumeniżmu li saret f’Malta: “Immaġina muntanja għolja ħafna u iebsa biex titlagħha, b’nies differenti telgħin minn faċċati differenti tagħha bit-tama li jaslu fil-quċċata. U xi darba għad naslu’.
“Papa Franġisku kien iħobb jgħid li l-ekumeniżmu huwa miraklu. U Alla ma jibda ebda miraklu mingħajr ma jwasslu fi tmiemu”
Mons. Hector Scerri
Hawn min jgħid li qisu fl-ekumeniżmu l-Knisja Kattolika dejjem tmur minn taħt u li qisha trid iċċedi jew titlef. Madankollu, Mons. Scerri qal li l-loġika ta’ Kristu hija bil-kontra – “Iktar ma tagħti lilek innifsek u iktar ma tkun qisek qed titlef f’għajnejn id-dinja, iktar qed tkun qrib ta’ Ġesù u iktar qed tixbah lil Ġesù”.
Mons. Scerri fisser ukoll kif wara sekli ta’ djalogi ekumeniċi mit-teoloġi bejn il-Knisja Kattolika u knejjes oħra fosthom il-Knisja Ortodossa, il-Metodisti, u l-Knisja Anglikana, “intbaħna li konna qed nitkellmu fuq l-istess ħaġa imma b’lingwaġġ u kliem differenti u għalhekk il-firda”.
Dawn id-djalogi ilhom għaddejjin madwar 50 sena.
“L-aktar djalogu bażiku bejn knejjes differenti huwa d-djalogu ta’ kuljum. Jista’ jagħmlu kulħadd”
Mons. Hector Scerri
Djalogu bejn knejjes differenti jista’ jsir hekk:
- Numru ndaqs ta’ esperti miż-żewġ naħat li jiltaqgħu għal ħidma flimkien.
- Talb għall-għaqda fost l-Insara.
- Talb flimkien fost l-Insara – niltaqgħu flimkien bħala Nsara minn knejjes differenti u nitolbu flimkien fuq l-istess Kelma ta’ Alla.
- Nagħmlu ħidma soċjali flimkien – Insara minn knejjes differenti jiġbru riżorsi bejniethom biex jgħinu karità partikolari pereżempju fl-Afrika u fl-Ażja – ekumeniżmu soċjali.
- Naqsmu l-istess spazji.
- Li niddjalogaw ma’ Nsara oħra huwa li nisimgħu lil xulxin, mhux li nitilfu jew nirbħu.
- Djalogu tal-ħajja ta’ kuljum: Titkellem ma’ kollega/ġar minn knisja oħra u tapprezza s-sabiħ tal-mod ta’ kif jgħix il-fidi tiegħu fosthom il-festi li jiċċelebra, filwaqt li naqsmu magħhom dak li hu tagħna.
B’rabta ma’ dan, Vella semma ħabib tiegħu li fl-istess blokka joqogħdu Rumeni Ortodossi, li meta jiċċelebraw l-Għid – li ma jkunx fl-istess lejl, għandhom tradizzjoni li jqassmu bajd bil-kulur wara l-bibien tan-nies fil-blokka, filwaqt li l-Kattoliċi jħallulhom xi ħaġa oħra wara l-bieb.
Mill-programm ħareġ kif b’atteġġjamenti u ġesti li nistgħu nagħmlu mid-dar u miċ-ċokon tagħna bħala nies ordinarji, nistgħu nsibu modi kif nikkonverġu.
Mons. Scerri qal li dawn huma l-aktar ġesti li jħallu effett – ġesti li jfissru mħabba u rispett.
“Mhux sempliċiment tolleranza iżda li naqsam miegħek xi ħaġa li hi għażiża għalija. Dan huwa l-bażi ta’ kull forma ta’ ekumeniżmu”
Mons. Hector Scerri
Dan id-djalogu se jkompli l-ġimgħa d-dieħla hekk kif Mons. Hector Scerri se jerġa’ jkun fuq il-programm Il-Papa Ljun XIV. Il-programm se jitratta wkoll kif il-Papa qed jikkontribwixxi għal dan id-djalogu ekumeniku minkejja li ilu ftit inqas minn sena bħala Papa.
Il-Papa Ljun XIV jixxandar fuq RTK103 kull nhar ta’ Ħamis mis-6.30pm sas-6.50pm, u kull nhar ta’ Sibt mis-6.30pm sas-7pm.
Wieħed jista’ jisma’ l-programmi kollha hawnhekk.
F’intervista riċenti fuq Għal Kulħadd, l-Arċisqof Charles Scicluna tkellem dwar l-ekumeniżmu u fakkar li dan jonora x-xewqa ta’ Ġesù fuq is-salib li xtaq Knisja waħda magħquda, li llum inqasmet f’denominazzjonijiet differenti.
Waqt li kien qed jitkellem fuq il-programm BTW, iċ-chaplain tal-AFM Fr Sergio Fenech qal “Jien bħala suldat irrid naħdem ma’ kulħadd, mhux mal-Kattoliċi biss”.
Fr Sergio Fenech tkellem dwar l-esperjenza tiegħu fl-Istati Uniti meta kien qed jitħarreġ fl-Army Institute for Religious Leadership, Fort Jackson, South Carolina. Preżenti kien hemm 57 kappillan iehor li se jidħlu kappillani mal-armata Amerikana, u dawn kienu ġejjin minn denominazzjonijiet differenti.
Fil-programm Il-Papa Ljun XIV fost l-oħrajn ġew spjegati:
- Id-dokument Mater populi fidelis maħruġ fil-bidu ta’ Novembru, li jikkjarifika l-irwol tal-Verġni Marija fl-istorja tas-salvazzjoni, b’enfasi li Ġesù Kristu biss huwa l-Medjatur bejn Alla u l-umanità.
- L-Eżortazzjoni Appostolika Dilexi te preżentata mill-Papa fl-4 ta’ Ottubru li għadda – dokument li jitratta l-għażla ta’ Alla favur il-foqra li għandha ssarraf fina għażla radikali favur il-batut.
Biex wieħed jitgħallem iżjed dwar l-ekumeniżmu, jista’ jidħol hawn.
Nitolbu li llum il-ġurnata nibqgħu nifhmu x’inhi l-għaqda, nagħrfu s-sabiħ u l-importanza tagħha, u nħallu d-djalogu ekumeniku jseħħ f’ħajjitna. Biex flok nitfu dawl xulxin, naraw li nkunu kollha mdawlin minn dawl wieħed – dak ta’ Kristu. Dan billi nersqu lejn Ġesù biex nersqu lejn xulxin, u billi nersqu lejn xulxin biex nersqu lejn Ġesù.
Source: Newsbook.com.mt
Article written by Francesca Gauci




