Photo by MART PRODUCTION

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ma mmutx imma nibqa’ ngħix, u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej” (Salm 118:17). Dan hu l-kliem li tlabna fis-salm illum, u huwa l-kliem li jfisser b’mod sabiħ ħafna din il-festa kbira li qed nagħmlu llum. Dan għaliex aħna u niċċelebraw il-qawmien ta’ Ġesù, qed niċċelebraw l-ikbar u l-isbaħ festa tagħna – fuqha hija mibnija l-fidi tagħna. 

Ġesù qam mill-mewt. Huwa dak li niċċelebraw kull meta niltaqgħu għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa kull nhar ta’ Hadd, huwa dak li qed niċċelebraw b’mod tassew solenni llum. Li kieku Ġesù ma qamx mill-mewt, kien ikollna ħafna affarijiet x’nistgħu ngħidu fuqu – fuq dak li għallem u fuq il-ġid li għallem, u fuq kemm kien bniedem tajjeb li ħalla influenza fuq in-nies ta’ madwaru – imma konna nkunu qed nitkellmu fuq xi ħadd tal-imgħoddi. Imma għax Ġesù qam mill-mewt, aħna nafu li hu ħaj. Qam biex ma jmutx aktar. Għalhekk niċċelebraw dil-festa mhux ta’ xi ħadd tal-imgħoddi, imma ta’ dak li hu ħaj, u li lilna jagħtina l-ħajja, u l-ħajja ta’ dejjem.

Il-ħajja ta’ dejjem

Bis-saħħa tiegħu, aħna nafu li l-ħajja tagħna hawnhekk mhijiex ftit snin li jispiċċaw fix-xejn, imma aħna mexjin lejn il-ħajja ta’ dejjjem. Kif smajna fil-kelma ta’ Alla llum, ir-rebħa tiegħu tfisser ukoll ir-rebħa tagħna. Għax Ġesù qam mill-mewt, aħna għandna l-garanzija li l-ħajja tagħna ma tispiċċax fix-xejn. Din li tagħmel id-differenza kollha fil-ħajja tagħna, meta aħna nemmnu tassew li l-ħajja li ġabilna Ġesù mhijiex biss il-ħajja hawnhekk, imma tkompli għall-ħajja ta’ dejjem.

Imma meta naraw il-qawmien ta’ Ġesù x’ifisser għalina llum, nindunaw kemm mhuwiex biss il-garanzija tal-ħajja ta’ dejjem. Fid-dawl ta’ dan, Ġesù wriena kif hawnhekk, f’din il-ħajja, għandna ngħixu, u bil-qawmien tiegħu wriena x’jiġifieri s-suċċess fil-ħajja tagħna llum.

Il-bidla li seħħet

Ħa naraw l-ewwel nett il-bidla li seħħet. Jekk aħna nqabblu ftit dak li ġara qabel Ġesù qam mill-mewt u x’ġara wara, naraw id-differenza kbira li din il-ġrajja ġabet speċjalment fost id-dixxipli ta’ Ġesù li, kif nafu, sal-mewt tiegħu kienu nies li tant beżgħu li kważi kollha, proprju fil-mument tal-akbar tbatija, abbandunawh, telqu. Imma wara li qam mill-mewt, u bis-saħħa tal-qawmien tiegħu mill-mewt, saret bidla kbira f’dawn id-dixxipli. B’mod li fejn qabel kienu nies li jibżgħu, nies li abbandunawh, wara, bil-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla saru dawk li jagħtu xhieda tiegħu f’tant postijiet fid-dinja.

Din hi l-bidla li ġabet il-ġrajja tal-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt. Fid-dixxipli ġabet bidla min-nies li abbandunawh għal nies li saru xhieda tiegħu. F’dawk li kienu kontrieh ġabet ukoll bidla: ħolqitilhom konfużjoni sħiħa. Fejn ħasbu li rnexxielhom joqtluh, iġibuh fix-xejn, mal-qawmien tiegħu tħawdu.

Is-suċċess fil-ħajja tagħna

Il-ġrajja tal-qawmien ta’ Ġesù hi l-festa tal-ħajja u tal-imħabba, u turina li s-suċċess fil-ħajja tagħna huwa meta aħna nagħrfu ngħożżu l-ħajja bl-imħabba. 

Meta Ġesù kien għaddej mill-Passjoni, dehret b’saħħitha l-qawwa tal-ħażen kif ukoll il-kruha tal-ħażen. Naraw speċjalment il-mibegħda, u kif din il-mibegħda twassal għall-mewt. Hemm din il-mibegħda kontinwa fil-ġrajja tal-Passjoni u tal-mewt, u hemm kontinwament il-mentalità u l-kultura tal-mewt, għax kollox iwassal biex Ġesù jinqatel.

Nafu li meta Ġesù miet, min kien kontrieh feraħ għax ħaseb li daqshekk, li issa l-istorja ta’ ħajtu ntemmet; imma nafu li l-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt wera li fil-fatt it-triq ta’ suċċess fil-ħajja hija t-triq tal-ħajja u t-triq tal-imħabba. Ġesù wera li hu b’dan il-mod li naslu tassew għas-suċċess fil-ħajja tagħna: meta aħna nagħżlu din it-triq tal-ħajja u tal-imħabba.

Meta ngħid it-triq tal-ħajja, qed ngħid tar-rispett lejn il-ħajja tal-bniedem f’kull waqt tagħha – mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Il-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt jikkonferma kemm għandna nagħżlu l-ħajja, għax il-qawmien jaqleb rasu ’l isfel il-kultura tal-mewt.

Il-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt jikkonferma wkoll l-għażla tal-imħabba sal-aħħar li għamel Ġesù f’ħajtu. Il-ġid kbir man-nies kien kollu frott tal-imħabba. Il-qawmien juri li dak kien il-veru suċċess – din il-ħajja ta’ mħabba sħiħa.

L-istedina għall-ħajja ta’ issa

Għalhekk, anke aħna, meta ngħidu “ngħixu l-qawmien illum”, qed nitkellmu mhux biss fuq iċ-ċertezza tal-ħajja ta’ dejjem li jagħtina Ġesù imma wkoll fuq il-ħajja ta’ issa għax fiha msejħin biex ngħixu l-qawmien. Hi l-ħajja ta’ issa li rridu nagħmluha ħajja ta’ suċċess, u nagħmluha billi nagħżlu l-ħajja u nagħżlu l-imħabba. 

Hi din l-għażla li tgħinna ngħixu l-qawmien, tgħinna nagħmlu dak li jfisser il-qawmien illum – kemm fil-ħajja tagħna personali, meta aħna nqumu mill-mumenti ta’ dlam tagħna, u kemm meta ngħinu nies oħra li għaddejjin minn tbatija biex iqumu minn din it-tbatija. Għal dan jistedinna llum il-Mulej, biex aħna ngħixu l-qawmien fil-ħajja ta’ kuljum. Kull meta aħna ngħinu lil xi ħadd, anke b’xi kelma jew azzjoni, biex iqum mill-problemi u d-diffikultajiet, biex iqum għal ħajja ġdida, qed ngħixu l-qawmien ta’ Ġesù. U kull meta aħna ngħinu lil xi ħadd biex joħroġ minn xi sitwazzjoni ta’ abbuż, xi sitwazzjoni ta’ inġustizzja, meta ngħinuh f’dan, qed ngħixu l-qawmien ta’ Ġesù. 

Nitobu llum lill-Mulej biex aħna nkunu dejjem grati lejh li tana dil-ħajja ġdida bil-qawmien tiegħu. U nitolbuh ukoll biex f’kull mument tal-ħajja tagħna, ngħixu dak li jfisser il-qawmien, jiġifieri: l-għażla tal-ħajja, u l-għażla tal-imħabba. Ħa ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta