-
-
L-Erbgħa 9 ta’ Ottubru l-Arċisqof Charles J. Scicluna indirizza waqt il-ftuħ tal-uffiċini l-ġodda tal-Malta Union of Teachers (MUT), fil-Ħamrun. Waqt l-inawgurazzjoni tkellmu wkoll l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo u l-President tal-MUT Marco Bonnici.
Wara l-Arċisqof żar il-wirja tal-arti viżiva li hemm għaddejja bħalissa fl-uffiċċini. Din ittellgħet wara li saret sejħa għal xogħlijiet mill-artisti u se tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Ottubru.
Il-messaġġ tal-Arċisqof
Ippermettuli nuża din l-opportunità biex insellem lil-Onor. Ministru, lill-President u l-uffiċjali kollha tal-MUT anke personalitajiet distinti. L-opportunità l-ewwel nett hija biex insellem lill-għalliema, anke għax kull wieħed u waħda minna kellu l-privileġġ li jkollu għalliema li saru parti mis-sinsla tiegħu. Waqt li qed nara l-preżentazzjoni kommoventi li kellna, bdejt naħseb fl-għalliema li għallmuni fl-iskola primarja San Bastjan Ħal Qormi, fis-Secondary Technical School dak iż-żmien, St Edward’s, imbagħad l-universitajiet differenti u inti tirrealizza l-impatt tal-għalliem fuq il-ħajja tiegħek. U aħna, huwa d-dover tagħna li nżommu lill-għalliema li taw ħajjithom biex jiffurmawna.
Din hija kategorija essenzjali għax aħna napprezzaw li l-iskola, iżjed minn qatt qabel, hija l-ambjent tas-soċjalizzazzjoni tal-istudenti tagħna, li ġejjin minn familji pjuttost żgħar u fl-iskola qegħdin f’familja ikbar. Hemmhekk qed jitgħallmu jgħixu ma’ ħaddieħor, jitgħallmu jaffaċċjaw il-kunflitti, jiġu sfidati u forsi wkoll juru l-għatx kbir li għandhom għall-imħabba.
Meta tkellem lill-għalliema tirrealizza kemm għandhom bżonn jiddedikaw enerġija daż-żmien għal dawn l-affarijiet li forsi huma periferiċi għall-kwistjoni akkademika, imma bħalma qal ukoll il-Ministru huma essenzjali għall-formazzjoni tal-bniedem u taċ-ċittadin. U nistgħu ngħidu dan fuq kull livell, primarja anke sal-livell terzjarju, fejn l-istudent nawguraw jitgħallem ikun leader fil-komunità.
Jiena nixtieq insellem ukoll dawk li 100 sena ilu, semmejtu lil Antonio Galea, għaqdu lill-għalliema biex jibdew din it-triq, li għalqet 100 sena, fejn bilfors għandha futur, u kienu qed jieħdu sehem f’esperjenza straordinarja tal-poplu Malti. M’ilux, f’dan is-sajf, iddedikajt ħafna ħin biex inħejji pubblikazzjoni ta’ ktieb dwar il-Kostituzzjoni tal-1921, ovvjament bis-sehem tal-Assemblea Nazzjonali. Jekk inti tara min kienu l-membri tal-Assemblea Nazzjonali 100 sena ilu, tirrealizza li l-Maltin ippruvaw jinkludu lil kulħadd, imma ma kienx hemm kategorija li tgħidilha għalliema. U jien naħseb Antonio Galea, li kien qed jara tant kategoriji: il-Kamra tal-Kummerċ, il-banek, eċċ, kollha rappreżentati fl-Assemblea Nazzjonali, xtaq ukoll li l-għalliema jkollhom rappreżentanza istituzzjonali meta propju l-pajjiż f’din l-Assemblea Nazzjonali, li kienet b’xi mod parti kostitwenti, qed tipprova tfassal proposta ta’ kostituzzjoni ta’ self-government limitat, imma propju fażi importanti fl-istorja tagħna, tirrealizza li anke l-għalliema ħassew li għandhom jagħtu kontribut, għaliex il-pjattaforma mbagħad serviet biex ikunu jistgħu jagħtu kontribut.
Jien nixtieq insellem ukoll il-fatt, għax din hija istorja ta’ kontribut, li l-MUT tat għall-ġlieda biex pajjiżna jkun demokrazija ħielsa. F’mumenti ta’ dlam l-MUT kienet raġġ ta’ dawl u ta’ dan nixtieq ngħid grazzi lill-MUT. X’inhi l-isfida li nara? Ippermettuli, għax għamilt din ir-riflessjoni, kif dħalt f’dan l-ambjent tant sabiħ. Il-fatt li mill-Belt ġejtu l-Ħamrun għandu sinifikat profond, anke għax illum il-Ħamrun sar ambjent li huwa mera ta’ soċjetà kosmopolita. Jekk inti tara biss il-ħwienet li nfetħu f’dawn l-aħħar snin minn hawnhekk sal-Blata l-Bajda u taraw kemm hemm delicatessens ta’ pajjiżi differenti, m’ilux qgħadt ninnutahom ħassejtni qiegħed New York. Imma inti tirrealizza li dawn qed jippruvaw jirrispondu għall-esiġenza konkreta soċjali. Il-Ħamrun, pereżempju tbiddel minn 100 sena ilu minn post li jilqa’ ħafna kummerċjalisti għall-post fejn qed jgħixu flimkien diversi komunitajiet differenti, li għandhom kulturi differenti.
U l-fatt ukoll li l-MUT għażlet li tibda tgħix bħala headquarters il-Ħamrun, dan il-post ifakkarni f’edukatur kbir – San Ġorġ Preca – li qal ħafna affarijiet. Imma waħda mill-affarijiet li kien jinsisti fuqha kienet din is-sentenza: ‘It-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid’. Kien iħobb jirrepetiha. U jien naħseb li ma jistax ikun hemm tagħlim jekk m’hemmx min jgħallem. U allura l-għalliem irid ikun dak li jagħti garanzija u esperjenza, li minnha joħroġ ħafna ġid.
Waqt li nsellem lill-għalliema kollha Maltin u Għawdxin, nawgura u nitlob u mbierek il-ħidma tal- MUT il-passat, il-preżent u l-futur. Il-paċi magħkom, kunu mberkin.
-
-