Fit-12 ta’ Novembru 2013, Caritas Malta nediet kampanja ta’ ġbir ta’ fondi għall-vittmi tat-tifun Haiyan, fil-Filippini. Din il-kampanja saret ukoll fuq talba tal-Konferenza Episkopali Maltija.
Bħalma jagħmel dejjem, il-poplu Malti wieġeb għal dan l-appell b’ ġenerożità kbira, tant li nġabret is-somma ta’ €97,000. Dawn il-fondi ser jintużaw biex il-Caritas Internationalis u dik fil-Filippini tkun tista’ ttaffi mit-tbatija li għaddejjin minnha dawk milquta’ mit-tifun.
Membri ħaddiema u voluntiera tal-Caritas minn diversi pajjiżi kienu minn tal-ewwel li marru fuq il-post biex jagħtu l-ewwel għajnuna. Fost affarijiet u servizzi oħra, l-Caritas qed tipprovdi ikel, xorb, mediċini, tined, ħwejjeġ, kutri u affarjiet oħra essenzjali.
It-tifun Haiyan ħalla aktar minn 6,200 persuna mejta, 28,626 persuna midruba, 1,785 persuna mitlufa, ‘l fuq minn miljun dar imfarrka filwaqt li 4 miljuni kellhom iħallu l-post fejn jgħixu. Hu stmat li l-ħsara li sofriet l-infrastruttura u l-agrikoltura jlaħħqu għal aktar minn 652 miljun ewro.
Il-Konferenza Episkopali Maltija u l-Caritas Malta jirringrazzjaw mill-qalb lill-poplu Malti tal-ġenerożità li wera.