• €903,564 kienet is-somma miġbura waqt Il-Festa ta’ Ġenerożità fid-Dar tal-Providenza organizzata minn RTK4Charity. Din tat bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tad-Deheb tad-Dar. Minkejja l-kesħa u x-xita li niżlet matul il-jum, folol kbar irħewlha għas-Siġġiewi biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom u jkunu parti mid-divertiment li kien għaddej taħt it-tinda li ttellgħet fil-parkeġġ. Għadd ta’ parroċċi organizzaw ġabriet speċjali. L-Amministratur Appostoliku, l-Isqof Charles J. Scicluna u l-Arċisqof Emeritu, Pawlu Cremona OP attendew ukoll għal din il-Maratona, filwaqt li l-Arċisqof Emeritu iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar.
     
    Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li din il-Festa ta’ Ġenerożità uriet il-qalb tad-deheb tal-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra wera solidarjetà u ġenerożità kbira mad-Dar tal-Providenza. Huwa rringrazzja lill-awtoritajiet ċivili u politiċi għall-appoġġ tagħhom u lil dawk il-volontiera kollha li ħadu sehem fl-organizzazzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità. Huwa qal li dawn il-fondi se jgħinu biex id-Dar tkompli tagħti ħajja xierqa u dejjem aħjar lir-residenti tagħha.