-
-
Dun Joseph Borg Micallef, magħruf aktar bħala Dun Ġużepp, miet nhar it-Tieta li għadda, 23 ta’ Mejju 2017, fl-età ta’ 94 sena.
Dun Ġużepp twieled fl-14 ta’ Diċembru 1922 u ġie ordnat saċerdot fit-2 ta’ April 1949.
Hu kien l-iktar saċerdot anzjan f’Malta u fl-aħħar snin kien jgħix fid-Dar tal-Kleru.
F’Ħamis ix-Xirka filgħodu, flimkien mas-saċerdoti tad-Djoċesi, Dun Ġużepp kien preżenti għall-Quddiesa tal‑Griżma, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Dakinhar, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, irringrazzjah tal-preżenza tiegħu u ddeskrivieh bħala saċerdot li “jirrappreżenta l-ġenerazzjonijiet kollha” u li minkejja l-età, ġedded il-wegħdiet saċerdotali tiegħu lil Ġesù.
Fuq xewqa tiegħu, il-katavru se jingħata għar-riċerka lid-Dipartiment tal-Anatomija fl-Università ta’ Malta.
Il-funeral se jsir nhar is-Sibt li ġej, mill-Università ta’ Malta għall-Knisja ta’ San Publiju fil-Furjana. Il-quddiesa tal-funeral tibda fid-9am. Fi tmiem il-Quddiesa, il-katavru ta’ Dun Ġużepp se jittieħed lura fl-Università.
Ritratt: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja