L-ewwel Superjur Ġenerali, Eugenio Borg (Gege) jbus lil Dun Ġorġ mejjet

Minn sentejn ’l hawn is-26 ta’ Lulju hu marbut mal-Jum Dinji tan-Nanniet u l-Anzjani ċċelebrat fl-eqreb Ħadd fuq xewqa tal-Papa Franġisku. Dan għaliex f’din il-ġurnata l-Knisja fil-kalendarju tagħha tfakkar in-nanniet ta’ Ġesù, Sant’Anna u San Ġwakkin.

Imma għal Malta u b’mod speċjali għas-Soċjetà tal-Museum dan hu wkoll il-jum tal-anniversarju mill-mewt tal-fundatur. San Ġorġ Preca, jew aħjar Dun Ġorġ, kif għadu magħruf minn kulħadd, miet 60 sena ilu bħal-lum: nhar il-Ħamis 26 ta’ Lulju 1962 filgħaxija.

Fl-ewwel kamra tax-xellug fis-sular ta’ fuq tad-dar tas-soċja Nellie Bartolo fejn għex l-aħħar xhur ta’ ħajtu, fi Triq il-Parroċċa, Santa Venera, bil-Kappillan Patri Kilian Azzopardi ocarm jassistih maġenb is-sodda tal-mewt, is-saċerdot twajjeb u għaref ta l-aħħar nifsijiet tiegħu wara ħajja mogħtija kollha għal Alla u għall-poplu tiegħu. Kellu 82 sena.

Il-fama tiegħu ta’ qaddis kienet ġa mxerrda ma’ Malta kollha, hekk li l-funeral jumejn wara fil-Knisja parrokkjali ta’ San Gejtanu kien wieħed mill-akbar li qatt ra n-nazzjon, b’folol ma jaqtgħu xejn – hu maħsub li ħarġu xi 20,000 ruħ – jimlew it-toroq mnejn għadda l-korteo u joħonqu l-knisja tal-Ħamrun. Dan minkejja li hu kien wera x-xewqa ta’ funeral sempliċi.

Wara li nkiseb permess speċjali mis-Soċjetà tal-Museum, it-tebut ġie midfun fi kripta apposta taħt il-Kappella tal-Midalja Mirakoluża, il-Blata l-Bajda. Fiż-żjara riċenti tiegħu f’Malta, il-Papa Franġisku għamel waqfa mhux mistennija fil-bieb ta’ din il-kappella biex isellem il-qabar ta’ dak li l-predeċessur tiegħu kien ġa sejjaħlu “t-tieni missier ta’ Malta fil-fidi”.

Il-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni fetħet fit-13 ta’ Marzu 1975, u kien il-Papa qaddis Ġwanni Pawlu II innifsu li waqt żjara f’Malta fl-2001 ibbeatifikah flimkien ma’ żewġ Maltin oħra. Wara miraklu ieħor bl-interċessjoni tiegħu, Dun Ġorġ ġie kkanonizzat f’Ruma minn Benedittu XVI fit-3 ta’ Ġunju 2007, 45 sena wara mewtu.

Wara 60 sena, l-għadd ta’ dawk li jiftakru lil Dun Ġorġ ħaj qiegħed kulma jmur jonqos. Imma mhux il-wirt li ħalla, f’tagħlim u kitbiet, u fuq kollox fil-monument ħaj tiegħu li hi s-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija.

Intant, illum, il-Kappella ta’ Sidtna Marija tal-Midalja Mirakoluża fi Blata l-Bajda se tkun miftuħa sa 12pm u mill-4pm sal-10pm. Se tiġi ċċelebrata quddiesa fis-7pm. Is-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. qed tistieden lill-Insara biex imorru fil-kappella u jitolbu quddiem il-fdalijiet ta’ San Ġorġ Preca.

Sors: Newsbook Malta