Il-Kulleġġ tal-Kappillani f’dawn l-aħħar snin għamel diversi riflessjonijiet fuq temi attwali waqt il-Live-Ins annwali tiegħu u waqt il-laqgħat regolari tal-Kulleġġ. Dawn it-temi jolqtu direttament il-ministeru pastorali tal-kappillani u għalhekk ġew żviluppati linji-gwida li ġew diskussi waqt il-Live-in ta’ din is-sena. Il-preżentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida saret minn Patri Joe Saliba O. Carm, Kappillan tal-parroċċa ta’ Fleur-de-Lys, u Dun Albert Buhagiar, Arċipriet tal-parroċċa tal-Mosta. La darba jiġu ffinalizzati, dawn għandhom jgħinu lill-kappillani biex iżommu ruħhom ffukati fuq dak li hu l-uffiċċju proprju tagħhom. Dawn il-linji-gwida huma ndirizzati biex jolqtu dawn l-aspetti primarji fil-ħajja tal-kappillan:
- Il-kappillan bniedem ta’ Alla
- L-ispiritwalità tal-komunjoni
- L-evanġelizzazzjoni u l-katekeżi
- Ir-relazzjoni mal-lajċi
- L-għażla tal-foqra
1. “Biex ikunu miegħu” (Mk. 3,14)
Il-kappillan il-bniedem ta’ Alla
- Il-kappillan, fl-istruttura tal-ġurnata tiegħu għandu jħoss il-bżonn li jħalli ħin solidu biex jinġabar fit-talb.
- L-istil ta’ ħajja li jadotta għandu jirrifletti l-valuri tal-Vanġelu (sempliċità, sens ta’ sagrifiċċju, modestja, divertiment adekwat, safar, mistrieħ).
- Isir jixbaħ aktar lil Kristu fl-umanità tiegħu billi jkabbar fih is-sens ta’ umiltà, ħlewwa u sabar.
2. “Biex ikunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw. 17, 21)
L-Ispiritwalita’ tal-komunjoni
- Il-kappillan ikun fus li jgħaqqad madwaru s-saċerdoti li jaħdmu miegħu fil-parroċċa.
- Ikollu attitudni ta’ nkoraġġiment u ta’ apprezzament mal-presbiterju parrokkjali.
- Il-kappillan irid jifhem li l-ubbidjenza li wiegħed lill-Isqof titlob minnu li jkun fehma waħda fid-deċiżjonijiet u d-direttivi li joħorġu mill-Kulleġġ tal-Kappillani, u fid-direzzjoni li tagħti d-Djoċesi fil-Pjan Pastorali.
- Irid iġorr f’qalbu t-tbatija u s-salib tal-ħajja tal-Knisja, b’disponibilità sħiħa u konkreta għal dak li titlob minnu l-missjoni tiegħu bħala kappillan.
3. “Biex jibagħthom jippriedkaw” (Mk. 3, 14)
L-Evanġelizzazzjoni u l-Katekeżi
- Il-kappillan ikun midħla tal-Kelma ta’ Alla.
- Iħoss il-bżonn li jagħmel konverżjoni pastorali fejn jidħlu strutturi, metodi u ħeġġa biex ikun jista’ jasal għal evanġelizzazzjoni ġdida.
- Bl-eżerċizzju tal-lectio divina regolari, il-kappillan iwassal din il-Kelma ta’ Alla fil-ministeru pastorali tiegħu.
- Għandu jieħu b’responsabbiltà l-oneru pastorali afdat f’idejh billi jara li l-amministrazzjoni ta’ sagrament issir bi tħejjija u katekeżi xierqa. L-amministrazzjoni tas-sagramenti hija okkażjoni qawwija ta’ evanġelizzazzjoni.
- Is-Sagramenti huma mumenti importanti fil-ħajja tal-Knisja u ta’ min jirċeviehom. Għalhekk hija responsabbiltà fil-ministeru tiegħu ta’ kappillan li jwassal il-messaġġ li ċ-ċelebrazzjoni ta’ kull sagrament hi ħafna iktar minn mument soċjali, u li jwassal lin-nies għalihom bi preparazzjoni xierqa u responsabbli. Għalhekk għandu jwaqqaf strutturi adegwati biex is-sagramenti ikunu akkumpanjati b’mixja ta’ fidi u b’katekeżi kontinwa għall-benefiċċju tal-Poplu ta’ Alla.
4. “Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott” (Ġw. 15, 5)
- Il-preżenza tal-kappillan f’Jum il-Mulej għandha tgħin mhux biss waqt il-mument taċ-ċelebrazzjoni, imma wkoll bħala mument biex jiltaqa’ man-nies u jinbena aktar is-sens ta’ komunità.
- Waqt li jara li jkunu osservati n-normi liturġiċi, għandu jara li l-liturġija ma titqalx b’ritwaliżmu, żidiet u tul bla bżonn, rutina u nostalġija tal-passat.
- L-Ewkaristija tiddomina u taħkem il-personalità u l-umanità tal-kappillan biex hekk fl-imġieba tiegħu kollha jkun jidher it-twemmin marbut ma’ kif qed jgħix.
- Il-Kelma ta’ Alla hija waħda mill-presenzi ta’ Alla fil-komunita ekkleżjali. Jeħtieġ li l-kappillan jikber fl-għarfien tal-Kelma ta’ Alla bħala presenza.
- Il-Kelma ta’ Alla trid tkun li tinfluwenza l-ħajja u l-imġieba kollha tiegħu.
- L-esperjenza profonda tiegħu mal-Kelma tħeġġu jistimola diversi tiġdid, u inizjattivi ġodda ta’ evanġelizzazzjoni fil-lajċi li jaħdem magħhom.
- Ikun iċċarat xi tfisser eżatt amministrazzjoni ta’ sagramenti.
- Il-kappillan irid joħloq bilanċ bejn dik l-amministrazzjoni li hija strettament marbuta mal-ministeru tiegħu ta’ kappillan u dik l-amministrazzjoni li tista’ tiġi delegata; ikun jaf kif għandha tiġi delegata.
5. “Niġbed lill-bnedmin kollha lejja” (Ġw. 12,32)
i. Il-kappillan irid jissaħħaħ u jitħeġġeġ fl-imħabba pastorali.
- Ikollu l-umiltà fejn ikun jista’ jilqa’ kritika oġġettiva.
- Jagħżel numru ta’ operaturi pastorali u jagħmel magħhom esperjenza ta’ fidi.
- Dan għandu jwassal biex flimkien magħhom ikompli jibni l-komunità b’mod responsabbli.
- Il-fiduċja li l-kappillan jibni fin-nies għanda sservi ta’ ġid għalih u għalihom fil-ħidma pastorali.
- Il-mument ta’ flimkien fil-presbiterja parrokkjali, fl-Unità Pastorali u fil-Kulleġġ tal-Kappillani għandhom iħeġġu fl-imħabba u fil-ħeġġa pastorali.
- Dawn huma mumenti li jwasslu lill-kappillan jagħraf ir-riżorsi fil-ħidma flimkien.
ii. Il-qadi tal-ministeru tagħna irid iwassal biex il-kappillan jagħmel mixja ta’ fidi mal-poplu tiegħu.
- Ikollu ħerqa biex ikun miftuħ għal kulħadd.
- Il-mod kif jgħix u jitkellem joħloq sens ta’ kompassjoni u fiduċja fil-komunità afdata f’idejh.
- Jgħarbel regolarment lilu nnifsu dwar kemm ifittex dak li jaqbel lilu jew dak li jaqbel għall-parruċċani.
6. “Mill-ħażna tiegħu joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim” (Mt. 13, 52)
i. Il-kappillan għandu jħoss ir-responsabbiltà biex dak li toffri d-Djoċesi bħala aġġornament u formazzjoni jisfruttah mill-aħjar li jista’.
ii. Il-kappillan għandu jkun saċerdot li jħobb lil kulħadd, ikun ta’ kulħadd u jkun sinjal li hu bniedem ta’ Alla, imexxi bi qdusija, b’imħabba u b’sens ta’ qadi.
iii. Fiż-żminijiet tal-lum, l-enfasi tal-kappillan trid tkun aktar fuq il-being (bniedem ta’ Alla), milli fuq id-doing.
iv. Minn dak li hu tradizzjonali jisfrutta u joħroġ il-ġid pożittiv tiegħu.
- Dak li jara li qed itellef għandu jkollu l-kuraġġ inneħħih.
- Dak li jimpenja ruħu fih, għandu jagħmlu sew u b’impenn.
7. “Ilkoll tgħammidna fi spirtu wieħed” (1 Kor 12, 13)
i. Jinvesti fl-għażla u fil-formazzjoni ta’ l-operaturi pastorali. Fl-għażla tal-persuni irid jiġi kkunsidrat:
- Il-kapaċità ta’ l-individwu
- Il-motivazzjoni u
- L-impenn
ii. Il-formazzjoni għandha tkompli tibni fuq dawn l-aspetti:
- Id-dixxerniment u l-għażliet pastorali huma l-isfida li l-kappillan flimkien ma’ l-operaturi pastorali għandu jagħmel biex jasal għal deċiżjonijiet pastorali li jwasslu għal dan:
- Il-Presbiterju Parrokkjali
- Il-Kunsill Pastorali
- L-Assemblea Parrokkjali
iii. Il-lajċi juriehom ħeġġa, entużjażmu u apprezzament. L-ikbar kuraġġ u ħeġġa tal-lajċi, jiġu mis-sens ta’ kuraġġ u ħeġġa li jkollu l-kappillan.
iv. Meta wieħed joħloq dan is-sens ta’ fiduċja, is-sens ta’ familja, is-sapport jiġi waħdu.
8. “Għandi wkoll ngħaġ oħra li mhumiex minn dan il-maqjel.” (Ġw. 10, 16)
i. L-isfida tal-kappillan illum mhux biss għandha tingħata fil-pastorali fil-knisja, imma li joħroġ u jfittex in-ngħaġ il-mitlufa, lill-imbegħdin u lill-indifferenti.
ii. Il-kappillan irid juża l-mezzi kollha biex jifhem ir-realtà soċjali tal-parroċċa, jifhem is-sinjali taż-żminijiet, u jindika d-dawl fl-aspetti li wieħed għandu jaħdem fuqhom.
Click on the photos to enlarge. The photos of the Archbishop’s events may be purchased from PHOTOCITY, Valletta. Tel: 21236723. Email: [email protected]