Nhar is-Sibt 15 ta’ Ġunju 2024 saret l-ordinazzjoni episkopali ta’ Dun Henry Balzan li nħatar mill‑Papa Franġisku bħala Isqof Awżiljarju tal-Arċidjoċesi ta’ La Serena, fiċ-Ċilì. F’diskors qasir fi tmiem il-quddiesa, l-Isqof Balzan irringrazzja lill-Papa Franġisku kif ukoll lill-Arċisqof tad-djoċesi tiegħu, li sab fih appoġġ u gwida. Semma wkoll is-sostenn li sab mid-Djoċesi ta’ Copiapó, l-ewwel parroċċa li laqagħtu fiċ-Ċilì u li għallmitu l-lingwa tal-post kif ukoll kif ikun tassew saċerdot.
“Grazzi lil sħabi tal-kors li qegħdin hawn: l-Isqof Awżilarju ta’ Malta Joseph Galea-Curmi u Dun Gordon Refalo; u Dun Paul Buttigieg, saċerdot li laqgħani u għeni fl-ewwel jiem tiegħi fiċ-Ċilì. Grazzi għall-Knisja ta’ Malta li minnha tlaqt b’sentimenti qawwija ta’ missjoni.”
L-Isqof Balzan sellem u rringrazzja wkoll lill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u lill-Ġiżwiti Maltin li jgħixu fiċ-Ċilì, li akkumpanjawh kemm ilu jgħix f’dan il-pajjiż. Sellem ukoll lil oħtu u ftakar fil-ġenituri tiegħu li għaddewlu l-fidi u l-valuri li għadu jġorr sal-lum.
L-Isqof Balzan irringrazzja wkoll lill-membri tal-konferenza episkopali tiegħu ta’ La Serena li laqgħuh bħala ħuhom. Sellem ukoll lil sħabu Maltin, li segwew it-trasmissjoni tal-ordinazzjoni episkopali tiegħu online, u jittama li jiltaqa’ magħhom meta jiġi jżur Malta.
“Jiena kburi li ngħodd b’wieħed minnkom, iben il-missjunarju kbir San Pawl. Inħobb lil Malta u nitlob għal pajjiżna.” Kompla jitlob it-talba tal-Innu Malti għal Malta u Għawdex.
Temm id-diskors tiegħu: “Tpoġġunix fuq pedestall imma żommuni f’talbkom!”
Il-quddiesa saret fil-Katidral tal-Madonna tal-Ħniena f’La Serena. Minn Malta kkonċelebraw l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi; Dun Gordon Refalo, Dun Paul Buttigieg u Dun Mark Mallia Pawley.
Il-filmat tal-ordinazzjoni episkopali: