L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Tilgħabx man-nar”. Dan huwa parir li ħafna minna żgur smajnieh, xi mument jew ieħor, f’ħajjitna. Hawn min iżid, jgħidlek: jekk tilgħab man-nar, fl-aħħar tinħaraq! Hu dan wieħed mill-messaġġi li jagħti Ġesù fl-Evanġelju llum f’din is-silta li għadna kif smajna. Hawnhekk Ġesù jitkellem darbtejn fuq dak li għalina hu “okkażjoni ta’ dnub” (Mt 5:29.30), u jgħid li rridu mal-ewwel nieħdu azzjoni biex ma nħallux it-tentazzjoni tegħlibna.
L-ewwel ħaġa li tinnota fil-kliem ta’ Ġesù hu kemm huwa ċar. Ġesù dejjem iridna nagħmlu distinzjoni bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, u nsejħu lill-ħażin b’ismu. Hawn Ġesù, meta jitkellem fuq l-adulterju, qed jitkellem fuq kmandament ta’ Alla, u qed jgħid: “la tagħmilx adulterju” (Mt 5:27). Huwa ċar. Ġesù ma jgħidx: jekk inti taħseb li għandek tagħmel adulterju, nirrispetta d-deċiżjoni tiegħek; jew: jekk tħoss il-bżonn ta’ adulterju, min jiena biex ngħidlek le? Ma jgħidx hekk Ġesù! Jgħid: la tagħmilx adulterju, l-adulterju huwa ħażin. Napprezzaw kemm hu importanti li aħna nkunu ċari, anke għax kultant illum hawn min l-adulterju għalih huwa stil ta’ ħajja. Kważi kważi, jgħid: aħjar hekk! Ġesù qed jgħid: l-adulterju huwa ħażin.
Anzi, jekk iktar minn hekk. Għax jgħid: mhuwiex ħażin biss li wieħed imur mal-mara ta’ ħaddieħor, jew mar-raġel ta’ ħaddieħor. Imma qed jgħid: anke fil-qalb, jekk aħna nħallu x-xewqat tagħna jirkbuna u jikkmandawna. Meta Ġesù qed jgħid “tixtieqha” (Mt 5:28), mhux qed jgħid għax jgħaddi ħsieb, jew xewqa u tibqa’ għaddejja. Imma meta l-ħsibijiet tagħna jew ix-xewqat tagħna jmexxuna huma, u jikkmandawna, u nibdew naħsbu f’ħafna affarijiet. Ġesù qed jgħid: hemmhekk ukoll ħażin. Ninnutaw, għalhekk, li Ġesù qatt ma jniżżel l-istandards morali tiegħu, speċi: billi n-nies qed jaħsbu differenti llum, u iva, ħa tgħadd din! Ġesù jagħmel il-kontra. Qed jgħid x’kienu jemmnu dak iż-żmien, u qed jesiġi aktar minn hekk. U qed jagħmel dan mhux biex iżid xi piż fuqna, imma biex aħna ngħixu tassew ħielsa, mhux bil-ktajjen li jorbtuna.
Fil-fatt, għalhekk imbagħad Ġesù jgħid xi ħaġa li tolqotna mill-qrib, meta jsemmi: “Jekk għajnek il-leminija hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek” (Mt 5:29); u l-istess jgħid: “Jekk idek il-leminija hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra, u armiha ’l bogħod minnek” (Mt 5:30). Hu kliem iebes. Ma jfissirx li aħna nibdew naqtgħu biċċiet minn ġisimna u nagħmlu ħsara lilna nfusna. Aħna nafu li Ġesù jridna nirrispettaw il-ħajja tagħna dejjem, u qatt ma nagħmlu ħsara lilna nfusna. Imma hawnhekk Ġesù qed jgħid ħaġa oħra. Qed jgħid li jekk inti tirrealizza li dak li qed tagħmel ħa jwasslek għad-dnub, ieqaf mal-ewwel. Tilgħabx man-nar! Ħalli mhux dak li ma tixtieqx, imbagħad, iseħħ għax l-affarijiet jiġru bik.
Nafu kemm hu importanti dan. Ġesù hawnhekk isemmi l-id, u jsemmi l-għajn; u aħna nistgħu nsemmu l-ilsien, u eżempji. Kemm hu importanti li aħna jkollna l-qawwa li jagħtina Alla biex ngħidu: daqshekk, irridu nieqfu! Per eżempju, Ġesù jsemmi l-id. Kemm issir ħsara llum meta wieħed jibgħat messaġġ, u kultant fuq il-media soċjali wkoll, mal-ewwel bla ma jaħseb! Jaqbad idu, jagħmel koċċ ittri, u jibgħat il-messaġġ li jista’ jkun li jagħmel deni flok ġid. L-istess jekk insemmu l-ilsien: kemm issir ħsara kultant bl-ilsien! Iweġġgħu n-nies, jitkissru familji, toħloq malafama, tkasbar id-dinjità ta’ ħaddieħor. Għalhekk Ġesù qed jgħid: irridu nirrealizzaw dan. Li qed jgħid Ġesù hu importanti, għax qed jgħid: aħna responsabbli tagħna nfusna. Kultant jiġri li nwaħħlu f’ħaddieħor għall-ħażin tagħna. Ngħidu: mhux minħabba dak! Jew: dik ġagħlitni nsempel! Ġesù qed jgħid: ħares lejk innifsek, ara dak li jmexxik fil-ħajja tiegħek. Qed jgħid dan għax iridna ngħixu ħielsa, mhux inħallu dak li aħna nħossu fina jmexxina hu.
Dal-kliem hu importanti, imma nafu kemm għandna bżonn l-għajnuna ta’ Alla biex ngħixuh. U għalhekk, dak li smajna llum fl-Ewwel Qari, fit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, meta jgħid: “Aħna għandna t-teżor f’ġarar tal-fuħħar” (2 Kor 4:7). Għandna teżor, għaliex Alla tana l-grazzja tiegħu f’ħajjitna, imma aħna ġarar tal-fuħħar. Nitolbu lill-Mulej biex jgħinna ngħożżu dejjem dan it-teżor – il-grazzja tiegħu fina – u jgħinna wkoll biex jibqgħu sħaħ il-ġarar tal-fuħħar.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta