L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Omm ta’ Ġesù, ħu ħsiebi int, kun ommi tul is-snin”. Dan hu l-kliem li għadna kif kantajna fl-innu tad-dħul għall-quddiesa, u hu l-kliem li jfisser b’mod sabiħ ħafna l-festa li qed niċċelebraw illum tal-Madonna tal-Karmnu, patruna ta’ dan il-post.
Rigal kbir fil-mument tal-akbar tbatija
Għadna kif rajna fl-Evanġelju skont San Ġwann, lil Ġesù fuq is-salib, fl-aktar mumenti diffiċli ta’ tbatija għall-ħajja tiegħu. U meta kien fuq is-salib, qabel ma qal: “Kollox hu mitmum” (Ġw 19:30), jiġifieri li temm dak li kien ġie għalih fid-dinja, għamel xi ħaġa speċjali ħafna għalina lkoll. Hu qal lil Marija ommu li kienet fejn is-salib “Hawn hu ibnek” (Ġw 19:26), u lid-dixxiplu l-maħbub “hawn hi ommok” (Ġw 19:27). U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu. Hu r-rigal kbir li Ġesù tana minn fuq is-salib, ftit qabel ma temm ħajtu u għadda għall-ħajja ġdida bil-qawmien mill-imwiet. Ried lilna jħallilna din l-omm li, bħalma ħadet ħsiebu tul is-snin, tieħu ħsieb ukoll tagħna, kull wieħed u waħda minna.
F’din il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, qegħdin niftakru f’din l-omm magħżula biex lilna tieħu ħsiebna. U tieħu ħsiebna bħalma kienet tieħu ħsiebu. Aħna nafu li Marija ħadet ħsieb Ġesù minn qabel ma twieled, mill-mument meta kien tnissel fiha, għax nafu li l-ħajja tal-bniedem tibda mat-tnissil. Minn dak il-mument, Marija kienet diġà qed tieħu ħsiebu u tipproteġih. Hekk għamlet meta ġie biex jitwieled u ma kellux fejn jitwieled, hi dawritu bl-imħabba kbira tagħha. Hekk kompliet ukoll tagħmel tul is-snin tal-ħajja ta’ Ġesù, tieħu ħsiebu bħala omm. Ukoll meta kiber, u beda l-missjoni tiegħu, baqgħet qribu bħala omm. U baqgħet hekk sa taħt is-salib, sa meta Ġesù kien qed imut, u kellu hemmhekk, f’dan il-waqt diffiċli, il-faraġ ta’ din l-omm li baqgħet qribu. Hemmhekk mhijiex qed tgħid ħafna kliem, anzi ma nisimgħuha tgħid xejn, imma l-Evanġelju jgħid li kienet “wieqfa” (Ġw 19:25) hemm miegħu, preżenza mimlija mħabba li għal Ġesù kienet preżenza ta’ faraġ u ta’ tama.
Jgħoddu ħafna għal Marija dawk it-tliet kelmiet li jsemmi l-Papa Franġisku: viċinanza, tenerezza, kompassjoni: viċina ta’ Ġesù, tħobbu bi mħabba tenera, u taqsam miegħu l-mumenti ta’ ħajtu speċjalment il-mumenti ta’ tbatija. Meta Ġesù tahielna bħala omm, ried jgħid li dak li għamlet miegħu, ħa tagħmlu issa wkoll magħna. Fil-fatt, insibuha fil-bidu tal-Knisja, miġbura mad-dixxipli, il-preżenza tagħha hi preżenza li tgħaqqad, preżenza ta’ mħabba u ta’ tama.
Omm ta’ faraġ u ta’ tama
Illum niċċelebraw din l-omm li lilna tieħu ħsiebna u tħarisna. Aħna għandna ħafna bżonn din il-preżenza, speċjalment fil-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna meta nkunu qed naraw biss dlam, diffikultajiet u problemi, meta aħna nħossuna waħedna, meta jkollna tant affarijiet li jtaqqluna fil-ħajja tagħna. Hemmhekk niftakru f’din l-omm li tahielna Ġesù, li lilna tgħidilna: hemm tama, taqtax qalbek, m’intix waħdek, jien qiegħda hawn biex lilek ngħinek timxi ’l quddiem, qatt taqta’ qalbek. Kemm hi sabiħa li għandna din l-omm dejjem fil-ħajja tagħna!
Marija turina li hi ommna kemm bil-preżenza tagħha, kif ukoll bil-preżenza ta’ tant nies li lilna jagħtuna l-għajnuna. Aħna nafu li tgħin hi, imma tgħin ukoll permezz tal-oħrajn – bħalma għamlet fit-tieġ ta’ Kana, meta hi riedet tgħin, imma ma marritx tiddeffes fin-nofs biex tkun protagonista hi, imma qalet tliet kelmiet lil Ġesù “ma għandhomx inbid” (Ġw 2:3). Dak kien biżżejjed. Fil-kwiet u b’mod effettiv. Marija hekk taħdem illum bħala omm – taħdem permezz ta’ tant nies li f’ħajjitna jipprovdulna l-għajnuna.
L-għajnuna permezz tal-oħrajn
Hawnhekk nixtieq nirringrazzja lil tant nies – kemm professjonisti, kif ukoll ħaddiema oħra u nies midħla tal-Isptar Monte Carmeli, li qed jagħtu l-għajnuna, li bil-ħajja tagħhom ifittxu li jkunu ta’ ġid u jagħmlu l-ħajja tal-oħrajn isbaħ. Kemm hu sabiħ meta tiftakar f’dan, kemm hu sabiħ meta tiftakar li ommna Marija bl-eżempju tagħha ddawwal u tkun ta’ ispirazzjoni għal tant nies li jgħinuna!
Għalhekk il-messaġġ li tagħtina din l-omm illum hu messaġġ qawwi biex dejjem inħarsu ’l quddiem fil-ħajja tagħna. Niftakru fil-preżenza tagħha, niftakru wkoll fl-għajnuna li tagħtina permezz ta’ tant nies. L-appell li hi tagħmlilna llum hu biex dejjem infittxu l-għajnuna li neħtieġu, biex qatt ma ningħalqu fina nfusna imma dejjem infittxu min jista’ jgħinna ħalli nimxu ’l quddiem fil-ħajja tagħna. Aħna nafu li hawn diversi nies lesti biex jgħinu, u Marija ddawwalna biex nirċievu din l-għajnuna li nkunu neħtieġu.
Appoġġ lill-persuni bi problem ta’ saħħa mentali
Nixtieq nagħmel appell għalina lkoll, kemm bħala Knisja kif ukoll bħala soċjetà, biex aħna dejjem ngħinu lill-persuni li għandhom problemi jew sfidi fis-saħħa mentali; li aħna dejjem nagħtuhom l-appoġġ, u fina jsibu nies li bħal Marija nkunu viċin tagħhom, nuruhom attenzjoni u mħabba; fina jsibu dawk li lesti ngħinuhom jimxu ’l quddiem. Nixtieq li lkoll naħdmu biex ikollna komunità fejn kulħadd hu importanti, fejn kulħadd għandu valur u dinjità, fejn nirrispettaw il-ħajja ta’ kull persuna.
Nitolbu lil Marija biex tbierek dan il-post, lir-residenti hawnhekk, lil kull min jiġi hawn, lill-professjonisti u oħrajn li jaħdmu hawn u jagħtu s-servizz tagħhom. Nuru gratitudni għall-ħidma li jagħmlu l-patrijiet Kapuċċini b’dedikazzjoni f’dan l-isptar – hawn illum il-Provinċjal tagħhom – kif ukoll il-kontribut tal-parroċċa ta’ Ħ’Attard – hawn il-kappillan preżenti għal din il-quddiesa.
Nitolbu li aħna jkollna dejjem għal qalbna dan il-post, ħalli nagħtu l-appoġġ meħtieġ, dejjem ħarsitna lejn din l-omm, li lilha ngħidu: “Omm ta’ Ġesù, ħu ħsiebi int, kun ommi tul is-snin”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju