L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jagħtina żewġ tixbihat illum, meħuda mid-dinja tal-ħxejjex u mill-biedja. Kien jinnota ħafna l-kampanja ta’ żmienu, u fl-Evanġelju nsibu riferiment għal diversi ħxejjex u sitwazzjonijiet li huma qrib tagħna wkoll fil-Mediterran.
Fl-ewwel tixbiha, Ġesù donnu jqabbel is-Saltna t’Alla, dan il-proċess, li permezz tiegħu aħna nersqu lejh u lejn il-ħniena tiegħu; bħala xi ħaġa li tinżera’ fil-qalb tagħna, li mbagħad trid żmienha. L-ebda bidwi ma jmur fir-raba’ fiż-żmien iż-żergħa u jippretendi li se jaħsad l-għada.
Qed jgħallimna nitgħallmu nistennew. Għandna kultura fejn kollox irid isir ilbieraħ, u mhux illum. Il-Mulej jgħallimna wkoll il-paċenzja – bina nfusna, b’xulxin. Imma qed jagħtina wkoll kelma ta’ tama: hemm il-Mulej li qed imexxi. Il-bidwi li jrid jaħdem u jagħżaq, u jdemmel. Ma joqgħodx idu f’idu. Irid jafda wkoll fil-proċess tan-natura. Il-bidwi jaf ħafna b’dan il-proċess, u min jirrifletti ma jistax ma jimtelax b’sentiment t’ammirazzjoni, stagħġib. Inti tiżra’ żerriegħa ċkejkna u fi żmienha, għax iż-żrieragħ mhux kollha xorta, tinbet. Vera li tkun saqqejtha u tajtha ħamrija tajba; imma trid tirrealizza li m’intix totalment fil-kontroll tagħha. Hekk ukoll il-ħajja.
Nimmaġina tant ġenituri li jħarsu lejn iż-żgħażagħ tagħhom, u jgħidu: “Jiena rabbejthom tajjeb, sinjur. Imma donnu li għidtilhom, minn widna daħal u mill-oħra ħareġ”. Anke f’dawn is-sitwazzjonijiet, din il-kelma hi importanti. Int poġġejt kelma; agħtiha ċans. Jiġi l-mument li dak li jkun jirrealizza l-għerf tagħha. Irid ikollna fiduċja u tama fit-tajjeb li Alla żera’ fil-proċessi, li Alla joħloq anke permezz tagħna fl-umanità. Jekk ma nagħmlux hekk, jekk mingħalina se nkunu f’kontroll ta’ kollox, malajr nitilfu t-tama.
It-tieni tixbiha ta’ Ġesù hi li m’għandniex niskandalizzaw ruħna, jew nitfixklu mill-bidu żgħir u ċkejken. Isemmi ż-żerriegħa ċkejkna, dik tal-mustarda u jgħid fl-osservazzjoni tiegħu: “imma wara li tinżera’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu” (Mk 4:32). Imma ma tistax taqta’ qalbek għax il-bidu hu ċkejken. Il-Mulej jaf juża tbissima, kelma tajba, azzjoni tajba u jxettilha hu.
Irid ikollna fiduċja u tama fit-tajjeb li Alla żera’ fil-proċessi, li Alla joħloq anke permezz tagħna fl-umanità. Jekk ma nagħmlux hekk, jekk mingħalina se nkunu f’kontroll ta’ kollox, malajr nitilfu t-tama.
Wara kollox aħna u nqimu t-twelid ta’ din it-tifla ta’ Anna u Ġwakkin, qegħdin nifirħu bil-bidu ċkejken tas-salvazzjoni tagħna. Twieldet tfajla, semmewha Marija. Waħda mill-interpretazzjonijiet, għax hemm ħafna, tal-isem tal-Madonna: ‘Mariam’ (isem għażiż għall-poplu Lhudi għax oħt Mosè kien jisimha Mariam) hi li tfisser ‘qatra mill-baħar’. Kemm hu kbir il-baħar, kemm hu kbir l-oċean; ‘Mariam’, qatra minn dan il-baħar. Bil-Latin, ‘Stilla Maris’, qatra mill-baħar; imbagħad aħna għamilnieha ‘Stella Maris’, imma m’għandhiex x’taqsam. Hi qatra mill-baħar, ċkejkna, insinjifikanti tista tgħid. Imma dik il-qatra t’ilma ħelu, li l-Mulej poġġa fid-dinja bit-twelid tal-Bambina, bidlet l-imluħa u l-imrar tal-baħar fi ħlewwa.
Bidu ċkejken imma li ħalla ħafna frott. Għax wara kollox, aħna nsellmu lil Ġesù, b’dan it-titlu sabiħ meta nsellmulha: “Ġesù, il-frott tal-ġuf tiegħek”. Kemm hi ħaġa sabiħa li meta nindirizzaw lill-Madonna fis-Sliema u l-Qaddisa, meta nsemmu lil Ġesù nfakkruh, li hu l-frott qaddis tal-ġuf qaddis tagħha.
Din is-sena, li għandha twassalkom biex tiċċelebraw iċ-ċentinarju tal-inkurunazzjoni tal-Bambina fl-4 ta’ Settembru, importanti ħafna li nifhmu li dik id-devozzjoni li missirijietkom kellhom u li esprimew mitt sena ilu, illum trid tkun ukoll impenn għall-futur. X’tama se ngħaddu lil ġenerazzjoni, li jekk Alla jrid mitt sena oħra jfakkru l-200 anniversarju. Dak il-proġett li jibda llum b’sens ta’ tama u umiltà.
Ħa nkellem lil ġenituri: “Tibżgħux tgħaddu kelma ta’ ġid”. San Pawl jgħidilna wkoll “iddejquhomx”. Malajr jgħidulek li dejjaqtni. “Iġġarbuhomx iżżejjed lil uliedkom” (Ef 6:4), imma dik il-kelma għidha. Iżda wkoll iżjed mill-kelma, hu l-eżempju, għax il-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar.
Wara kollox il-Madonna u San Ġużepp ma qalux ħafna kliem. Veru li l-Madonna nfexxet f’għanja kbira, meta żaret lil Eliżabetta. Imma lill-anġlu, meta saret omm Alla x’qaltlu? ‘Ma nifhimx’, meta spjegalha, “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38). L-aħħar kelma tagħha li nsibu fl-Evanġelju, qed tħares lejn Binha, u lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana tgħidilhom: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Jekk aħna nieħdu l-kliem tal-Madonna f’dan iċ-ċentinarju, li hemm fl-Evanġelji u nixtarruhom, inħalluhom li jkunu dik iż-żerriegħa ċkejkna u nafdawhom f’idejn Alla li jkabbar hu, u jwassal għall-ħsad. Il-Mulej jaf li minn żerriegħa ċkejkna jaf ikabbar xitla kbira.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 17:22-24
Salm: 91(92): 2-3,13-14,15-16
Qari II: 2 Kor 5:6-10
Evanġelju: Mk 4:26-34