• ****

    Direttur: Charles Martin Smith
    Atturi: Harry Connick, Jr, Ashley Judd, Nathan Gamble, Kris Krtitfferson, Cozi Zuehlsdorff, Morgan Freeman, Austin Stowell u Juliana Harkavy
    Ħin tal-film: 107 min 

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊINEMA: U
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: PG

    Sawyer, zagħzugħ, li tliet snin ilu kien salva d-dolfin “Winter”, illum –il ġurnata jinsab jaħdem fil- Clearwater Marine Aquarium u jħarreġ numru ta’ voluntiera. Barra “Winter” insibu wkoll delfin ieħor bl-isem ta’ “Mandy” li kienet sabet ruħha f’diffikulta`. Preżentament kienet qegħda għal kura f’dan l-akwarium. Minnaħa l-ohra Winter kellha ħabiba bl-isem ta’ Panama li bħal Winter kienet impossibbli li terġa’ lura lejn l-oċean minħabba l-fatt li kellha kważi erbgħin sena.

    Sawyer minnaħa l-oħra ġie mistieden minn Professur tal-Universita` ta’ Boston biex jattendi kors ta’ tliet xhur fl-Universita`, okkażjoni unika li ma tantx kienet frekwenti għal xi ħadd barra l-kors. Sawyer, iżda ma kienx daqshekk ħerqan għaliex kien jinsab imħasseb fuq Winter. Biex tkompli tagħmilha diffiċli ghalih biex jiddeċiedi, Panama, jum wieħed tinstab mejta fil-qiegħ tal-akwarium. Din il-mewta għall-għarrieda kellha effett kbir fuq Winter b’riżultat li bdiet tirrifjuta l-ikel barra wkoll ma kienitx trid li tilbes id-denb prostetiku li kellha minħabba f’inċident kienet sfat bla denb.

    Spettur li kien jagħmel spezzjoni biex jara li s-saħħa tad-delfini kienet qegħda tiġi mħarsa, ma tantx baqa’ kuntent. Dan l-ispettur ta tletin jum lil Dr. Clay Haskett, li kien imexxi dan l-akwarium, biex jagħmel xi ħaġa. Mandy minnaħa l-oħra kien waslilha ż-żmien biex terġa’ lura lejn l-oċean. X’jista’ jsir biex Winter terġa’ tieħu r-ruħ. B’xorti tajba wara ftit jiem, tingħata l-aħbar lil Dr. Clay li kien hemm iċ-ċans li jieħdu delfin ta’ eta` żgħira iżda l-problema hi jekk Winter hux sejjer jaċċetta din il-defin bl-isem ta’ “Hope”. X’jigri minn hawn? Film ħelu ħafna u adattat għall-familja kollha. Il-film isegwi l-ewwel film li ħareġ fl-2011 bl-isem ta’ Dolphin Tale. Toħroġ tajjeb id-dedikazzjoni ta’ dawk il-ħaddiema u voluntiera li jaħdmu f’dan il-qasam, xogħol li mhux dejjem hu faċli u jkun mumenti ta’ diżappunt. Minħabba li hemm mumenti ta’ tesjoni u biza`, jkun tajjeb li t-tfal iż-żgħar ikunu akkompanjati minn xi adult.