• ****

    Direttur: Rowan Joffe
    Atturi: Nicole Kidman, Mark Strong, Colin Firth, Anne-Marie Duff, Dean-Charles Chapman U Rosie MacPherson
    Ħin tal-Film: 92 min. 

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15

    Christine Lucas f’inċident stradali tilfet il-kapaċita` tal-memorja kollha kemm tal-passat kif ukoll tal-present. Filgħodu kif tqum, ma kienet tiftakar la fejn kienet u anqas min kien ir-raġel rieqed maġembha. Kienet tgħix minn jum għal ieħor, tiddependi biss minn dak li kienu jgħidulha. Għaddew għoxrin sena minn dak l-inċident fatali u llum –il ġurnata ftit kien sar progress. Kienet biss tiddependi fuq dak li kien igħidilha r-raġel tagħha Ben li kien jipprova jerġa jimlilha l-vojt fil-memorja tagħha. Iżda Christine ma ddumx ma terġa tinsa kollox. L-għada fil-għodu kienet tqum u tiġi wiċċ imbwiċċ mal-istess problema: dik li ma tiftakar xejn.

    Dr.Nash, neopsikoloġista kien ha nteress fil-qagħda xejn komuni tagħha. Mingħajr ma tgħid xejn lil Ben, kuljum kienet tirrikordja messaġġ fejn kienet tgħid min kienet u l-fatti li kienet tiftakar. Maż-żmien Christine bdiet tpoġġi dak li kienet tiftakar u timlih bħal ma wieħed jimla t-taħbila fil-moħħ ta’ biċċiet tifkiriet milgħodi. Iżda ħafna drabi l -ftit memorja li bdiet tiftakar ftit li xejn kienu jagħmlu sens. Iktar ma beda jgħaddi ż-żmien, Christine iktar tħawwdet u ma bdiet tafda f’ħadd ħlief f’Dr. Nash li bdiet tinġibed lejh. Min kien Ben, ir-ragel li kien jagħmel minn kollox biex jipprova jgħin lil Christine biex tiftakar min kienet? U wara kollox min kienet tassew Christine? Ftit ftit Chrisitine bdiet tiftakar li hi kienet kittieba u anke omm, b’tifel.

    Ċerti memorji koroħ bdew jiġuha f’moħħa. X’kien ġara dik inhar u għaliex Ben, ir-ragel tagħha kien qiegħed iżomm lura milli jgħidilha l-verita` kollha? Min kienet Claire? Għaliex m’għadiex iktar f’kuntatt magħha? X’jiġri meta Christine u Ben imorru għal btala qasira fi tmiem -il gimgħa fl-okkazjoni tal-anniversarju taż-żwieġ tagħhom? Film triler, Brittaniku, bi storja tajba u ntensiva, msejjes fuq in-novella miktuba fl-2011 minn S. J. Watson. Christine Lucas kienet tqum ma tafx min kien ir-ragel rieqed maġembha u wisq inqas fejn kienet u min kienet, dan wara nċident stradali għoxrin sena ilu. Reċtar mill-aqwa ta’ Nicole Kidman u Colin Firth li jaqilgħu l-parti tagħhom b’sengħa kbira. Minħabba t-tema tal-film ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax –il sena.