• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi


  • Il-Monasteru ta’ San Pietru, l-Imdina

    11 ta’ Lulju 2019

  • Soli Deo placere desiderans” hi frażi meħuda mill-kitbiet tal-Papa San Girgor il-Kbir fuq San Benedittu, li twieled Norcia fl-Italja madwar is-sena 480. Tfisser li Benedittu fittex li jogħġob lil Alla waħdu. Hi l-frażi li tiġbor fiha b’mod sabiħ il-ħajja ta’ dan il-qaddis kbir sa minn meta kien għadu żgħir.

    Fil-fatt, meta Benedittu kien għadu żgħir u mar jistudja Ruma fejn bagħtuh il-ġenituri tiegħu li kienu sinjuri, ra l-ħajja ħażina madwaru u ddeċieda li jħalli kollox u jmur jgħix waħdu fuq l-għoljiet in-naħa tal-Lvant ta’ Ruma. Wara xi żmien jgħix ma’ xi rħieb, sar eremita f’Subiaco. Hemmhekk għex waħdu għal tliet snin. Kien għalih żmien ta’ solitudni ma’ Alla u żmien ta’ maturazzjoni fil-ħajja ta’ fidi.

    Il-Papa Benedittu XVI jgħid li kienet din l-esperjenza li għenet lil Benedittu biex jegħleb tliet tentazzjonijiet bażiċi: it-tentazzjoni li jqiegħed lilu nnifsu fiċ-ċentru; it-tentazzjoni li jħalli lis-sensi jikkmandawh; u t-tentazzjoni li jinħakem mir-rabja u mill-vendetta. Benedittu kien konvint li kien biss wara li jegħleb dawn it-tentazzjonijiet li seta’ jgħid kelma ta’ ġid lill-oħrajn fil-ħtiġijiet tagħhom. Kien wara li sab din il-paċi interjuri li waqqaf l-ewwel monasteri fil-wied ta’ Anio, ħdejn Subiaco.


    Żvilupp fil-ħajja monastika

    Fis-sena 529 iddeċieda li jħalli Anio u jmur Montecassino. Din kienet maturazzjoni oħra fil-ħajja ta’ Benedittu – hu għadda minn ħajja monastika moħbija għal ħajja monastika differenti, li kellha skop pubbliku fil-ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà u kienet tagħti viżibilità akbar lill-ħajja tal-fidi.

    F’Montecassino, Benedittu waqqaf monasteru b’Regola li baqgħet magħrufa ħafna, mibnija fuq it-talb, l-istudju u x-xogħol. Kienet inizjattiva tassew kreattiva u kuraġġuża, frott tal-Ispirtu ta’ Alla. Viċin tiegħu ġiet ukoll tgħix f’ħajja reliġjuża oħtu, Santa Skolastika. Illum San Benedittu hu meqjus missier il-monastiċiżmu tal-Punent.

    Ir-Regola ta’ San Benedittu fiha ħafna għerf mhux biss għall-monastiċi li għażlu li jimxu warajh iktar mill-qrib imma wkoll għal dawk kollha li jridu jieħdu bis-serjetà l-mixja tal-ħajja tagħhom spiritwali. Toffrilhom għajnuna għal dixxerniment ta’ dak li hu essenzjali fil-ħajja spiritwali biex wieħed ikun jista’ jagħżlu minn dak li hu sekondarju, u minn dak li hu ta’ tfixkil.

    Nixtieq li nirriflettu fuq tliet punti mir-Regola tiegħu u mill-ħajja monastika Benedittina.


    Ħajja ta’ talb

    Fir-Regola tal-ħajja monastika jinsisti: “Tqiegħdu xejn qabel Alla”. Il-ħajja ta’ talb kienet il-bażi tal-ħajja u l-ħidma ta’ Benedittu. Għalhekk kellhom rwol determinanti t-tifħir liturġiku u l-qari meditat tal-Kelma ta’ Alla. Din il-lectio divina hi ċentrali fil-ħajja tal-Benedittini.

    Imma t-talb ma kienx ifisser għal Benedittu ħarba mir-realtà, jiġifieri li jidħol fil-ħajja interjuri biex jaħrab l-ansjetà u l-konfużjoni ta’ żmienu (u kien  hemm ħafna fi żmienu). It-talb kien jiftaħlu għajnejh u qalbu għal Alla kif ukoll għall-bniedem, bil-ħtiġijiet kollha tiegħu. It-talb kien qabel xejn smigħ li mbagħad isir azzjoni, b’mod li Alla jkun mhux biss imfaħħar fit-talb imma wkoll igglorifikat fil-ħidma.

    Benedittu kien jgħallem li l-persuna m’għandhiex tfittex lilha nnifisha, imma lil Alla u l-qadi tiegħu fis-servizz tal-oħrajn. Hu b’dan il-mod li ssib il-paċi u s-serenità fil-qalb. Benedittu kien jinsisti ħafna fuq l-umiltà li hi l-verità – meta bniedem isir ħaġa waħda ma’ Kristu, imbagħad isib il-milja ta’ ħajtu.


    Ħajja ta’ studju u xogħol

    Ir-Regola ta’ Benedittu għandha fil-qalba tagħha l-motto: “Ora et labora” – “Itlob u aħdem”. Il-kontemplazzjoni u l-azzjoni jmorru flimkien.

    Bit-twaqqif tal-ħajja monastika, Benedittu ta kontribut kbir għal Ewropa b’għeruq Insara, tant li Papa Pawlu VI, fl-24 ta’ Ottubru 1964, iddikjara lil Benedittu patrun tal-Ewropa.  Il-Benedittini għarfu l-valur tal-istudju u tal-ħidma magħmula b’ħafna ħsieb. Bnew knejjes, fetħu ħafna skejjel, għallmu l-bdiewa jħaddmu l-art, taw taħriġ fis-snajja’, ippreservaw ħafna mill-klassiċi Griegi u Rumani, taw kontribut għal progress kbir fix-xjenza, fl-arti u fl-agrikoltura.


    Ħajja ta’ ospitalità

    Ir-Regola ta’ Benedittu titkellem fuq punt tant importanti fi żmienna: l-ospitalità. Hemm dik il-frażi marbuta ma’ Benedittu: “Hospes venit, Christus venit”. Għandek tilqa’ lill-persuni għax fihom tara lil Kristu li qal: “Kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35). San Benedittu kien jenfasizza din l-ospitalità, speċjalment għall-fqar, għall-aħwa fil-fidi u għall-pellegrini.

    Nitolbu llum lil San Benedittu l-ewwel nett għall-Benedittini f’dan il-monasteru u f’tant monasteri oħra, biex ikomplu jsibu fih ispirazzjoni qawwija għal ħajjithom u bħalu jaħdmu bil-motto: “Soli Deo placere desiderans”. Nitolbu wkoll biex il-Knisja jkollha l-grazzja ta’ nies bħal San Benedittu li jgħaqqdu flimkien it-talb u l-ħidma kreattiva għall-ġid tas-soċjetà ta’ żmienna. Nitolbu wkoll biex l-ospitalità tkun karatteristika li tibqa’ tiddistingwina bħala poplu Malti.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju

    0

     Advanced issues found