L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti u Missieri jħobbu u aħna niġu u ngħammru għandu” (Ġw 14:23). Għeżież djakni li l-Mulej qed jagħżilkom għall-Ordni tal-Presbiterat, il-mistoqsija li jagħmlilkom Ġesù llum kif jagħmel lil kull wieħed u waħda minna hija l-istess mistoqsija li għamel lil Pietru fuq ix-xatt tal-Għadira ta’ Tiberijade: “Tħobbni, inti?” (Ġw 21:17).
Mill-frażi ta’ Ġesù “Jekk xi ħadd iħobbni” nifhmu li r-relazzjoni tagħna miegħu trid tkun relazzjoni ta’ mħabba. Mhix relazzjoni ta’ serviliżmu jew biża’ jew sottomissjoni krudili u għamja imma relazzjoni ta’ mħabba. Nifhmu wkoll li dan hu li jistenna minna: jekk xi ħadd iħobbni rridu nħobbuh b’risposta għal tant imħabba li rċevejna.
“Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti”: il-ħarsien mhuwiex biss l-ubbidjenza imma l-fatt li bix-xhieda tagħna aħna nwasslu l-kelma ta’ Ġesù. “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti”: li tħares hija li tobdi, li tixhed għall-kelma imma twassalha bħala espressjoni ta’ din ir-relazzjoni ta’ mħabba u allura f’kull kelma li twassal, tidwi l-kelma ta’ Ġesù u l-imħabba tiegħu għalina, l-imħabba tiegħek għalih.
L-imħabba lejn Ġesù hija konferma ta’ kemm iħobbna l-Missier: “Missieri jħobbu u aħna niġu u ngħammru għandu”. Hija straordinarja li Ġesù jikkonferma r-rieda tat-Trinità Qaddisa li tgħix fina; li aħna nkunu għamara ta’ Alla l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu u aħna ngħixu fih u hu fina.
Il-Mulej wegħedna difensur, avukat, konsolatur, l-Ispirtu s-Santu. Jien nixteq nitlobkom, għeżież djakni, li dalwaqt tiġu ordnati saċerdoti, li titolbu lill-Mulej Alla biex intom tkunu difensuri tal-poplu tiegħu, avukati tal-poplu tiegħu, konsolaturi tal-poplu tiegħu. Qed jingħatalkom l-Ispirtu s-Santu li huwa d-difensur, l-avukat u l-konsolatur u qed jimliekom bil-qawwa tiegħu u jibagħtkom biex tkunu intom ukoll quddiem Alla avukati tal-poplu, difensuri tal-poplu u konsolaturi tal-poplu.
Il-Mulej jagħtikom teżor kbir u nitlobkom twassluh lill-poplu tiegħu b’kull nifs ta’ ħajjitkom: “Jien nħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi”. Kemm hi kelma għażiża din li jgħidilna Ġesù. Ma jgħidilniex biss ‘is-sliem’ iżda jgħidilna “is-sliem tiegħi”. Biex jinsisti li dak li qed jagħtina huwa s-sliem tiegħu, jgħidilna: “Ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja”. Dan hu misteru kbir fuq il-metodu li juża Ġesù biex jagħtina l-paċi.
Ejjew nifhmu x’qed jipprova jgħidilna meta jgħidilna: “il-paċi mhix se nagħtihielkom kif tagħtihielkom id-dinja”. Id-dinja twegħedna l-paċi u nibqgħu b’idejna vojta. Mela żgur mhux se jagħtihielna b’ingann, mhux se jagħtihielna bit-triq għan-niżla tas-sodisfazzjon, tal-egoiżmi tagħna, tal-proġetti fiergħa tagħna imma l-paċi tiegħu tgħaddi mis-salib imqaddes. Għalhekk, issir paċi li ma tingħatax kif tagħtihielna d-dinja. Dan il-metodu ta’ Ġesù aħna nibżgħu minnu u bir-raġun. Imma ħafna drabi nitfixklu quddiem it-tbatija, l-umiljazzjoni, id-dnubiet tagħna u ninsew li l-Mulej ħerqan jagħtina l-paċi mhux kif tagħtihielna d-dinja imma l-paċi tiegħu. Ġesù kif sab il-paċi? Kif tahielna? Bil-misteru tas-salib tiegħu u tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. Meta wrihom il-pjagi tiegħu li kkawwżajna aħna bi dnubietna, id-dixxipli ferħu għax raw il-prezz tal-paċi tagħhom u l-paċi tal-umanità ma’ Alla. Intom ministri tal-paċi ta’ Ġesù miksuba bid-demm imqaddes tiegħu u bil-qawmien glorjuż tiegħu mill-imwiet.
Se jiġu mumenti ta’ dlam u ta’ konfużjoni u nitlobkom tiftakru f’din il-kelma li l-Ispirtu qara fuqkom illum: “Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża”.
Bħalma Mattija, li qed niċċelebraw il-festa tiegħu llum, intgħażel bħala xhud tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet, hekk tridu tkunu intom xhieda tal-mewt ta’ Ġesù li ġġorru f’ġisimkom u f’ruħkom fil-misteru tal-ubbidjenza u tal-umiljazzjoni imma wkoll xhieda tal-qawmien ta’ Ġesù fil-ferħ tal-qalb tagħkom, fil-paċi tal-ħarsa tagħkom, u fis-safa tal-qalb tagħkom.
“Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’” (Ġw 14:27). Kemm-il darba l-Mulej, meta jsejħilna bħalma sejjaħ il-profeti, bħalma sejjaħ lil Marija biex tkun ommu, la tibżax la tibżax. Illum il-kelma ta’ Alla li nqrat fuqkom bil-providenza ta’ Alla tgħidilkom: tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’. Jista’ jkun li wieħed jaħseb li d-dinja hija ostili wisq, li s-saċerdot m’għadux rilevanti, li l-ħajja tagħkom hija ħajja moħlija, spiċċuta u mormija. Se jiġu mumenti —għax inkella nkun qed inqarraq bikom jekk ma ngħidilkomx — ta’ dlam u ta’ konfużjoni u nitlobkom tiftakru f’din il-kelma li l-Ispirtu qara fuqkom illum: “Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża”.
Il-kelma tagħkom trid tkun espressjoni ta’ dak il-kuraġġ li quddiem il-biża’ u forsi b’riġlejn jitrogħdu jafda fil-qawwa tal-Mulej. “Għidtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ biex meta jseħħ temmnu”. Ġesù jgħid din il-kelma lejlet il-mewt tiegħu u l-qawmien tiegħu mill-imwiet u l-kelma li s-Spirtu jnissel fuqkom, permezz tat-talb tal-Knisja llum, isseħħ fil-ħin tiegħu.
Ftakru f’din il-ħaġa: jiġri x’jiġri bil-mandat illi tirċievu, bit-tgerfix li jkun hemm fl-ubbidjenza li tirċievu, ma titilfux il-paċi, titilfux il-paċi.
Il-Mulej ried li tiġu ordnati saċerdoti fil-festa ta’ San Mattija. Għandu jkollna devozzjoni kbira lejn dan l-appostlu li ntagħżel bix-xorti imma għandna wkoll ikollna devozzjoni kbira lejn sieħbu Ġużeppi Barsaba imsejjaħ ‘Ġustu’ li ma ntagħżilx. It-tnejn kellhom il-kwalifiċi neċċesarji. Huwa misteru kbir għaliex intagħżel Mattija u ma ntagħżilx Ġużeppi. Min jaf kemm se jkollkom tgħaddu minn din il-mistoqsija fil-ħajja tagħkom bħala saċerdoti intom u tobdu lis-superjuri tagħkom, lill-isqof djoċesan jew is-superjur leġittimu, u tgħidu għax għażel lil dak u mhux lili? Din hija ħaġa li ngħaddu minna lkoll u għalhekk, fil-festa ta’ Mattija, infakkru wkoll lil min ma ntgħażilx bħalma hu Ġużeppi, għax għandna ħafna devoti tiegħu fil-Knisja. Aħna l-Maltin għandna bżonn nifhmu iżjed id-devozzjoni kbira lejn San Mattija għaliex meta nagħmlu l-appostli aħna qatt ma npoġġuh, inpoġġu lil Pawlu minfloku. Fuq l-artal bħalissa ma hemmx l-apostolat imma fit-tradizzjoni Rumana, il-post ta’ Mattija tajnieh lil Pawlu. Dan hu misteru ieħor.
Ftakru f’din il-ħaġa: jiġri x’jiġri bil-mandat illi tirċievu, bit-tgerfix li jkun hemm fl-ubbidjenza li tirċievu, ma titilfux il-paċi, titilfux il-paċi. Il-ħarsa tagħkom trid tkun fuq Ġesù, fuq Ġesù. Fil-konfużjoni tad-dinja u t-tgerfix tal-bnedmin, inkluż tal-isqfijiet, intom tridu tagħrfu l-id ta’ Alla li taħdem b’mod tassew stramb imma tmexxi, tmexxi. U hekk la titħawdu u lanqas titbeżżgħu, u jkollkom dik il-paċi li jwiegħed Ġesù li mhux se jagħtihielkom kif tagħthielkom id-dinja bil-frugħa u bil-vanità vojta tagħha imma se jagħtihielkom taħt id-dell tas-salib.
Nitlobkom ukoll li għall-poplu ta’ Alla tkunu dejjem aħbar tajba, evanġelju. Nitlob fuqkom li meta jisimgħu li ġej il-Fr (Sean, Jean Claude jew Robert) in-nies ma jeħdux qatgħa imma li twasslu t-togħma tal-Evanġelju li kif jispjegaha tant tajjeb il-Papa Franġisku, hija t-togħma tal-viċinanza, tal-kompassjoni, tat-tenerezza. “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti” din il-kelma tal-ħniena li llum, mingħajr mertu tagħna, se tintalab fuqkom u tittrasformakom. “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti”.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta