• Il-Ħadd 2 ta’ Ottubru 2016, f’żewġ ċelebrazzjoniet tal-Ewkaristija, l-Arċisqof Charles J. Scicluna amministra s‑sagrament tal‑Griżma tal‑Isqof lill‑adoloxxenti fil‑Parroċċa ta’ Ħaż Żebbuġ.
       

      Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

    • Knisja Parrokkjali Ħaż Żebbuġ

      2 ta’ Ottubru 2016

      Għeżież żgħażagħ li se tagħmlu l-Griżma,

      Wieħed minnkom qralna silta’ sabiħa ħafna mill-Ittra li San Pawl liż-żgħażugħ Timotju.

      Jiena nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet ispirati mis-silta’ li smajna llum. L-ewwel nett San Pawl lil Timotju jfakkru fid-don ta’ Alla li jinsab fina bit-tqegħid tal-idejn (2 Tim 1, 6). Anke l-Isqof fil-Griżma – l-ewwel jitlob li jdejh jestendihom fuqkom u jitlob l-Ispirtu s-Santu, u mbagħad waqt li qed jagħmel is-salib fuq il-ġbin tagħkom, iqiegħed idejh fuqkom u intom qed tirċievu don speċjali, id-don ta’ l-Ispirtu qaddis tal-Mulej.

      San Pawl jispjegah hekk: “Alla ma taniex spirtu ta’ biża’” (v. 7). Inti illum mintix se tirċievi spirtu ta’ biża; mhux se nagħtik spirtu biex tibża’ minn Alla, fis-sens li titwerwer minnu. Tgħidli: ‘Isqof Charles, aħna llum nafu li wieħed mis-seba’ doni tal-Ispirtu s-Santu li se nirċievu llum huwa l-Biża’ ta’ Alla. Allura x’inhu dan il-Biża’ ta’ Alla li huwa biża’ tajjeb?” Jiena lil Alla nqimu ta’ Alla li hu. Għandi nifhem li jiena nqim lil Alla ta’ Alla li hu mħabba, ta’ Alla li hu ħniena. Aħna mhux nitwerwru minn Alla imma aħna rċivejna spirtu ta’ qawwa, spirtu ta’ mħabba, spirtu ta’ rażan. Mela d-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu hawn min jispjegahom b’seba’ doni; l-appostlu Missierna San Pawl jispjegahom fi tlett doni: spirtu ta’ qawwa, spirtu ta’ mħabba, spirtu ta’ rażan. Huwa iżjed faċli li tiftakarhom it-tlieta, għax jekk nistaqsi liema huma s-seba’ kollha faċli titfixklu.

       

      L-Ispirtu tal-qawwa

      X’inhu l-Ispirtu tal-qawwa? Li inti jkollok il-qawwa spiritwali tgħid ‘iva’ għat-tajjeb u ‘le’ għall-ħażin. Il-martri ta’ Ġesù Kristu ingħataw din il-qawwa tat-tixrid tad-demm. Aħna mhux bilfors ningħataw dan it-tip ta’ martirju, imma kuljum irridu nagħmlu għażliet, żgħar u kbar, li għandhom il-qawwa ta’ l-Ispirtu qaddis tal-Mulej. Nagħtu każ, qiegħed ma’ sħabek l-iskola u xi ħadd tiġih l-idea li taħarbu mill-iskola, teħduha off. Trid naqra qawwa biex tgħid “le, id-dover tagħna li nkunu fil-lezzjoni, futbol wara”.  Trid ħafna qawwa imma din il-qawwa, tgħidli “u iva billi nċedi darba”. Xi darba tkun Paceville jew xi mkien ieħor u joffrulek id-droga u inti jrid ikollok il-qawwa li tgħid ‘le’ u dakinhar jekk ma tkunx ittrenjat biex tgħidha, tagħmel waħda tinkiteb: teqred lilek innifsek u ’l ommok u ’l missierek, u lil min iħobbok. Bħalma jgħid Ġesù: “min ikun fidil fil-ftit ikun fidil fil-ħafna”. Anke fl-affarijiet iż-żgħar, ftakru fid-don tal-Mulej li jagħtikom tal-qawwa li tirreżistu l-ħażen. Jista’ jkun meta tikber inti u jkollok għażla bejn li tgħix onest jew li ma tgħix hekk, irid ikollok il-qawwa biex tgħix hekk.

       

      L-Spirtu ta’ mħabba

      L-imħabba mhux biss is-sentiment, l-imħabba hija dik li inti tagħti ħajtek. Bħalma jagħmlu l-ġenituri tagħkom, min iħobbkom, l-eżempju tal-parrini tagħkom illum qegħdin quddiem. Iridu jkunu ta’ eżempju, mhux “l-ewwel jien it-tieni jien, jekk jibqa’ jien” imma li naqsmu ħajjitna ma’ ħaddieħor fl-imħabba tagħna, il-ħin tagħna, il-ħolm tagħna.

      L-imħabba allura tinkludi l-maħfra tal-għedewwa, iebsa. L-imħabba tfisser li inti tgħin lil min hu batut. L-imħabba hi ukoll li tirrispetta lill-ġenituri tiegħek. Issa tibdew tikbru, min jaf eh? Mur ħares lejkom erba’ snin oħra. Kultant waqt li twebbes rasek, trid tgħid: “għad jgħodd għalija r-raba’ kmandament: weġġaħ lil missierk u ’l ommok”, mhux tweġġagħhom, turihom ġieħ billi tobdihom, tisma’ minnhom għax jixtiequlkom ħafna ġid, l-ikbar ġid. 

       

      L-Ispirtu tar-rażan 

      L-aħħar don, fil-lista qasira li tiġbor kollox, huwa l-Ispirtu tar-rażan. Xi tfisser? Ħa ngħidha bl-Ingliż: tfisser ‘control’. Intom qatt innutajtu plejer tajjeb ħafna tal-futboll, imma jrid ikun tajjeb ħafna ta. Huwa bravu daqskemm jaf jixxuttja minn nofs il-grawnd u forsi jagħmel xi wieħed gowl, imma wkoll huwa kapaċi għax jaf jikkontrolla l-ballun, iqassmulu l-ballun u jikkontrollah, ma jħallihx għaddej. Għaliex huwa bravu, irażżan anke x-xutt tiegħu jkun ikkontrollat. Jew qatt rajtu xi wieħed minn dawn tal-muturi ikunu għaddejjin off-road? Jiena nammirahom ħafna għaliex mhux biss jafu jlebbtu, dak kulħadd kapaċi, bit-throttle. Darba għamiltha, għax għamilt għaxar snin bil-mutur żgħir, u l-ewwel throttle li għamilt bqajt għaddej fil-kanċell tas-seminarju għax ma kkontrollajtx! Mhux imbilli tagħfas it-throttle, jew il-gas tal-mutur, hemm il-brejkijiet ukoll, allaħares ma jkollokx il-brejk. Ir-rażan huwa li tkun taf tuża’ l-brejk tajjeb, dak ir-rażan. Ir-rażan mhux biex jgħidli ma nieħux pjaċir, jew ma nħobbx meta nikbru imma kollox isir f’ħinu, kollox fil-ħin tiegħu, kollox!  Dak huwa d-don tal-Ispirtu s-Santu jagħtikom qalb kbira biex tkunu tassew champions għax tkunu tafu tikkontrollaw lilkom infuskom.      

      San Pawl lil Timotju jgħidlu: “Tistħix minħabba fix-xhieda ta’ Sidna” (v.8). Intom li qed tirċievu l-Griżma llum, din il-kelma hija għalikom ukoll għax taf inti tikber, u jalla tikber bil-għerf, fid-denn, fil-qawwa, fir-ruħ, imma mbagħad jiġu mumenti meta tistħi tgħid li inti Nisrani, mhux sewwa. Illum qed tingħatalek qawwa biex ma tibżax tgħid: ‘jiena Nisrani. Jiena nemmen f’Ġesù Kristu. Jiena nemmen fl-għaxar kmandamenti, kollha kemm huma, anke dawk l-iżjed tqal’.

      San Pawl jgħid ħaġ’oħra: “Aqsam miegħi t-tbatija tal-Evanġelju” (v. 8). Jien qed ngħidlek, tibżax li tkun Nisrani imma qed navżak li tkun Nisrani ma jfissirx li jċapċpulek dejjem, issib ukoll min iċapċapħielek, jekk ma fhimtnix, staqsi lill-parrinu u jispjegalek, jew lill-parrina. Għax kultant biex tkun Nisrani trid tkun lest ukoll taqla’ ġo wiċċek u jien qed navzak minn issa biex ma nkun ħbejtlek xejn.

      L-Appostlu Missierna jgħidlu wkoll lil Timotju: “afda fil-qawwa ta’ Alla”. Inti quddiem id-dinja, biex tkun Nisrani taf tgħaddi ta’ ġifa, ta’ injorant, ta’ bniedem moħħok magħluq. Aħna nafdaw fil-qawwa ta’ Alla li hija fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.

      Alla fl-aħħar twissijiet u tagħlim ta’ San Pawl lil Timotju: “żomm quddiem għajnejk l-eżempju tat-tagħlim sħiħ li smajt minn għandi. Ħares bil-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina, it-teżor sabiħ li kien afdat f’idejk” (v.14). Mela żżomm quddiem għajnejk, ħares it-teżor li hemm fik. Kif se tagħmel dan? Din mhix ċeremonja tal-graduation tiegħek, tgħid daqshekk tiġi l-Knisja, iġġibek l-għarusa għax bilfors għat-tieġ għax tkun trid il-mant abjad bil-fjuri. Inti issa adult bħala Nisrani, għandek bżonn tfittex, u aħna għandna d-dover nagħtuk it-tagħlim taż-żgħażagħ. Ħa nkellimkom ċar, jiena ma nixtiqkomx li titgħallmu kemm hu sabiħ is-sess billi taraw il-pornografija, imma nkunu aħna li ngħinukom tiżviluppaw is-sesswalità tagħkom u għalkemm għadkom ċkejknin, qed tifhmuni żgur.

      Inti trid tfittex it-tagħlim li jgħodd għalik bħala żgħażugħ li qed tiżviluppa fejn hemm il-għajn ta’ ilma safi u ġieri, imma jiena lill-Arċipriet u l-katekisti tagħkom ngħidilhom: ‘komplu agħtu liż-żgħażagħ tagħkom tagħlim sabiħ li jattirahom mhux jgħidu “uff xi dwejjaq” jekk ma jkunux jgħoddu għalikom, ikunu tal-babies ikollkom raġun imma issa hemm tagħlim importanti li jibda jingħatalek wara l-Griżma mhux taqbad u tgħid: ‘bye bye, issa għandi n-nursery u għandi l-privat, u daqshekk’. Imbagħad forsi tagħmel l-eżami tat-tieġ, forsi tgħaddi, “forsi jgħaddini l-Arċipriet qabel niżżewweġ”. L-aħwa, kif se nagħmlu biex inkunu Nsara adulti, jekk nittraskuraw it-tagħlim li jgħodd għalina? Ħares bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu li għandna fina t-teżor sabiħ li kien afdat f’idejk.

       

      Parir lill-Parrini

      L-aħħar kelma lill-parrini, l-ewwel nett nirringrazzjakom talli lqajtu din ir-responsabbiltà. Għandkom tlett obbligi importanti. L-ewwel nett li titolbu għall-filjozzi tagħkom. Imqar ‘Sliema u Qaddisa. Jekk hawn xi nanniet li kellhom ħafna filjozzi, jispiċċaw jgħidu r-rużarju.  Nawguralkom titolbu għall-filjozzi tagħkom. It-tieni, jeħtieġu sapport. Jekk tarawh se jiżgarra’ inti obbligat tagħtih il-parir, biex tevitalu li jkisser lilu nnifsu, is-sapport, li tgħid kelma tajba, li twissi lil dak li jkun avolja jieħdok bl-aħrax, tkun qed tagħmel l-ikbar ġid. U t-tielet, l-eżempju! Għax inti taf tgħidlu: “inti qed tmur il-quddies nhar ta’ Ħadd?” jgħidlek, “u inti qed tmur il-quddies nhar ta’ Ħadd?” Checkmate. Mela, it-talb, is-sapport u l-eżempju, kunu mberkin.

       

       Charles J. Scicluna
           Arċisqof ta’ Malta