-
-
Waqt laqgħa mal-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja, l-Arċisqof Charles J. Scicluna rringrazzjahom tad-dedikazzjoni tagħhom u ħeġġiġhom biex minkejja d-diffikultajiet kollha, ma jaqtgħux qalbhom u jkomplu bil-missjoni Nisranija li huma msejħa għaliha.
Waqt il-laqgħa, l-Arċisqof bierek lil dawn il-kapijiet il-ġodda: Melanie Ungaro, Kap tal-iskola sekondarja tal-Kulleġġ St Jeanne Antide, Elaine Siegler, Kap tal-iskola primarja tal-Kulleġġ tal-Qalb Mqaddsa, Fr Jeremy Vella sdb, Kap tal-Kulleġġ ta’ San Domenico Savio u lil Edwin Ungaro, Kap tal-iskola sekondarja tal-Kulleġġ San Alwiġi. L-Arċisqof ta wkoll il-barka tiegħu lil Fr Reuben Gauci, il-Kordinatur tal-Ħidma Pastorali fl-iskejjel u lil Chris Bugeja, Service Manager Numeracy and Literacy mas-Segretarjat tal-iskejjel tal-Knisja.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll edukaturi li waslu fit-tmiem tas-servizz tagħhom fl-iskejjel tal-Knisja: Fr Paul Chetcuti kordinatur tal-ħidma pastorali fl-iskejjel tal-Knisja fi ħdan is-Segretarjat għall-Iskejjel tal-Knisja, Anna Scicluna, għalliema fl-iskola ta’ San Alwiġi u counsellor fl-iskejjel tal-Knisja fi ħdan is-Segretarjat għall-Iskejjel tal-Knisja, Mary Rose Lewis, għalliema fl-iskola St Joseph Blata l-Bajda u Kap tad-Dipartiment tar-Reliġjon fi ħdan is-Segretarjat għall-Iskejjel tal-Knisja, Fr Eric Cachia, kap tal-Kulleġġ ta’ San Domenico Savio u membru tal-Kunsill ta’ Church Schools Association, Sister Teresa Tonna, għalliema u kap tal-iskola sekondarja tal-Kulleġġ ta’ St Jeanne Antide, u Sr Epiphania Cassar, kap tal-kindergarten ta’ Theresa Nuzzo.
Waqt il-laqgħa, li saret it-Tlieta 5 ta’ Settembru 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna fakkar is-60 sena mit-twaqqif tal-iskola ta’ Santa Tereża f’Kerċem u l-150 sena mit-twaqqif tas-Seminarju tal-Qalb Mqaddsa, fir-Rabat, Għawdex.
Waqt il-laqgħa, li saret it-Tlieta 5 ta’ Settembru 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna fakkar is-60 sena mit-twaqqif tal-iskola ta’ Santa Tereża f’Kerċem u l-150 sena mit-twaqqif tas-Seminarju tal-Qalb Mqaddsa, fir-Rabat, Għawdex.
-
-
Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
San Ġiljan, 5 ta’ Settembru 2017
Din il-kelma ta’ Ġesù kienet għall-qalb ħafna Santa Tereża tal-Bambin Ġesù ta’ Lisieux, li fl-1997 ġiet iddikjarata Duttur tal-Knisja minn San Ġwann Pawlu II propju minħabba t-triq tat-tfulija spiritwali.
Meta wieħed jaqra d-djarju tagħha L-Istorja ta’ Ruħ u anke l-ittri li kitbet, jirrealizza li m’aħniex qed nitkellmu dwar qaddisa rħisa imma dwar persuna li sabet triq ta’ maturazzjoni kbira. Għaliex it-triq tat-tfulija spiritwali hija t-triq li, bħalma jgħallem ukoll il-Beatu Charles de Foucauld, hija li tintelaq f’idejn Alla, f’idejn il-providenza tiegħu, bħalma tarbija tintelaq f’ħoġor ommha. Imma trid ħafna ġenerożità biex inti, kif jgħid l-Ingliż, you let go, li inti tintelaq, li inti tafda lill-Mulej u tħallih imexxik.
Il-proċess edukattiv huwa li intom tilqgħu lit-tfal u tgħinuhom isiru adulti.
“Tassew ngħidilkom jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet” (Mt 18, 3). Ġesù jżid l-avverb “żgur”, no chance, allura hemm bżonn nieħdu din il-kelma tiegħu bis-serjetà. Huwa proċess li terġa’ ssir bħal tifel żgħir, bħal tifla ċkejkna. Mhuwiex proċess ta’ rimbambiment – dak għad jieħu ħsieb l-età – imma huwa proċess spiritwali. Kultant tidħol fi struttura tal-Knisja u tħossok dħalt fi proċess li jagħmlek jew jistmak ta’ tifel.
Il-proċess edukattiv irid ikun differenti, għaliex? Għaliex il-proċess edukattiv huwa li intom tilqgħu lit-tfal u tgħinuhom isiru adulti. Meta jitilqu mis-sistema u mill-esperjenza edukattiva tagħna, ikunu waslu fuq l-għatba tal-maturità soċjali, emottiva, psikoloġika. Ikun għad baqgħalhom x’jitgħallmu, imma dan il-proċess b’xi mod huwa paradossali għaliex waqt li qed jgħin lill-istudenti u lil-komunità edukattiva tikber psikoloġikament, soċjalment, akkademikament u intellettwalment, fl-istess ħin qed jgħallimha t-triq ta’ din it-tfulija li hija essenzjali għas-saltna tas-smewwiet.
“Għalhekk l-ikbar wieħed fostkom fis-saltna tas-smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu” (v. 4). X’inhu dan il-proċess? Huwa l-proċess li wieħed mill-profeti l-kbar, Ġesù, jgħidlu l-ikbar li twieled min-nisa, minn mara (ara Mt 11, 11), jispjega billi jgħid “hemm bżonn li hu jikber u jiena niċkien”. Ġwanni l-Battista meta jifraħ bil-leħen tal-għarus u jgħid ,“dan huwa l-ferħ li bih qalbi mtliet”, jgħid ukoll “li hemm bżonn jikber hu u niċkien jien” (Ġw 3, 29-30). Il-‘jien’ tiegħi jrid jiċkien u jikber fija Ġesù.
Din hija b’xi mod it-triq anke tal-edukazzjoni Nisranija u Kattolika. Kemm qed ngħinu aħna biex l-istudenti tagħna li huma, bħal kull wieħed u waħda minna, ikkontaminati mill-kultura awto-riferenzjali, narċisista, ikollhom il-karattru neċessarju biex jirbħu din it-tentazzjoni kontinwa u fihom jiċkien il-‘jien’, mhux għax mhuwiex żviluppat, anzi għax qed isir immaġini unika ta’ Ġesù Kristu llum. Għaliex Ġesù huwa tant kbir fl-għana tiegħu li kapaċi jkollu espressjonjiet differenti u din hija s-sejħa ta’ kull Nisrani: li jkun espressjoni ġdida tal-Mulej Ġesù fid-dinja, preżenza ħajja.
Ġesù jitkellem ukoll fuq ir-realtà tal-iskandlu, ir-realtà tal-preżenza li minflok tgħin, tfixkel. Għaliex il-kelma skandlu — li hija kategorija evanġelika —ġejja minn xi ħadd li jfixklek, li jagħmillek litteralment gambetta, tkun miexi u joħroġlok saqajh biex titfixkel. Din l-espressjoni kważi fiżika, Ġesù jagħtiha kontenut teoloġiku. B’realiżmu kbir jgħid ukoll li ma tistax tevita dawn il-mumenti ta’ tfixkil, imma għandu kliem iebes għal min ikun okkażjoni ta’ dan it-tfixkil.
U għalhekk, fid-dawl tal-kelma t’Alla llum, aħna qegħdin niġu wkoll mistiedna nagħmlu eżami ta’ kuxjenza anke kollettiv, anke fl-istrutturi tagħna; jekk hemmx xi elementi fihom li minflok qegħdin jgħinu lis-Saltna, qegħdin ifixkluha. Kultant, uħud mid-deċiżjonijiet tagħna, minflok jgħinu, ifixklu. Għalhekk id-dixxerniment huwa importanti, għalhekk ukoll kull vuċi, anke li ma taqbilx, hija essenzjali, hija barka. Il-periklu li wieħed ikun qed jifhem li jagħmel il-ġid imma jispiċċa jagħmel id-deni, dejjem kien hemm.
Għalhekk ukoll irid ikollna l-flessibiltà neċessarja biex anke jekk naqbdu t-triq, jekk naraw li mhix qed tgħinna nħabbru l-Evanġelju nibdluha. U din hija flessibilità li tirrikjedi l-umiltà ta’ ċkunija spiritwali u maturità kbira. Anke hemmhekk hemm dik li Chiara Lubich, profeta tas-seklu li għadda, kienet issejħilha is-“saper perdere”, li titgħallem titlef.
L-eżiġenza tas-soċjetà, li s-servizz tagħna jkun differenti u ta’ kwalità differenti, ifisser li hemm tama
Min ma jħobbniex, ifakkarna u jumiljana biżżejjed bil-pantomini li kultant nagħmlu, jiġifieri m’għandniex bżonn min ifakkarna. Għandna diġà min il-professjoni tiegħu hija li jfakkarna u jumiljana bi dnubietna, bid-difetti. Imma meta jiġi xi ħadd igergirli fuq xi ħaġa, tgħallimt — għax għamilt parti mis-saċerdozju tiegħi nara l-iskandli kuljum, u nipprova nagħti risposta fejn kultant lanqas hemm risposta — li meta dak li jkun, anke b’mod aggressiv, jitlob minna atteġġjament differenti, qisu għadu ma tilifx it-tama fina li nistgħu nkunu aħjar. Din l-eżiġenza tas-soċjetà — li aħna nkunu differenti — li s-servizz tagħna jkun differenti u ta’ kwalità differenti, ifisser li hemm tama li dawk li jgħidu li huma ta’ Ġesù Kristu, għandhom qawwa li ġejja minnu, li jagħmlu aħjar.
Jiena nitlob ukoll, bħalma nagħmel kull meta niltaqa’ magħkom u anke mal-provinċjali, li aħna jkollna l-kuraġġ nikbru. Intom tafu iżjed minni imma jiena magħkom, aħna l-Isqfijiet magħkom, aħna taħt pressjoni kontinwa biex dan is-servizz jikber.
Nirringrazzja lil dawk l-iskejjel li bħalma qal il-Mulej lil Abraham, iddeċidew iwessgħu t-tinda tagħhom u jilqgħu iżjed tfal. Ninkoraġixxi lil min jista’, din il-ħaġa jagħmilha għax id-domanda hija urġenti u pressanti.
Jiena nixtieq ukoll nirringrazzjakom f’isimna l-Isqfijiet, f’isem il-Knisja f’Malta u f’Għawdex tax-xogħol li tagħmlu, tad-dedikazzjoni mhux biss tagħkom personali, imma tal-istaff li tirrapreżentaw, u aħna napprezzaw ukoll l-input li kontinwament twasslulna u tagħtuna. Imma nixtieqkom twasslu lill-istaff tagħkom ta’ kull skola li intom tirrapreżentaw, mhux biss l-gratitudni tal-Knisja u tal-poplu ta’ Alla, imma l-urġenza li aħna nieħdu bis-serjetà l-missjoni partikolari tagħna, u li ma nibżgħux inkunu dak li aħna għaliex dan huwa s-servizz li jitlob minna l-poplu ta’ Alla, qed jitlob minna l-pajjiż. Grazzi.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja