L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Tibżgħu xejn” (Lq 12:32) Dan il-kliem Ġesù qalu lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlilhom il-kuraġġ, u biex jifhmu li hu dak li jgħinhom jegħlbu l-biża’. U dil-kelma “tibżgħu xejn” hi kelma li kontinwament narawha fl-Iskrittura. Hawnhekk, f’dil-parroċċa ddedikata lil Marija Annunzjata, aħna midħla ħafna tar-rakkont tat-Tħabbira tal-Mulej meta l-anġlu Gabriel, kif jibda jkellem lil Marija, jgħidilha mal-ewwel “Tibżax, Marija” (Lq 1:30); u lil Ġużeppi wkoll, meta l-anġlu tal-Mulej ikellmu fi ġrajja oħra, jgħidlu “Xejn la tibża’” (Mt 1:20). U f’diversi ġrajjiet oħra fl-Iskrittura, speċjalment meta Alla jagħti missjoni lil xi ħadd, l-ewwel ħaġa li jgħidlu hi “Tibżax”. Hekk qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu kemm-il darba.

Hemm raġuni għal dan. Alla mhuwiex Alla li jbeżża’ u l-messaġġ li qed jagħti lilna Ġesù, bħala dixxipli tiegħu, hu li ma għandux ikollna f’moħħna u f’qalbna viżjoni ta’ Alla li jbeżża’ jew li jrid inissel fina l-biża’; anzi, Alla hu dak li lilna jgħinna negħlbu l-biża’. Fil-ħajja tagħna, ikollna diversi esperjenzi li joħolqu fina l-biża’ – tista’ tkun fil-ħajja personali tagħna, jew ċirkustanzi li jiġu bla ma nistennewhom, jew meta naraw u nisimgħu l-aħbarijiet – imma l-kelma ta’ Ġesù hi kelma li tgħinna biex negħlbu l-biża’ u ma nħallux il-biża’ jaħkimna f’ħajjitna.

Hawnhekk, f’dan ir-rakkont, Ġesù jitkellem fuq diversi punti lid-dixxipli tiegħu. Nixtieq insemmi tliet punti li għandhom jgħinuna fil-ħajja tagħna.

Iċ-ċokon

Jgħidilhom Ġesù: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!” (Lq 12:32) Ġesù jgħid “merħla ċkejkna”, għax id-dixxipli kienu ftit, numru żgħir ta’ nies. Hekk baqgħu tul is-snin, meta tqabbel mal-popolazzjoni kollha; u hekk aħna llum. Aħna ftit. Imma Ġesù qed jgħid li aħna ma għandux ikollna sens ta’ inferjorità għax aħna ftit; anzi Ġesù qed jgħid lil dawn il-ftit “Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna”. 

Qed jgħid li, bħalma naraw fl-Iskrittura, Alla ħafna drabi jaħdem bil-ftit, biċ-ċkejken, b’dak li jidher insinifikanti. Ma jfittixx dak li jagħmel storbju, dak li jagħmel ħoss, dak li huwa sensazzjonali. Dan hu f’kuntrast ma’ dak li kultant nisimgħu fil-mentalità taż-żmien li l-aktar importanti hu li int tkun kbir, li jkollok ħafna popolarità u poter, li taħkem fuq ħafna, li tkun superjuri fuq ħaddieħor. Dil-mentalità narawha f’pajjiżna, narawha fid-dinja, imma kultant  narawha wkoll fil-festi li niċċelebraw fil-ħajja reliġjuża ta’ pajjiżna. Ġieli tara marċi fil-festi li jitkellmu fuq “dominanza assoluta”, “supremazija”, “ħadd ma jista’ għalina” – hemm dan is-sens ta’ superjorità li jġiegħel lil xi nies jgħidu u jkantaw: aħna l-akbar, aħna l-aqwa.

Dan imur kontra dak li Ġesù jgħid lil dawk li jimxu warajh. Lid-dixxipli, “merħla ċkejkna”, Ġesù jgħidilhom “Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna”. Din is-Saltna mhijiex saltna ta’ ħakma, ta’ poter, ta’ superjorità fuq oħrajn, imma hija saltna ta’ mħabba, ta’ paċi fil-qalb, ta’ qadi, saltna fejn kull persuna hi stmata u rispettata, saltna li tgħinna ngħixu tassew ta’ nies.

Il-ġenerożità

Ġesù jgħid ukoll lid-dixxipli tiegħu: “Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema” (Lq 12:33). Qed jgħidilhom, u jgħid lilna lkoll, li għandna nkunu ġenerużi. Il-ġenerożità għandha tkun karatteristika tagħna li aħna dixxipli ta’ Ġesù. Dan ukoll hu f’kuntrast ma’ mentalità li narawha fi żmienna li tħeġġiġna biex ikollna u jkollna dejjem aktar, li ssaħħaħ fina l-kilba u r-regħba biex nakkwistaw il-ġid u niġru wara dak li jista’ jagħmilna aktar sinjuri.

Ġesù jrid li aħna naħdmu u nirsistu fil-ħajja, imma l-ġid li jkollna u li nakkwistaw iservi mhux biss għalina u għall-familja tagħna biex ngħixu b’dinjità, imma wkoll biex ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn u nagħmlu dan b’ġenerożità kbira. B’dal-mod inkunu qed nagħmlu l-ikbar investiment fil-ħajja tagħna għax hekk ikollna “teżor fis-sema”.

It-tħejjija

Ġesù jgħid, u jagħmel dan pjuttost fit-tul f’din is-silta tal-lum, fuq kemm hu importanti li aħna nkunu mħejjija għal meta l-Mulej isejħilna għall-ħajja ta’ dejjem. Lid-dixxipli jgħidilhom: “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat, jiftħulu minnufih” (Lq 12:35-36). Qed jgħid li rridu dejjem niftakru fit-tmiem tal-mixja tal-ħajja tagħna, u ngħixu mħejjija.

Dan ukoll hu f’kuntrast mal-mentalità li niltaqgħu magħna spiss fis-soċjetà, li twasslilna l-messaġġ: issa hu l-mument, għada min rah? Imxi ma’ dak li tħoss illum. Imma Ġesù jfakkarna kemm hu importanti li aħna qatt ma nitilfu l-viżjoni tal-ħajja ta’ dejjem, u niftakru li f’mument minnhom Alla se jsejħilna għall-ħajja ta’ dejjem.

Dal-kliem Ġesù jgħidu mhux biex ibeżża’ – fil-bidu ta’ dan kollu jgħid proprju “tibżgħu xejn!” – imma biex jgħinna nkunu realistiċi, nagħrfu r-realtà kif inhi, u biex aħna ngħixu ż-żmien li Alla jagħtina b’mod tajjeb. Isemmi, f’dis-silta, l-għaqal u l-fedeltà – jiġifieri li ngħixu b’mod għaqli u bil-fedeltà ż-żmien li għandna bħalissa. Il-ħsieb tal-ħajja ta’ dejjem jgħinna, fil-fatt, biex aħna nagħrfu naqdu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet li għandna fil-ħajja u naqduhom b’mod tajjeb. Hu f’das-sens li nkunu qed inhejju ruħna bl-aħjar mod.

Nitolbu llum lill-Mulej, ispirati minn din il-Kelma tiegħu, biex jgħinna f’ħajjitna negħlbu l-biża’, u biex jgħinna ngħixu tassew bħala dixxipli tiegħu, il-“merħla ċkejkna” tiegħu. Jgħinna nagħrfu s-sabiħa tas-Saltna ta’ Alla, naħsbu fl-oħrajn bil-ġenerożità tagħna, u ngħixu b’għaqal u b’fedeltà r-responsabbiltajiet tagħna f’mixja li twassalna ħdejh meta hu jsejħilna għall-ħajja ta’ dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta