Fl-okkażjoni tal-liturġija li ser imexxi l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku meta jżur is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu fl-aħħar ta’ Mejju li ġej, id-Djoċesi ta’ Għawdex qed tilqa’ applikazzjonijiet minn adolexxenti u żgħażagħ Għawdxin li jixtiequ jingħaqdu mal-koristi li jiffurmaw parti mill-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ.
Il-Kumitat Organizzattiv Interdjoċesan taż-Żjara tal-Papa f’Malta jħeġġeġ lil dawk l-adolexxenti u żgħażagħ Għawdxin, partikularment dawk li jħossuhom ispirati minn Ġesù Kristu u huma mħarrġa fil-kant, biex japplikaw fuq www.papafrangisku.mt/korghawdex.
Persuni bejn l-età ta’ 10 u 50 sena huma eleġibbli japplikaw sabiex issirilhom awdizzjoni. Huma mħeġġa b’mod partikulari l-adolexxenti u żgħażagħ li huma membri attivi fil-parroċċi, iċ-ċentri pastorali u l-movimenti tal-Knisja f’Għawdex.
L-awdizzjonijiet ser isiru fiċ-Ċentru Pastorali Ragħaj it-Tajjeb, Triq Sir Pawlu Boffa, il-Belt Victoria, nhar il-Ħamis 12 ta’ Marzu bejn l-4pm u s-6.30pm u nhar is-Sibt 14 ta’ Marzu bejn is-2.30pm u l-4.30pm. L-applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu sal-Erbgħa 11 ta’ Marzu 2020.