Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta: Ian Noel Pace

Nhar il‑Ħadd li ġej il‑Knisja f’Malta se tiċċelebra l‑festa ta’ Kristu Re. B’rabta ma’ din il‑festa tant sinifikanti għall‑Knisja Kattolika, fil‑jiem li ġejjin il‑Knisja f’Malta se tiċċelebra tliet ċelebrazzjonijiet djoċesani importanti. Din is‑sena l‑Assemblea Djoċesana se terġa’ ssir fuq jumejn waqt li nhar il‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ se jiġi ċċelebrat waqt il-Ġublew għaż-Żgħażagħ u l-Adolexxenti.

L‑Assemblea Djoċesana

Nhar il‑Ħamis u l‑Ġimgħa 20 u 21 ta’ Novembru 2025 fis‑6:30pm, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta se tlaqqa’ l‑Assemblea Djoċesana, li se tkun ippreseduta mill‑Arċisqof Charles Scicluna. Din se ssir f’Sala San Ġwann fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana bil‑possibbiltà li wieħed isegwi wkoll online. B’rabta mal-mixja sinodali fil-Knisja universali, l-Assemblea din is-sena se tkun parti mill-proċess ta’ tħejjija għal pjan pastorali ġdid, li jkompli jibni fuq il-ħidma li saret fi Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed. It-tema għall-Assemblea ta’ din is-sena hi ‘Il-Knisja f’Malta llum: Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni’.

Għall‑Assemblea huma mistiedna l‑provinċjali tal‑kongregazzjonijiet reliġjużi, il‑kappillani u rappreżentanti tal‑parroċċi kollha, mexxejja tal‑għaqdiet u l‑movimenti Kattoliċi, delegati u persuni oħra f’kunsilli tal‑Arċidjoċesi u nies oħra minn oqsma differenti tal‑Knisja.

Il‑Ġublew taż‑Żgħażagħ u l-Adolexxenti

Nhar is-Sibt 22 ta’ Novembru l-Arċisqof se jmexxi mument ta’ talb u djalogu maż-żgħażagħ f’attività organizzata mill‑Malta Catholic Youth Network (MCYN). Il‑Ġublew taż‑Żgħażagħ u l-Adolexxenti se jsir fis-Sala tal-Kulleġġ ta’ Sacred Heart f’San Ġiljan. Wara jkun hemm ħin ta’ fraternità bejn il-parteċipanti. Il-bibien jiftħu fis-6:30pm. Iż-żgħażagħ u l-adolexxenti kollha huma mistiedna jingħaqdu f’din iċ-ċelebrazzjoni ta’ fidi, tama u komunjoni waqt il-Ġublew. Għal aktar dettalji żur mcyn.org.

L‑Għasar u l‑Barka Sagramentali fil‑Festa ta’ Kristu Re

Nhar il‑Ħadd li ġej, 23 ta’ Novembru 2025, issir iċ‑ċelebrazzjoni djoċesana ta’ Kristu Re, ippreseduta mill‑Arċisqof Charles Scicluna. Kulħadd huwa mistieden għal din iċ‑ċelebrazzjoni.

Iċ‑ċelebrazzjoni djoċesana tibda fil‑5pm u se ssir fil‑Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, fejn jingħad l‑għasar (it‑talba ta’ filgħaxija) u tingħata l‑barka sagramentali. Waqt l‑għasar, l‑Arċisqof iwassal il‑messaġġ tiegħu f’din il‑festa tant importanti għall‑Insara. Iċ‑ċelebrazzjoni tixxandar fuq Knisja.mt, Newsbook Malta u l‑istazzjon tar‑radju RTK 103. Wara ċ‑ċelebrazzjoni jkun hemm quddiesa.

Il‑festa ta’ Kristu Re twaqqfet mill‑Papa Piju XI fl‑1925 bil‑għan li l‑Insara jagħrfu f’Ġesù l‑mexxej wieħed li miegħu jġib il‑verità u l‑ħajja, il‑qdusija u l‑grazzja, il‑ġustizzja, l‑imħabba u s‑sliem, dak li l‑bnedmin fid‑dinja kollha jinħtieġu biex jgħixu bid‑dinjità.