L-Assemblea Djoċesana tal-Knisja f’Malta din is-sena se tiddiskuti l-isfidi għall-ħidma pastorali mal-familja u r-realtà tal-fidi. Din l-Assemblea se tiltaqa’ għada l-Ġimgħa 5, u s-Sibt 6 ta’ Ottubru, fiċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni, Birkirkara, u se tkun ippreseduta mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P.
L-Assemblea se jkollha tema għal kull jum, b’rabta mal-Pjan Pastorali 2012-2014 u mas-Sena tal-Fidi, li l-Papa Benedittu XVI se jiftaħ fil-11 ta’ Ottubru li ġej. It-tema tal-ewwel jum se tkun “L-isfidi għall-ħidma pastorali mal-familja llum”, u fit-tieni jum: “Il-fidi teżor”.
Fl-ewwel jum, wara t-talb tal-bidu u l-introduzzjoni, se jkun hemm preżentazzjoni tas-suġġett, u wara, erba’ persuni li lestew il-kors tal-M.A. in Family Ministry fil-Fakultà tat-Teoloġija, fl-Università ta’ Malta, se jitkellmu dwar il-ħidma tagħhom ta’ riċerka f’oqsma importanti fil-qasam tal-pastorali tal-familja. Wara l-waqfa, ikun hemm ħin għall-kummenti mill-membri tal-Assemblea, mistoqsijiet u kjarifiki.
Fit-tieni jum se ssir preżentazzjoni mill-Arċisqof tal-Ittra Pastorali dwar is-Sena tal-Fidi, li se tinqara fil-quddies tas-Sibt 6 ta’ Ottubru filgħaxija, u l-Ħadd 7 ta’ Ottubru. Wara, ikun hemm riflessjoni fuq din l-Ittra Pastorali b’rabta mal-Ittra Apostolika tal-Papa Benedittu XVI Porta Fidei. Ikun hemm ukoll preżentazzjoni tal-programm tal-Arċidjoċesi ta’ Malta għas-Sena tal-Fidi.
L-Assemblea Djoċesana hi laqgħa annwali li tiġbor flimkien mal-Arċisqof il-mexxejja tal-oqsma kollha tal-Knisja f’Malta – il-membri tal-Kunsill Presbiterali u tal-Kunsill Pastorali Djoċesan, id-delegati tal-Arċisqof fis-Segretarjati u Kummissjonijiet Djoċesani, il-provinċjali tal-kongregazzjonijiet reliġjużi, il-kappillani, il-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja, il-mexxejja tal-għaqdiet u l-movimenti tal-Knisja, u diversi persuni oħra li jagħtu sehemhom fil-ħajja tal-Knisja.