Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Marzu 2020, l-Arċisqof Charles J. Scicluna inawgura l-wirja ‘The Voice of Survivors Through Art’ b’xogħlijiet li saru min-nisa u tfal residenti fid-Dar Qalb ta’ Ġesù. Din id-dar hi second stage shelter ta’ Fondazzjoni Sebħ fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta, għall-vittmi ta’ vjolenza domestika.
Il-wirja hi riżultat ta’ workshop, immexxi mit-terapista tal-arti Jeannette Fiott, bħala parti mill-proċess ta’ fejqan għar-residenti fix-xelter. Il-wirja tintemm il-Ħadd 8 ta’ Marzu fid-9pm.
Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Onorevoli, mistednin għal dan l-avveniment, nixtieq l-ewwel nett f’isimna lkoll inwassal messaġġ ta’ ringrazzjament lir-residenti ta’ dan il-programm. Nirringrazzja wkoll l-istaff kollu tal-Fondazzjoni Sebħ tal-ġid li qed isir, tad-dedikazzjoni u tal-imħabba.
Meta taħseb f’kemm iltaqa’ ma’ nisa Ġesù, almenu skont ir-rakkonti tal-Evanġelji, tirrealizza wkoll li ltaqa’ ma’ ħafna nisa li kellhom passat u anke preżent ikkumplikat: mis-samaritana, Marija Madalena, dik il-mara li nqabdet fil-fatt għalkemm m’għandhiex isem, aħna nsejħulha b’dak li ġiet akkużata, l-adultera, u l-Mulej lil dawn in-nisa reġa’ tahom dinjità.
Aħna qed inkomplu l-atteġġjament tiegħu u x-xogħol tiegħu mhux weħidna. Jiena nixtieq nirringrazzja ħafna lill-awtoritajiet, lill-istaff tas-sapport tagħhom anke għaliex meta omm terġa’ ssib id-dinjità tagħha, terġa’ ssib ambjent, tgħix fejn tista’ tkompli l-ħajja tagħha u trabbi wkoll lil uliedha, inkunu qegħdin nagħmlu wieħed mill-aqwa investimenti għall-konvivenza ċivili tagħna. Ħafna kumplikazzjonijiet anke fiż-żgħażagħ, kif nafu, jikbru meta t-trobbija tagħhom ma ssirx f’ambjent li huwa san, huwa sigur.
U jiena nixtieq nirringrazzja lil Fondazzjoni Sebħ li għażlet ukoll l-arti biex f’dawn il-jiem li fihom li aħna naħsbu b’mod partikolari fid-dinjità tal-mara, inwasslu l-emozzjonijiet pożittivi imma anke ftit oskuri mingħajr ma ninsew li wara din l-arti hemm ukoll ħafna tama. Anke għaliex li inti tesprimi s-sentimenti tiegħek hija, kif smajna diġà wkoll, terapija kbira ħafna. U għalhekk aħna ejjew nitolbu u nkomplu biex dawn in-nisa li qegħdin imħaddnin, biex ngħidu hekk, mill-imħabba tal-Knisja u tas-soċjetà, ikomplu jsibu mod kif jesprimu ruħhom, fil-ħajja jsibu s-sens u t-tama.
Jiena nixtieq nistedinkom biex nagħmlu talba għal dawn ir-residenti u waqt li nbierku l-arti tagħhom, inbierku wkoll lilhom, ’l uliedhom u lil kull min qiegħed jiddedika ħajtu biex jgħin. Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, Ammen.
Nitolbuk, Mulej, tbierek ir-residenti ta’ din l-istruttura ta’ mħabba u tgħin lil kull wieħed u waħda minna biex inkomplu nitfgħu l-ħarsa ħanina tiegħek fuq il-bnedmin kollha u b’mod speċjali f’dawn ħutna. Bi Kristu Sidna.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta