-
-
***
Direttur: Sean Anders
Atturi: Will Ferrell, Mark Wahlberg, Linda Cardellini, John Cena, John Lithgow, Mel Gibson, Scarlett Estevez u Owen Vaccaro
Ħin tal-Film 100 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Brad Whittaker u Dusty Mayron, wara li saru ħbieb fl-ewwel avventura kif konna rajna fil-film: Daddy’s Home, jaslu fi ftehim li Brad jibda jaqsam ma’ Dusty it-trobbija taż-żewġ uliedu, Megan u Dylan billi għamlu xi żmien jgħixu għandu wkoll. Sadanittant, Dusty kien reġa’ żżewweġ lil Karen, kittieba. B’dan iż-żwieg, Dusty kien sar ukoll missier tar-rispett ta’ Adrianna, it-tifla ta’ Karen mill-ewwel żwieġ.
Lejla waħda, Brad u martu Sara flimkien ma’ Dusty u Karen attendew għal serata fl-iskola fejn kienet tmur Megan. Megan, quddiem l-udjenza kollha stqarret li xejn ma kienet kuntenta li minn żmien għal żmien ikollha tgħix f’dar ta’ ħaddieħor. Lura fid-dar, Brad u Dusty, wara dak li semgħu, jiddeċiedu li l-Milied din is-sena jiċċelebrawh flimkien minflok separatament. Hekk kif Dusty jagħti l-aħbar lit-tfal, tidħol telefonata mingħand Kurt, missier Dusty u jgħidilhom li kien ġej għal Milied u li sejjer jasal l-għada filgħodu. Brad ukoll jagħrrafhom li l-ġenituri tiegħu kienu ġejjin għal Milied. L-għada, Brad u Dusty jmorru l-mitjar biex jilqgħuhom.
Mal-wasla tagħhom jibdew l-avventuri. Waqt li Don, missier Brad jiġi waħdu minghajr il-mara, Kurt, missier Dusty, xejn ma jaqbel bl-arranġamenti li Brad u Dusty kienu għamlu rigward it-trobbija tan-neputijiet tiegħu. Lura lejn id-dar, Megan u Dylan jibdew jiddiskutu fejn kienu sejrin jiċċelebraw il-Milied. L-ideat li bdew jissuġġerixxu xejn ma għoġbu lin-nannu Kurt u għalhekk jiddeċiedi għal kulħadd hu, billi jikri dar kbira biex b’hekk il-Milied u l-ġranet ta’ wara, kulħadd ikun flimkien. Il-jum wasal biex b’żewġ karozzi jibdew il-vjaġġ. Dusty sab diffikultà li jdaħħal il-bagalji kollha u għalhekk jħalli bagalja l-art.
Kif jaslu, Brad xejn ma ħa pjaċir li l-bagalja tiegħu ma waslet qatt. X’jiġri minn hawn hekk kif iż-żewġ familji jibdew jorganizzaw irwieħhom biex jiċċelebraw kif kien xieraq il-festi tal-Milied? Id-dar li Kurt kien kera kienet kbira u komda b’temp ideali. Il-problemi iżda ma naqsux! Tgħid din l-avventura tispiċċa b’wiċċ-il ġid? Fin-nofs tal-avventura jidħol ukoll fix-xena, Roger, missier Adrianna. Dusty xejn ma ħa pjaċir!
Film Amerikan, kummiedja, taħt id-direzzjoni ta’ Sean Anders, kitba ta’ Anders u John Morris. Minħabba umoriżmu sesswali, ġuramenti, kliem insensittiv u goff, kif ukoll ġesti oxxeni, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.