• ***

    Direttur: Ariel Vromen
    Atturi: Kevin Costner, Ryan Reynolds, Tommy Lee Jones
    Ħin: 113 minuti
    Maħruġ minn KRS Releasing Limited.
    Klassifika tal-Gvern: 15
    Klassifika tal-Knisja: 18
     
    Jericho Stewart huwa kriminali li m’għandu l-ebda sens ta’ tajjeb jew ħażin, u ma jħoss l-ebda sentimenti, u  issa qiegħed priġunier fil-ħabs. Huwa jitqies adatt biex isir fuqu esperiment ġdid immexxi minn Dr Franks li jinvolvi t-transplantazzjoni tal-memorji ta’ xi ħadd ieħor f’moħħu. L-aġent tas-CIA Bill Pope kien ġie maqtul waqt li kien qed jieħu basket mimli flus biex jagħtih lil The Dutchman li kellu tagħrif essenzjali li s-CIA teħtieġ biex tevita katastrofija mondjali. Għalhekk il-kap tas-CIA, Quaker Wells,  jagħmel pressjoni fuq Dr Franks biex jagħmel din l-operazzjoni fuq Jericho. Huwa joħroġ mill-oppju b’uġiħ ta’ ras, memorji mfarrkin li ma jistax jagħmilhom fl-ordni, u b’temperament ħażin. Wells iqies li l-esperiment falla u jikkmanda xi aġenti biex jeħilsu minn Jericho, iżda qabel ma’ jilħqu joqtluh, joqtolhom huwa u jmur jistaħba fid-dar ta’ Pope. Sadanittant, terrorist imsejjah ‘The Anarchist’ irid hu wkoll  t-tagħrif li Jericho għandu f’moħħu biex jaqbad lil The Dutchman. Għalhekk Jericho jispiċċa jiġi mfittex kemm mis-CIA u kemm mit-terrorist, filwaqt li hu jipprova jsib dak il-basket mimli flus. Hekk kif il-memorji li kienu poġġewlu f’moħħu jiksbu ċerta ordni, Jericho jibda jħoss sentimenti għal ‘marthu u binthu’. Madankollu xorta waħda jibqa’ kapaċi jwettaq vjolenza kbira.
    Il-film huwa thriller u science fiction, u  jaħdmu fih diversi atturi stabiliti. Fih pass mgħaġġel u ħafna azzjoni. Huwa ftit ikkomplikat għal dawk li jħobbu thrillers, u  dawk li jħobbu science fiction jiddiżappuntaw xi ftit ruħhom għax ma jagħtix spazju biżżejjed għat-temi xjentifiċi. Madankollu, kollox ma kollox huwa divertenti. Il-film fih xeni ta’ vjolenza qawwija u mdemmija, u ħafna kliem ħażin. Jgħodd għal udjenza adulta.