L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Nixtieq li taħsbu ftit fuq dan: xi tħoss jekk tisma’ li xi ħadd qrib tiegħek qagħad jgħid kontra tiegħek, bi kritika, minn wara dahrek? Naħseb li tħossok irrabjat jew irrabjata, u tgħid: ma setax dan, li qiegħed il-ħin kollu miegħi, jgħidli bil-kwiet minflok, jekk ra xi ħaġa ħażina, imur jgħidha minn wara dahri?
Dak li nħossu aħna hu dak li qal Ġesù llum fl-Evanġelju. Għalhekk Ġesù qal lid-dixxipi tiegħu: jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Meta Ġesù qal dan il-kliem, ma tantx kien jaqbel mal-prattika tan-nies ta’ dak iż-żmien li kienu, jekk xi ħadd jaqa’ f’xi dnub, imorru jgħidu lil kulħadd, anzi jaqtgħuh ’il barra mis-sinagoga. Lanqas jaqbel ma’ dak li kultant jiġri fostna. Innutaw kemm hi aktar faċli, meta xi ħadd jagħmel xi ħaġa ħażina, li ngħidu minn wara dahru, ngħidu ħafna kliem fuqu, minflok ma nsibu lilu jew lilha u nitkellmu personalment. Kultant ikun hemm ħafna kliem li jingħad fil-familja, fil-post tax-xogħol, fit-triq, fil-ħanut fuq dak u fuq l-ieħor u fuq l-oħra. Kultant ikun hemm min jgħidlek: jien għall-ġid tiegħu li qed ngħid, ta! Għall-ġid tiegħu u minn wara dahru! Nafu li m’hemm xejn għall-ġid tiegħu jekk bniedem titkellem ħafna kontrih meta ma tkunx diġà kellimtu u ppruvajt tgħinu.
Għandna d-dmir u r-responsabbiltà li fejn naraw xi ħaġa ħażina, ma nagħlqux għajnejna u nħarsu n-naħa l-oħra qisna ma rajna xejn
Għalhekk il-kliem ta’ Ġesù hu kliem li jgħinna ħafna fil-ħajja tagħna prattika. Se nsemmi tliet affarjiet li jgħid fl-Evanġelju li huma tant ta’ ġid għall-ħajja tagħna flimkien.
L-ewwel nett, Ġesù qed jgħid biex aħna nagħrfu d-dmir tagħna li, meta naraw xi ħaġa ħażina, bil-prudenza u b’mod tajjeb nagħmlu korrezzjoni f’waqtha. Qed jgħid Ġesù li l-ħażin irridu ngħidulu ħażin. M’għandux ikollna l-attitudni: affarih, m’għandix x’naqsam jien! Speċjalment fejn nista’ nikkoreġi. Kultant tisma’ min jgħid illum ‘m’għandekx timponi l-valuri tiegħek’, qisu jeżisti xi mkien fejn suppost tgħix mingħajr valuri. Jekk bniedem qiegħed jisraq, ma tgħidx: ‘ma nkellmux, ma nitkellimx, għax ma rridx nimponi l-valuri tiegħi’; jekk bniedem qed jinsulenta lil Alla, jew lill-oħrajn, ma ngħidx ‘ma nitkellimx biex ma nimponix il-valuri’. B’dak il-mod inkun sempliċiment qed inħalli l-ħażin jinfirex. Aħna għandna d-dmir u r-responsabbiltà li fejn naraw xi ħaġa ħażina, ma nagħlqux għajnejna u nħarsu n-naħa l-oħra qisna ma rajna xejn. Għandna biżżejjed eżempji fis-soċjetà tagħna ta’ xi tfisser meta tagħmel hekk u kemm ħsara ssir: li min ikollu responsabbiltà, jara ħaġa ħażina u jħares in-naħa l-oħra u jibqa’ għaddej bil-ħajja tiegħu. Għalhekk Ġesù qed jgħidilna bir-responsabbiltà, bħalma ssemmi l-Kelma ta’ Alla fil-ktieb tal-Profeta Eżekjel fl-Ewwel Qari, li meta naraw xi ħaġa ħażina, nitkellmu u nagħmlu korrezzjoni f’waqtha.
F’kull każ għandna nitolbu għal min ikun, qatt ma għandna nibdew nitkellmu kontra l-persuna, qatt ma għandna f’qalbna nobogħdu lil xi ħadd, anke min jagħżel li jimxi b’mod differenti
It-tieni, Ġesù juri kif il-korrezzjoni għandna nagħmluha bl-imħabba. San Pawl jgħid fl-Ittra tiegħu lir-Rumani li l-imħabba ma tagħmilx deni, u li kollox jinġabar fil-kmandament tal-imħabba. Meta ngħidu li tikkoreġi lil xi ħadd bl-imħabba, ifisser li ma tumiljahx, ma tirredikolahx, li ma jkunx hemm ħafna kliem li l-bniedem iwaqqgħuh, iweġġgħuh jew jinsultawh. B’dak il-mod ma tieħu xejn. Lanqas ma għandek tikkoreġi bir-rabja. Imma Ġesù jridna li nikkoreġu bl-imħabba, għax hu bl-imħabba li bniedem tista’ tgħinu jikber; hu bl-imħabba li bniedem tista’ tgħinu jagħraf l-iżball tiegħu jew tagħha.
It-tielet, importanti wkoll: il-korrezzjoni għandna nagħmluha bil-libertà. Ġesù jgħid: mur sibu waħdu u widdbu. Jekk ma jagħtix kas, ħu lil ħaddieħor miegħek biex tipprova tipperswadih. Jekk le, għid lill-komunità – il-Knisja – u jekk lanqas minn din ma jagħti kas, żommu b’pagan jew pubblikan. Li qed jgħid Ġesù hu li aħna għandna nagħmlu l-isforz tagħna kollu biex ngħinu lill-persuna imma, jekk bniedem ma jridx, m’aħniex se nisfurzawh, inġagħlu lill-bniedem bilfors jagħmel it-tajjeb. Imbagħad ir-responsabbiltà tkun tiegħu jew tagħha. Għalhekk Ġesù jgħid: żommu b’pagan jew pubblikan, għax ikun għażel hu li jimxi ħajja differenti. Imma f’kull każ, aħna għandna nitolbu għal min ikun, qatt ma għandna nibdew nitkellmu kontra l-persuna, qatt ma għandna f’qalbna nobogħdu lil xi ħadd, anke min jagħżel li jimxi b’mod differenti; imma nagħmlu dan għax inkunu dejjem ċari li dak li hu tajjeb hu tajjeb, u dak li hu ħażin hu ħażin.
Nitolbu llum lill-Mulej din il-grazzja biex aħna nagħrfu r-responsabbiltà tagħna li fejn naraw il-ħażin nitkellmu, fejn hemm bżonn nikkoreġu nagħmlu l-korrezzjoni bl-imħabba u b’rispett lejn id-dinjità tal-persuna, u nitolbuh ukoll il-grazzja li aħna nkunu nies li kapaċi naċċettaw korrezzjoni. Kultant hemm tkun id-diffikultà tagħna. Jekk aħna ma aħniex nies lesti li nagħrfu fejn inkunu għamilna żball meta xi ħadd jiġbdilna l-attenzjoni, tkun diffiċli mbagħad li aħna stess ngħinu lil ħaddieħor. Nitolbuh lill-Mulej il-grazzja li aħna nkunu nies li naċċettaw korrezzjoni biex inkunu nistgħu nimxu fit-triq li jurina hu, li hi t-triq tas-sewwa u tal-ħajja.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju