Sa mit-twaqqif tagħha, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent dejjem emmnet li l-Knisja ma tistax  tgħix f’iżolament mir-realtajiet tal-ħajja, imma trid tidħol fl-istorja tal-bniedem b’mod l-aktar sħiħ u attiv. Għalhekk fil-ħidma tagħha, il-Kummissjoni dejjem stinkat sabiex toħloq opportunitajiet li jwasslu lis-soċjetà Maltija ħalli tirrifletti fuq l-istil ta’ ħajja li tgħix u l-għażliet li tagħmel. Aktar minn hekk, il-Kummissjoni taħdem ukoll sabiex toffri riflessjoni Evanġelika dwar il-ġrajjiet li nkunu qed nesperjenzaw u b’hekk tgħin fit-tfassil ta’ etika ambjentali.

Wieħed mill-istrumenti li l-Kummissjoni tuża biex tilħaq dan il-għan hu li torganizza konferenzi. “Biżżejjed għal Kulħadd” hi t-tielet konferenza organizzata mill-Kummissjoni. Din id-darba l-Kummissjoni tellgħet il-konferenza b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Maltija dwar l-Ilma, Flimkien għal Ambjent Aħjar u d-Direttorat għal Eko-Għawdex u Żvilupp Reġjonali (Ministeru għal Għawdex). L-għan tal-konferenza kien li jlaqqa’ flimkien lis-setturi konċernati ħalli jesploraw aspetti partikolari tal-iżvilupp sostenibbli, jaraw perspettivi differenti u possibilment joffru soluzzjonijiet. It-temi magħżula għall-konferenza kienu: l-ambjent mibni, ir-riżorsi tal-ilma ħelu, l-iżvilupp u l-insularità (b’mod speċifiku f’Għawdex).

Il-Konferenza kienet imqassma fuq tliet ġranet: id-9 ta’ Diċembru (Tema: Ambjent Mibni), l-10 ta’ Diċembru (Tema: Riżorsi tal-Ilma Ħelu)  u s-17 ta’ Diċembru (Żvilupp Sostenibbli f’Għawdex) 2011. B’kollox ħadu sehem f’din il-konferenza ’l fuq minn tmenin persuna li jinkludu esperti fil-qasam tagħhom; rappreżentanti ta’ diversi sezzjonijiet tas-soċjetà Maltija, inklużi periti, ekonomisti, żviluppaturi, għalliema, kummerċjanti u professjonisti f’diversi oqsma. Kien hemm rappreżentanti ta’ diversi awtoritajiet fosthom: l-Awtorità Maltija tal-Ambjent u l-Iżvilupp, l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi, Ministeru tar‐Riżorsi u Affarijiet Rurali, il-Korporazzjoni tas-Servizzi għall-Ilma, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija. Ħadu sehem ukoll rappreżentanti tal-Gvern, tal-Oppożizzjoni u tal-Alternattiva Demokratika. Ħafna minn dawn il-parteċipanti ħadu sehem fil-ġurnata li l-aktar kienet relevanti għall-interess tagħhom, waqt li oħrajn ħadu sehem f’aktar minn ġurnata waħda. L-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Pawlu Cremona u l-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech kellmu lill-parteċipanti u attendew għal xi sessjonijiet tal-Konferenza.

Kull ġurnata bdiet b’numru ta’ preżentazzjonijiet qosra minn diversi esperti fuq it-temi li kellhom jiġu  diskussi  u  wara  l-parteċipanti  tqassmu  f’numru  ta’  workshops. F’kull  workshop saret diskussjoni fuq numru speċifiku ta’ punti relevanti. Il-ġurnata spiċċat f’sezzjoni plenarja fejn kull parteċipant kien ippreżentat b’numru ta’ riflessjonijiet u konklużjonijiet li ħarġu mill-workshops ta’ dik il-ġurnata. It-text kif jidher hawn taħt,  kien diskuss fid-dettall, maqbul u kkonfermat mis-sezzjoni plenarja. Dawn l-istess konklużjonijiet kienu wkoll imqassmin lil kull parteċipant wara li spiċċat il-konferenza.

Il-Kummissjoni temmen li dawn ir-riflessjonijiet, konklużjonijiet u suġġerimenti ħarġu bħala riżultat ta’ djalogu dirett bejn elementi  differenti tas-soċjetà Maltija, fejn kull parteċipant kellu ċ-ċans mhux biss jesprimi ruħu u juri l-interessi partikulari tiegħu, iżda aktar minn hekk, dan kellu ċ-ċans jisma’ u jirrifletti fuq dak li ntqal minn ħaddieħor b’interessi u perspettivi differenti.  Il-Kummissjoni temmen ukoll li huwa biss permezz ta’ dan id-djalogu li s-soċjeà’ Maltija trid issib it-triq ’il quddiem sabiex niżviluppaw b’mod sostenibbli fl-interess tal-ġid komuni, bil-galbu fl-użu tar-riżorsi ambjentali u b’rispett lejn dak kollu li jgħaqqadna bħala nazzjon.  B’hekk biss jista’ jkun hemm biżżejjed u għal kulħadd.

Fl-aħħar il-Kummissjoni tixtieq minn qalbha tirringrazzja lil kull min ta s-sehem tiegħu sabiex dan id-djalogu seta’ jseħħ. Jalla jkun hemm okkażjonijiet oħra sabiex jitkompla dan id-djalogu kemm fuq dawn it-temi partikulari (essenzjali għall-iżvilupp ta’ pajjiżna) u oħrajn.  Jalla wkoll li d-diversi awtoritajiet, u kull min għandu r-responsabbiltà li jieħu d-deċiżjonijiet u jagħmel l-għażliet li għandna quddiemna fit-triq lejn żvilupp bis-sens u bil-galbu, jagħti widen lil dak kollu li ntqal f’dan id-djalogu.

L-Ambjent Mibni

.

Il-ġid komuni

Hemm ħafna interpretazzjonijiet ta’ x’jikkonsisti l-ġid komuni li jvarjaw skont l-interessi diversi ta’ min ikun qed jagħmel l-argument. Dan qed ikollu impatt negattiv fuq il-policies li qed jitfasslu għax qed jingħata lok sabiex l-interessi taċ-ċittadin komuni ma jkunux ikkunsidrati filwaqt li l-interessi ta’ min għandu s-setgħa jkunu żgurati.

Pereżempju, l-industrija tal-kostruzzjoni ġġib magħha diversi inkonvenjenti, bħal ngħidu aħna l-istorbju, il-ħsara fil-proprjetà, il-periklu għas-saħħa u inkonvenjenti oħra (bħall-vjolazzjoni tas-solar rights) li għad irridu nħossu l-impatt tagħhom. Madanakollu, meta wieħed jinnota ċertu żvilupp jinduna li xi persuni huma aktar privileġġati minn oħrajn għax isir minn kollox biex jonqsulhom dawn l-inkonvenjenti. Minbarra li dan hu nuqqas ta’ ġustizzja soċjali u ambjentali, dan l-atteġġament iweġġa’ … aktar u aktar meta l-liġi ma tipproteġix liż-żgħir.

Meta ma jkunx hemm protezzjoni, hemm iċ-ċans li ċ-ċittadini jieħdu inizjattivi ħżiena sabiex ma jħossuhomx vulnerabbli. Hemm il-periklu li l-ġid komuni jkun ifisser biss dak li jaqbel lill-individwu. Għalhekk, filwaqt li dak li jkun jissieħeb mas-soċjetà ċivili meta jinqaras, joqgħod sieket meta jkun hemm xi gwadann personali. Bla dubju ta’ xejn dan hu r-riżultat ta’ kriżi ta’ valuri fil-mod kif ngħixu … kemm bħala ċittadini u kemm bħala Nsara.

Filwaqt li hemm bżonn li jkun hemm qbil dwar x’nifhmu b’ġid komuni, b’mod immedjat jenħtieġ li jkun hemm it-tfassil u l-infurzar ta’ liġijiet, li jkunu mġedda biex jirriflettu r-realtajiet li jiżviluppaw minn żmien għall-ieħor sabiex jitħares il-ġid komuni u jitwaqqaf it-tnaqqir tad-drittijiet taċ-ċittadini.

Hu fatt li ċ-ċittadini mhumiex edukati biżżejjed dwar id-drittijiet tagħhom. Għalhekk filwaqt li, pereżempju, xi kuntratturi huma responsabbli ħafna u jkollhom polizza tal-assigurazzjoni li tkopri kull eventwalità ta’ ħsara, oħrajn jabbużaw minn dan in-nuqqas ta’ tagħrif. Huma l-professjonisti u l-pulizija – mhux in-nies komuni – li għandhom l-ewwel responsabbiltà li jwaqqfu dan l-abbuż. Min-naħa l-oħra, quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn, l-awtoritajiet pubbliċi qatt ma għandhom jabdikaw mir-responsabbilitajiet tagħhom.

Sabiex ikun identifikat x’inhu l-ġid komuni hemm bżonn li, b’mod professjonali, jitfassal proċess awtentiku u kontinwu ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili. B’hekk inkunu nistgħu nidentifikaw il-bżonnijiet veri ta’ pajjiżna … bżonnijiet li jistgħu jvarjaw minħabba l-kuntesti u r-realtajiet diversi ta’ komunitajiet u reġjuni differenti. Tinħass il-ħtieġa li, fid-definizzjoni ta’ x’inhu l-ġid komuni, nwessgħu l-perspettiva tagħna sabiex ninkludu l-ekosistema kollha (li ovvjament ma tistax telimina lill-bniedem mis-somma).

Identità fl-arkitettura tagħna

Minkejja li teżisti arkitettura tipika Maltija rridu niftakru li l-identità tissawwar miċ-ċittadini u tirrifletti l-valuri tagħhom. Kultant hemm ukoll is-sinjali ta’ influwenzi minn pajjiżi oħra li jdawruna. L-arkitettura għalhekk hi espressjoni tal-identità tagħna li jeħtiġilha tkun aġġornata u tirrifletti l-bżonnijiet tal-lum.

Minħabba esperjenzi negattivi li sofrejna matul is-snin, teżisti perċezzjoni żbaljata li l-progress u l-iżvilupp iġib regress. Fil-fatt hu l-mod kif isir dan il-progress li jista’ jkun problematiku. Deċiżjonijiet li jittieħdu bl-addoċċ jew biex jintlaħqu miri immedjati ħafna drabi jħallu impatt negattiv li nibqgħu nsofruh snin wara. Sfortunatament xi professjonisti jispiċċaw skjavi tas-suq minflok ma jagħtu direzzjoni u jedukaw lill-klijenti tagħhom.

Għalhekk, speċjalment fil-kuntest ta’ pajjiż żgħir, wieħed irid jiżen sew kif sa nimmaniġġjaw il-bini fl-ibliet u l-irħula tagħna. Għal dan il-għan jenħtieġ li tkun  iġġenerata u utilizzata riċerka lokali f’dan il-qasam. L-immaniġġjar għandu jindirizza diversi livelli:

  • jeħtieġ nikkonservaw u nużaw b’mod aktar għaqli l-ġebla Maltija … riżorsa li qed tispiċċa.
  • hemm bżonn ta’ skemi li jinċentivaw ir-restawr u l-użu ta’ proprjetà vojta minflok titħalla taqa’ fi stat t’abbandun.
  • hemm il-bżonn li naraw investiment fil-konservazzjoni tal-arkitettura “tradizzjonali” kemm fuq livell ta’ identità u kemm fuq livell ta’ turiżmu sostenibbli.
  • il-kwalità tal-bini jenħtieġ tintrabat aħjar mal-kwalità tal-ħajja billi tingħata aktar attenzjoni lill-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fl-iżolament tal-istorbju kif ukoll fis-soppressjoni tal-istorbju waqt li tkun qed issir il-kostruzzjoni.
  • jenħtieġ it-tfassil u l-użu intelliġenti ta’ linji gwida raġonevoli li jirregolaw id-disinn urban (streetscape) sabiex jinħolqu spazji ħolistiċi fejn ngħixu (holistic place making).

Regolazzjoni u politika ċara

Kull inizjattiva li tinvolvi l-iżvilupp sostenibbli għandha żżomm bilanċ bejn interessi soċjali, ekonomiċi u ekoloġiċi. Madanakollu, ħafna policies proposti (speċjalment tal-Gvern) iħarsu BISS lejn l-aspett ekonomiku. Għalhekk hemm il-ħtieġa ta’ regolazzjoni u kontroll sabiex ikunu evitati deċiżjonijiet mgħaġla jew abbużi li jħallu impatti negattivi fuq is-soċjetà … bi ftit igawdu u ħafna jbatu.

Id-deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp jistgħu jkunu rregolati u kkontrollati aħjar jekk il-finanzjament tal-partiti politiċi jkun trasparenti u regolat ħalli jkunu evitati l-konflitti ta’ interess u l-kontroll tal-politiċi.

Il-ħtieġa ta’ kontroll joħroġ mill-fatt li l-esperjenza wriet kif deċiżjonijiet li ttieħdu matul iż-żmien, filwaqt li taw riżultati mixtieqa madanakollu kellhom riperkussjonijiet li ma kinux antiċipati. Ngħidu aħna: l-iffriżar tal-iżvilupp fil-qalba tar-raħal/belt irnexxielu jrażżan it-theddida ta’ toroq kbar. Imma f’ċertu lokalitajiet kien hemm riperkussjonijiet differenti. Fil-qalba ta’ xi nħawi hemm ħafna bini vojt li qed jaqa’ għax mhux qed jintuża. Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-qalba tal-ibliet u rħula kienet protetta, il-periferiji qed jinbidlu b’rata allarmanti bit-twaqqigħ ta’ binjiet singoli u l-bini ta’ appartamenti wieħed fuq l-ieħor. F’xi lokalitajiet oħra instab li l-protezzjoni tal-qalba tar-raħal/belt kellha impatt qawwi fuq l-aspett soċjali tal-lokalità … impatt li kien kemm pożittiv (eż. tisħiħ ta’ spirtu ta’ komunità) u kemm negattiv (eż. żieda fir-rata tal-kriminalità).

Fattur li joħloq ħafna problemi hu l-ifframmentar … u kultant anke l-inkonsistenzi u kunflitti bejn il-policies. Biex dan ikun evitat hemm il-bżonn li:

  • jkunu prijoritizzati u integrati l-policies kif issuġġerit min-National Environment Policy
  • tinħoloq sinerġija bejn l-awtoritajiet (eż. MEPA, Diviżjoni tas-Saħħa) sabiex jitfasslu policies li huma ħolistiċi li jindirizzaw impatti varji tal-iżvilupp u jkun żgurat servizz aktar effiċjenti (one stop shop).
  • issir reviżjoni regolari  ta’ policies sabiex ikun żgurat li jkunu qed jindirizzaw bżonnijiet emerġenti.

L-ilma

.

Minkejja li f’pajjiżna l-ilma hu riżors limitat ħafna, ilna għal ħafna żmien niffunzjonaw bħallikieku dan ir-riżors hu illimitat. Dan wassal għal stili ta’ ħajja – li issa ndraw – ikkaratterizzati minn użu ta’ ilma bla lġiem. Dan l-“użu” ivarja minn nuqqas ta’ inizjattivi li nikkonservaw l-ilma għall-użu illegali ta’ ħażniet tal-ilma. L-għarfien tal-importanza tal-ilma għall-għejxien u l-attività kummerċjali wassal sabiex il-linja li tifred dak li hu proprjetà tal-individwu u dak li hu pubbliku sfumat u allura kibret il-prekarjetà ta’ pajjiżna fejn jidħlu r-riżervi tal-ilma u l-kunflitti tal-partijiet konċernati għall-użu tagħhom.

Strateġija għall-immaniġġjar tar-riżorsi tal-ilma trid tittieħed fuq tliet linji:

  • ħolqien ta’ proċeduri li jirregolaw l-użu tal-ilma u jitwaqqaf l-abbuż;
  • ikunu infurzati dawn il-proċeduri; u
  • programm ta’ edukazzjoni, fuq diversi livelli, għall-iżvilupp ta’ stili ta’ ħajja sostenibbli.

Proċeduri

Il-liġi fir-rigward tal-ilma hi fjakka u teħtieġ li tkun imsaħħa u fuq kollox infurzata. Għad m’hemmx qafas legali li jiddefinixxi d-drittijiet għall-ilma (water rights) kif ukoll x’inhu privat u x’inhu pubbliku.

Minħabba li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-ilma u d-diversi responsabbiltajiet relatati jaqgħu bejn awtoritajiet differenti, hemm il-periklu li jitfasslu policies mhux ċari (grey areas) u konflinġenti, bil-konsegwenza li ma jkunx hemm idea ċara min hi l-awtorità/l-uffiċċju responsabbli u b’hekk jiżdied l-abbuż. Bħala soluzzjoni hemm bżonn ta’ awtorità waħda li tfassal policies ċari (kif issuġġerit min-National Environment Policy).

Dan in-nuqqas ta’ liġi b’saħħitha u l-infurzar tagħha flimkien ma’ nuqqas ta’ awtorità responsabbli qed iwasslu għal sitwazzjonijiet fejn l-irregolaritajiet qed ikunu regolarizzati … kultant bil-barka tal-awtoritajiet.

Meta wieħed iqis il-prekarjetà tar-riżervi tal-ilma ta’ pajjiżna, kull proċedura jew policy li tikkonċerna l-ilma għandha tkun ibbażata fuq dan il-prinċipju bażiku: li l-ilma tal-pjan hu pubbliku u għalhekk ma jistax isir użu privat tiegħu. L-implikazzjoni ta’ din il-pożizzjoni hu li jenħtieġ regolarizzazzjoni ta’ min juża l-ilma tal-pjan u li pajjiżna ma jiflaħx għall-boreholes kummerċjali.

Qabel ma wieħed joħloq xi proċedura jew policy fuq xi kwistjoni partikolari, jenħtieġ li jkun hemm għarfien sħiħ dwar dik il-kwistjoni. Jinħass nuqqas kbir fl-għarfien tas-sitwazzjoni reali tal-ilma f’pajjiżna. Għalhekk jenħtieg li jsir investiment fir-riċerka ħalli jkun stabbilit kif qed jintuża/jinħela l-ilma (fil-provvista tiegħu u dak li ġej mit-trattament tad-drenaġġ), kemm qed jintuża/jinħela u minn min. Din l-informazzjoni hi meħtieġa speċjalment sabiex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati u vijabbli fi kwistjonijiet dwar l-użu tal-ilma u sabiex inkunu f’pożizzjoni aħjar biex niddefinixxu l-prezz veru tal-ilma.

Dan l-istudju fuq il-qagħda tal-ilma għandu jindirizza aspetti ġenerali kif ukoll aspetti iktar iffukati, bħal ngħidu aħna: kif jista’/qed jinħażen u jintuża l-ilma tax-xita; l-istat tal-ġibjuni privati u pubbliċi eżistenti; u l-kwalità tal-ilma tad-drenaġġ trattat li qed jintuża għar-recharge tal-ilma tal-pjan minħabba l-implikazzjonijiet serji ta’ kontaminazzjoni involuti.

Għalkemm m’hemmx qbil dwar kemm huma l-ispejjeż involuti, it-trattament tal-ilma tad-drenaġġ hu meqjus soluzzjoni vijabbli biex tittaffa d-domanda għall-ilma. L-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li jintuża dan l-ilma titlob li:

  • jsir monitoraġġ u kontroll ta’ x’inhu dieħel fid-drenaġġ, b’mod speċjali l-kimiċi li jintefgħu fih.
  • jkomplu jinstabu mezzi vijabbli u sikuri li jwasslu l-ilma trattat f’diversi lokalitajiet li jinkludu ppjanar fit-tul għat-titjib tal-infrastruttura.
  • kull għajn ta’ ilma alternattiv għandha tkun vijabbli għall-konsumatur biex titnaqqas it-tentazzjoni li jsir użu illegali tal-ilma.

Jeħtieġ li jkun studjat sew l-impatt tal-biedja u l-attività tar-raħħala u li jrabbu l-bhejjem, fuq il-konsum tal-ilma sabiex ikun kwantifikat il-konsum u l-impatt fuq il-kwalità tal-ilma f’dan is-settur. Fl-istess ħin, għandha tingħata alternattiva u għajnuna lill-bdiewa sabiex ix-xogħol tagħhom ikun sostenibbli … dan għandu jkun il-bażi ta’ proċess li jwassal għat-tfassil ta’ Politika Nazzjonali Agrikola.

Meta wieħed iqis l-importanza li għandhom il-widien fuq ir-riżervi tal-ilma, hi kemxejn inkwetanti li pajjiżna għad m’għandux strateġija ċara dwar l-immaniġġjar tagħhom u li sa issa d-deċiżjonijiet li ttieħdu kienu sporadiċi u mingħajr pjan fit-tul. Għalhekk hemm bżonn Politika Nazzjonali dwar l-Immaniġġjar tal-Widien u l-Ilqugħ li:

  • tistabbilixxi min hu responsabbli għall-widien u tinħoloq sinerġija bejn l-awtoritajiet konċernati u l-istakeholders diversi sabiex ikunu evitati użu u policies konflinġenti;
  • tiddetermina l-wirt ekoloġiku, ekonomiku, soċjali u kulturali tal-widien;
  • tistabbilixxi jekk hux sa jinbena lqugħ jew le;
  • tistabbilixxi kif sa jintuża l-ilma li qed jinġabar u l-kwalità tiegħu; u
  • tistabbilixxi proċeduri kif ikunu kkurati, immaniġġjati u rrestawrati l-widien.

Kontroll u regolarizzazzjoni

Hemm bżonn li l-kwistjoni tal-ilma ma tkunx politiċizzata imma titnissel responsabbiltà kollettiva li tippermetti politika fit-tul u infurzar effettiv. Dan inaqqas il-każijiet fejn din ir-riżorsa importanti tintuża bħala inċentiv politiku. Biex dan iseħħ irid ikun hemm ippjanar fit-tul u għalhekk teżisti l-ħtieġa ta’ miri intermedji speċjalment fejn tidħol il-Water Framework Directive. Għalhekk, kif issemma aktar ’il fuq, hemm ħtieġa urġenti li tkun identifikata, b’mod ċar, awtorità waħda li tkun responsabbli għall-immaniġġjar tal-ilma u tiżgura l-infurzar tar-regolamenti marbutin mal-użu u l-ħażna tal-ilma.

Liġi li hemm bżonn tkun infurzata mingħajr aktar dewmien hi li l-bini ġdid għandu jkollu ħażna għall-ilma u żewġ sistemi tal-ilma, jiġifieri first class water għall-konsum, u second class water għall-flushings, ħasil, eċċ. Id f’id mal-infurzar ta’ din il-liġi hemm bżonn:

  • inċentivar tal-użu tal-ilma tal-bjar għal sistema ta’ second class water.
  • jintalab ħlas bħala kumpens fejn hemm nuqqas ta’ faċilità għall-ħażna tal-ilma tax-xita (għal dawk il-binjiet li nbnew wara l-2007 – skont l-Avviż Legali 238 tal-2006).
  • ikun żgurat li l-ilma tax-xita ma jmurx fid-drenaġġ.
  • isir kontroll u infurzar tal-liġijiet dwar it-trobbija ta’ annimali fuq il-bjut biex ikun evitat l-ikkontaminar tal-ilma li jinġabar.

Edukazzjoni

L-edukazzjoni għandha tkun il-bażi ta’ kull inizjattiva indirizzata sabiex tippromwovi stili ta’ ħajja sostenibbli. Għalhekk għandu jkun promoss u msaħħaħ it-tagħlim fis-settur formali (i.e. fl-iskejjel u entitajiet edukattivi oħra) dwar kwistjonijiet marbutin mal-ilma u l-użu tiegħu … speċjalment bir-riformi li sa jsiru fil-kurrikulu. Madanakollu, inizjattivi t’edukazzjoni ambjentali għandhom jinkludu attivitajiet fis-setturi non-formali u informali li jkunu partikolarment indirizzati lejn l-adulti. Programmi edukattivi dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma f’pajjiżna għandhom iservu sabiex ikun iċċarat li l-ilma tal-pjan hu pubbliku u għalhekk ma jistax isir użu privat tiegħu.

L-Iżvilupp t’Għawdex – sfidi u opportunitajiet

.

Kien hemm qbil unanimu li Għawdex hu uniku fil-karatteristiċi tiegħu u li dawn il-karatteristiċi jistgħu jkunu kemm opportunità sabiex Għawdex ikompli jiżviluppa jew inkella jistgħu jkunu l-kawża li Għawdex imur lura. X’direzzjoni sa tittieħed tiddependi minn kemm hemm rieda li ssir bidla fid-drawwiet tagħna u fl-istil ta’ ħajja li naddottaw.

Fil-komunità Għawdxija għad hemm predominanza ta’ kunċett antikwat li l-kwalità tal-ambjent u l-iżvilupp ma jistgħux jimxu id f’id, jiġifieri li wieħed irid ibati biex igawdi l-ieħor. Fil-fatt fl-isforzi li saru sabiex ikun hemm żvilupp ekonomiku ma sarx investiment biżżejjed sabiex dan l-iżvilupp jimxi id f’id mal-protezzjoni tal-wirt ambjentali u l-qafas soċjali t’Għawdex … fi ftit kliem ma kienx żvilupp sostenibbli. Meta jitqies l-impatt  ta’ xi proġett jeħtieġ li nibdew nikkonsidraw li l-ispejjeż mhumiex biss ekonomiċi … imma wkoll ekoloġiċi u soċjali.

Apprezzament ta’ dak li hu Għawdxi

Hemm bżonn kampanja aktar intensiva li tivvalorizza u tippromwovi b’mod professjonali l-ambjent naturali, soċjali u storiku/kulturali t’Għawdex. Dak li hu Għawdxi u l-karatteristiċi tas-soċjetà Għawdxija (eż. in-nuqqas ta’ kriminalità, it-trankwillità, edukazzjoni tajba) mhux dejjem jingħataw l-importanza meħtieġa minn Malta u fil-promozzjoni t’Għawdex … anzi ħafna drabi jitqiesu bħala xi ħaġa periferika għal dak li jsir Malta.

L-ambjent rurali hu aspett li jeħtieġ protezzjoni kemm billi jitwaqqaf il-bini fuq art agrikola u kemm billi jinħolqu (u jkunu inċentivati) opportunitajiet sabiex tkun apprezzata (u esperjenzata) aħjar il-ħajja rurali u l-biedja (eż. l-iżvilupp ta’ turiżmu rurali).

Kwistjonijiet li jeħtieġu azzjoni

dwar il-kwalità tal-ambjent

Il-programm Eko-Għawdex għandu jiffoka l-operat tiegħu sabiex jintegra iżjed l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi. Kull proġett ta’ żvilupp għandu l-‘prezz’ tiegħu u għalhekk hu importanti li wieħed jiżen sew dak li sa jwettaq. Kultant il-ħsara li ġġib magħha deċiżjoni ħażina mhux dejjem tista’ tissewwa a skapitu tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Kunsilli lokali u NGOs għandhom ikunu megħjuna sabiex ikunu jistgħu jagħmlu studji oġġettivi dwar l-impatt ta’ proġetti kbar. Dawn l-istudji għandhom ikunu kkummissjonati mill-MEPA u jitħallsu mill-iżviluppatur bħala parti mill-proċess tal-applikazzjoni għall-iżvilupp.

L-immaniġġjar tar-riżorsi tal-ilma (eż. ilma tal-pjan, barrieri u l-ilqugħ ieħor) jenħtieġ aktar attenzjoni għax dawn ir-riżorsi mhux dejjem ingħataw importanza fi proġetti li twettqu.

Il-programm Eko-Ghawdex għandu jinċentiva s-settur tal-kostruzzjoni sabiex:

  • jinbnew djar li huma sostenibbli fl-użu tal-ilma u tal-enerġija;
  • ikun hemm iffukar fuq ir-refurbishment ta’ bini qadim minflok it-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid tiegħu;
  • jinħolqu skemi li jinkoraġġixxu l-użu tal-proprjetà vakanti u eżistenti; u
  • isir użu sostenibbli tal-ġebla tal-franka, il-konservazzjoni tal-ħamrija u l-protezzjoni tal-landscape (billi tingħata aktar attenzjoni għad-dettall meta jsir l-ippjanar urban u l-ippjanar lokali).

It-tniġġis mid-dawl mhux qed ikun indirizzat, anzi l-użu esaġerat tad-dawl qed jitqies bħala mezz biex isebbaħ. Minbarra li hu forma ta’ tniġġis, l-użu żejjed ta’ dawl qed jikkawża wkoll ħela ta’ enerġija bla bżonn.

dwar il-popolazzjoni

Hemm brain drain taż-żgħażagħ li jagħżlu li joqogħdu Malta minħabba xogħol u anke biex jixtru proprjetà u jwaqqfu familja. Dan qed isir kemm għax f’Għawdex m’hemmx xogħol għall-Għawdxin u kemm minħabba li x-xogħol li hemm Għawdex jitħallas inqas mill-istess xogħol li jsir Malta.

Kemm jista’ jkun Għawdxi għandu jaħdem f’pajjiżu stess, imma dan hu impossibbli li jintlaħaq minħabba li:

  • l-popolazzjoni hi waħda żgħira u l-attività li tiġġenera hi waħda limitata; u
  • min irid jispeċjalizza bilfors irid jitla’ Malta … u kultant anke ’l hinn minnha.

Hemm bżonn ta’ aktar kreattività biex jinħolqu jew jissaħħu inizjattivi sabiex jinżammu u jkunu attirati aktar nies biex joqogħdu Għawdex. Pereżempju: l-organizzar ta’ avvenimenti internazzjonali; it-twaqqif ta’ skejjel tal-Ingliż speċjalizzati għall-professjonisti; u inċentivi għall-irtirar f’Għawdex.

Saru wkoll suġġerimenti li jikkonċernaw studji universitarji. Sar suġġeriment li programmi ta’ studju jkollhom study units li jingħataw Għawdex u b’hekk studenti Maltin ikollhom jitilgħu Għawdex għal dawn il-units. Fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-operat taċ-Ċentru t’Għawdex, sar suġġeriment li l-Għawdxin ikunu offruti l-għażla li jagħmlu korsijiet universitarji full time f’Għawdex. Min-naħa l-oħra kien hemm min aktar kien favur li jinħolqu opportunitajiet sabiex studenti Għawdxin ikunu jistgħu jistudjaw lil hinn mill-gżira ħalli tingħeleb l-insularità doppja.

dwar l-infrastruttura

Dwar il-proġett tal-mina jew il-pont bejn Malta u Għawdex inħass il-bżonn li dan il-proġett ikun studjat sew sabiex ma jkunux indirizzati biss miri immedjati. Dan l-istudju għandu jevalwa bir-reqqa x’ser ikun il-prezz ekonomiku (biex jinbena u jkun sostnut) soċjali u ekoloġiku li jkollna nħallsu għalih u x’ser ikun qed irodd lura fil-futur. Jenħtieġ wieħed jara jekk investiment fit-trasport pubbliku (eż. tariffa li tinkludi t-traġitt bil-baħar u trasport dirett b’tal-linja) jew trasport bil-vapur b’xejn jistgħux isolvu l-problema b’mod aktar sostenibbli.

dwar l-iżvilupp ekonomiku

Jidher li fil-kuntest t’Għawdex l-investiment f’inizjattivi żgħar u individwali jista’ jħalli aktar frott minn proġetti kbar. Il-programm Eko-Ghawdex, Malta Enterprise u l-banek għandhom joħolqu ambjent/infrastruttura li tinċentiva inizjattivi bħal dawn. Sa issa jidher li ma kienx hemm investiment xieraq fl-intrappriżi ż-żgħar – tant  li xi wħud minnhom inqerdu.

Hemm bżonn ta’ strateġija ċara għall-iżvilupp imprenditorjali sostenibbli f’Għawdex u l-ħolqien tal-Gozo Enterprise li jindirizza  l-bżonnijiet speċifici tal-iżvilupp ekonomiku t’Għawdex.

It-turiżmu (b’mod speċjali t-turiżmu rurali) jidher li joffri opportunità tajba għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kultura f’Għawdex. Imma jrid ikun hemm attenzjoni sabiex dan l-iżvilupp ikun sostenibbli u b’hekk jissaħħaħ l-ambjent naturali, soċjali u storiku/kulturali t’Għawdex – ambjent li qed jattira t-turisti lejn Għawdex. Minħabba dan hemm bżonn li tinħoloq policy ċara u promozzjoni ta’ guest hosting fil-familji.

Edukazzjoni

L-iżvilupp sostenibbli t’Għawdex jiddependi mit-twaqqif ta’ programmi edukattivi, mifruxa fuq is-setturi kollha (i.e. dawk formali, informali u non-formali) li jkunu ffukati fuq żewġ binarji:

  • l-għarfien u l-apprezzament tal-wirt ekoloġiku, soċjali u kulturali Għawdxi; u
  • t-tnissil ta’ attitudnijiet u valuri li jwasslu għall-iżvilupp ta’ responsabbiltà ambjentali li tixpruna lill-individwu ħa jkun ċittadin attiv fid-deċiżjonijiet ambjentali li jittieħdu.

Fi ftit kliem proċess edukattiv għandu jattakka l-apatija u jippromwovi l-impenn. Il-Knisja għad għandha influwenza qawwija fuq is-soċjetà Għawdxija u għalhekk għandha timpenja ruħha ħa tifforma attitudni li tiġġieled l-apatija bl-azzjoni u l-eżempju fl-użu tal-proprjetà tagħha.

Meta nitkellmu fuq edukazzjoni ambjentali jeħtieġ li nindirizzaw mhux biss lit-tfal imma wkoll lill-adulti u l-komunitajiet fil-lokalitajiet. Dan il-proċess għandu jinkludi wkoll awtoritajiet ekleżjastiċi, ġuridiċi, trejdjunjonistiċi, amministrattivi u oħrajn.

Hemm bżonn li jitwaqqfu ċentri għall-istudju tal-ambjent naturali/rurali li joffru lil min iżurhom opportunità sabiex isir jaf aktar u jivvalorizza l-ambjent ekoloġiku, soċjali u kulturali Għawdxi.