Fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tar-restawr li sar fuq il-kwadru ta’ Sidtna Marija Annunzjata fil-Knisja ta’ San Duminku fil-Birgu, se jittella’ kunċert bid-direzzjoni tas-Surmast Stephen Camilleri, nhar il-Ħadd 24 t’Awwissu 2025 fis-7:15pm. Matul il-kunċert, Valentina Lupo minn Atelier del Restauro Ltd, se tagħti spjegazzjoni dettaljata dwar il-proċess tar-restawr u Rev. P. Tonio Mallia Milanes OP se jagħmel diskors tal-okkażjoni. Dakinhar se jkun espost fil-knisja l-abbozz tal-istess pittura.
Il-kwadru ta’ Marija Annunzjata sar fl-1959 mill-artist Emvin Cremona biex ikun il-kwadru titulari tal-knisja l-ġdida tad-Dumnkani fil-Birgu. Dan sar minħabba li l-knisja ta’ qabel kienet iġġarrfet f’attakki mill-ajru fit-Tieni Gwerra Dinjija, fid-19 ta’ Jannar 1941. Dan huwa wieħed mill-ikbar kwadri li Cremona kien pitter u huwa meqjus bħala wieħed mill-kapolavuri tiegħu. Wara li lestih, kien spiss imur jitlob quddiemu, tant kemm kien għal qalbu. Il-kwadru tħallas mill-benefatturi Ġirbin Lawrence u Michelina Bezzina.
Il-maġġoranza tal-knejjes Dumnikani huma ddedikati lill-Madonna u mhux lill-patrun San Duminku biex juru r-rabta kbira li hemm bejn l-Ordni tal-Predikaturi u d-devozzjoni Marjana. Għalhekk il-knisja tad-Dumnikani fil-Birgu hi ddedikata lill-Madonna u mhux lil San Duminku. Dan narawh ukoll fil-knejjes tad-Dumnikani fir-Rabat, il-Belt u Gwardamanġa.
Il-kunċert u l-inawgurazzjoni ser isiru taħt il-patroċinju ta’ Mons. George Frendo OP, Arċisqof Emeritu ta’ Tirana-Durres, l-Albanija. Il-proġett tar-restawr kien parzjalment iffinanzjat mill-Fondazzjoni Kottonera taħt it-tmexxija tas-Sur Joe Mizzi.
L-inawgurazzjoni tal-kwadru hi parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa f’ġieħ San Duminku li se tkun iċċelebrata fil-Birgu mit-23 sal-31 t’Awwissu 2025.
Ritratti: Valentina Lupo