L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Nixtieq li naħsbu ftit fuq żewġ stediniet li għamel Ġesù llum fl-Evanġelju li tista’ tiġborhom fil-kliem: “Ejjew għandi” u “Tgħallmu minni”.
Ġesù l-ewwel jgħid: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin…”, u jgħid li fih aħna nsibu s-serħan tagħna. Din kienet l-esperjenza tan-nies fi żmien Ġesù, li fih kienu jsibu dak li jagħtihom il-paċi fil-qalb: nies li kienu jkunu kultant morda, nies imwarrbin u emarġinati, nies iġġudikati mill-oħrajn, nies li kienu ġarrbu t-telfa ta’ xi ħadd għażiż għalihom. Dawn in-nies f’Ġesù sabu tassew il-paċi meta resqu lejh u fittxewh.
Għalhekk dak li Ġesù qal lin-nies ta’ żmienu jgħid lilna wkoll illum. Aħna wkoll għandna bżonn li fih insibu s-serħan tagħna. Nafu li miegħu aħna jkollna xi ħadd li jifhimna, li ma jwarrabniex, li jgħinna fid-diffikultajiet tagħna. Aħna ngħaddu minn diversi mumenti diffiċli fil-ħajja tagħna, mindaqqiet mumenti iżjed ibsin: meta nkunu qegħdin inbatu, per eżempju, minn ansjetà, mit-toqol tal-problemi, minn affarijiet li joħolqulna f’ħajjitna inċertezzi. Hemm bżonn li aħna nilqgħu din l-istedina ta’ Ġesù li aħna mmorru għandu, aħna li nkunu mħabbtin u mtaqqlin.
Nindunaw kif meta nitkellmu miegħu fit-talb, diġà għandna għajnuna. Li aħna naqsmu miegħu d-diffikultajiet li ngħaddu minnhom, il-problemi tal-ħajja, ġa għandna għajnuna. Fl-istess djalogu miegħu ġa jkun qed jagħtina l-kuraġġ u l-għajnuna, dak li rajna llum fis-Salm: “Iwieżen il-Mulej lil kull min se jaqa’, iqajjem lil kull min hu mitluq.” Għandna bżonn din l-għajnuna fil-ħajja tagħna, u Ġesù jista’ u lest li jagħtina din l-għajnuna li tgħinna nimxu ’l quddiem. Mhux li d-diffkultajiet u l-problemi jisparixxu, imma li nafu li f’dawn il-mumenti għandna min qed jgħinna, u min jagħmlilna l-qalb, u min jagħtina tassew il-paċi fil-qalb tagħna.
It-tieni stedina li għamel Ġesù llum hi: “Tgħallmu minni …”. Aħna nafu li hemm ħafna x’titgħallem minnu. F’din is-silta biss, anke meta hu jgħid “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art”, hemm nitgħallmu minnu li aħna nfaħħru lil Alla, li kliemna qatt ma jkun kliem ta’ tkasbir, imma kliem ta’ tifħir lil Alla, u ta’ gratitudni u ringrazzjament lil Alla. Ġesù jgħid ukoll hawnhekk: “għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min hu għaref, lil min għandu d-dehen, u wrejthom liċ-ċkejknin”. Hemm ukoll nitgħallmu kif Alla jagħżel liċ-ċkejknin, liż-żgħar, u lilhom juri l-misteri tas-saltna tiegħu.
Imma hawn jgħid xi ħaġa oħra importanti Ġesù: “Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli”. Din kienet tassew l-esperjenza tan-nies-nies meta ltaqgħu ma’ Ġesù – dak li tlabna fis-Salm “Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej, tjubitu fuq kulma għamel”. Hekk raw u ħassew in-nies li ltaqgħu miegħu: Ġesù ta’ qalb ħelwa u umli. Hekk kien fl-attitudni tiegħu, hekk kien fil-mod kif kien jittratta lin-nies – dak li rajna fl-ewwel qari, mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija, li ħabbar is-sultan li ġej “umli u riekeb fuq ħmar”. Il-kliem iebes tiegħu kien biss għal min hu ipokrita u għal min jagħti skandlu; imma l-bqija kien kliem ta’ ħlewwa u li jilqa’ lil min hu sinċier fil-qalb, anke lil min jiżbalja u jiddispjaċih u jitlob maħfra; dejjem jilqgħu Ġesù ta’ qalb ħelwa u umli.
Ġesù jgħid: “Tgħallmu minni”. Aħna għandna bżonn nitgħallmu minnu nkunu ta’ qalb ħelwa u umli. L-ewwel nett ma’ dawk qrib tagħna, fil-familja, ma’ dawk li ngħixu magħhom, jew li naħdmu magħhom. Jiġri kultanti, u din tiġri b’mod naturali, li aħna nkunu l-iktar żorri jew li l-iktar naħtfu lil min naraw kuljum jew niltaqgħu miegħu kuljum. Ġesù jistedinna biex nibdew minn dawn in-nies li qegħdin madwarna. Magħhom inkunu ta’ qalb ħelwa u umli. Jiġifieri li man-nies tal-familja tagħna, ngħidu kliem ta’ apprezzament, nuru li jimpurtana, nuru li aħna grati; li ngħidu kliem ta’ inkoraġġiment mal-istess nies li niltaqgħu magħhom kuljum biex tassew nitgħallmu minnu nkunu ta’ qalb ħelwa u umli.
Imbagħad ukoll mhux biss man-nies qrib tagħna, imma anke in ġenerali fis-soċjetà. Jekk hawn ħaġa li tolqtok kultant, anke minn ċerti kliem li taqra – fil-media, social media, kummenti taħt rapporti – kemm hawn kliem li kultant jintuża min-nies li hu kliem vjolenti, ta’ insult, ta’ mibegħda. Hawn min jaħseb li b’hekk tirbaħ. Imma fil-fatt Ġesù jurina li int tellief meta tuża dak il-kliem. Turi biss x’hemm fil-qalb. Lilna Ġesù jistedinna, bħala dixxipli tiegħu, biex inkunu ta’ qalb ħelwa u umli anke fil-mod kif niktbu, kif nitkellmu, kif nittrattaw lil xulxin, għax hemm nuru tassew li aħna dixxipli tiegħu, hemm nuru tassew li aħna nitgħallmu minnu nkunu ta’ qalb ħelwa u umli.
Nitolbu llum f’dil-quddiesa lil Ġesù, ispirati minn din il-kelma tiegħu, li aħna nkunu viċin tiegħu, immorru għandu kif stedinna hu biex hu jagħtina l-paċi fil-qalb tagħna, u li aħna nitgħallmu minnu nkunu ta’ qalb ħelwa u umli.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju