Il‑poplu Malti u Għawdxi ġabar is‑somma ta’ €285,662 f’sitt ġimgħat għal sejħa ta’ emerġenza li saret mill‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex b’risq il‑poplu tat‑Turkija u s‑Sirja, li ntlaqtu minn terremot li ħalla eluf kbar ta’ persuni mejta taħt it‑tiġrif. 

Id‑donazzjonijet ingħataw minn individwi, parroċċi, skejjel, kumpaniji u entitajiet oħra privati li wasslu d‑donazzjonijiet tagħhom permezz ta’ kontijiet ta’ emerġenza miftuħa apposta minn Caritas Malta.

PHOTO CARITAS INTERNATIONALIS SYRIA LATTAKIA

Il‑flus miġbura ntbagħtu lil Caritas Internationalis biex iż‑żewġ pajjiżi setgħu jingħataw l‑assistenza tant meħtieġa fl‑aktar affarijiet bażiċi; ikel, ilma, akkomodazzjoni u oġġetti għall‑iġjene personali.

F’dawn l‑aħħar sitt ġimgħat baqa’ għaddej ix‑xogħol biex jiġi identifikat in‑numru ta’ persuni li tilfu ħajjithom li jaqbeż is‑sittin elf bejn iż‑żewġ pajjiżi, b’ħafna oħrajn midruba, eluf li għadhom nieqsa u mijiet ta’ persuni li sfaw bla saqaf fuq rashom. Persuni li salvaw, ingħataw jew għadhom qed jingħataw għajnuna fi sptarijiet u għajnuniet oħra, fejn l‑aktar li jispikkaw huma tfal u trabi li sfaw iltima.

Caritas Malta hi impenjata tkompli bil‑ħidma tagħha u tkompli tagħti sapport lil dawk l‑iktar milquta.