-
-
-
L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra l‑għeluq tal‑inkjesta Djoċesana dwar il‑Qaddej ta’ Alla, Patri Avertan Fenech, Karmelitan, nhar l‑Erbgħa, l‑1 ta’ Novembru 2017, Solennità tal‑Qaddisin Kollha, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Iċ‑ċelebrazzjoni ser tibda fil‑5:00 p.m. bir‑rit kanoniku tal‑għeluq tal‑inkjesta. Wara ssir Quddiesa ta’ radd il‑ħajr lil Alla. Dakinhar ukoll, Patri Avertan jagħlaq 74 sena minn meta għadda għall‑ħajja ta’ dejjem. Il‑Knisja f’Malta tħeġġeġ lill‑Insara biex jattendu għal din iċ‑ċelebrazzjoni.
-
-
Il‑kawża għall‑beatifikazzjoni u l‑kanonizzazzjoni ta’ Patri Avertan Fenech infetħet fi Frar li għadda bit‑twaqqaf ta’ tribunal. Matul dawn ix‑xhur instemgħu diversi xhieda u nġabret id‑dokumentazzjoni meħtieġa dwar il‑ħajja qaddisa, il‑fama tal‑qdusija u l‑għeġubijiet tiegħu.
IL‑QADDEJ TA’ ALLA PATRI AVERTAN FENECH
Patri Avertan Fenech twieled il‑Mosta fl‑10 ta’ Lulju 1871. Għamel il‑professjoni reliġjuża fl‑Ordni Karmelitan fl‑1892 u ġie ordnat saċerdot fl‑1896. Fil‑ħajja reliġjuża tiegħu spikkaw b’mod speċjali l‑virtujiet tal‑modestja, l‑umiltà, il‑faqar u s‑safa, li kienu jqanqlu lin‑nies jersqu għandu għall‑qrar u d‑direzzjoni spiritwali.
Il‑qdusija u l‑virtujiet tiegħu spikkaw l‑iktar fi żmien il‑mard, kawża ta’ attakk qawwi ta’ puplesija fl‑1932, li ħallieh b’ġismu nofsu pparalizzat. Is‑sodda tal‑mard u s‑siġġu tar‑roti li fuqhom dam għal 11‑il sena u nofs saru mhux biss is‑salib tiegħu imma wkoll il‑pulptu li minn fuqhom kien iwassal l‑Evanġelju. Għalkemm Patri Avertan qatt ma kien predikatur, għax leħnu ma kienx jagħtih, huwa dejjem ippriedka bl‑eżempju ta’ ħajtu.
Patri Avertan miet fl‑1 ta’ Novembru 1943 u jinsab midfun fil‑Kappella tal‑Lunzjata (tal‑Karmnu), l‑Imdina. Bosta huma dawk li jżuru l‑qabar tiegħu sabiex jitolbu u jirreferu grazzji maqlugħa bl‑interċessjoni tiegħu.