L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hemm siltiet fl-Evanġelju fejn Ġesù qisu jkun f’burdata ħażina, xejn ma jogħġbu. Din tal-lum hi waħda minn dawn is-siltiet, fejn Ġesù, minħabba li kien imdawwar b’ħafna nies, lid-dixxipli jgħidilhom biex jaqsmu għax-xatt l-ieħor, imbagħad hemmhekk ikellmuh tnejn min-nies, l-ewwel wieħed mill-kittieba, u mbagħad wieħed mid-dixxipli tiegħu.
Lill-ewwel wieħed li jkellem lil Ġesù u jgħidlu “tmur fejn tmur, jien niġi warajk”, Ġesù, flok iħeġġu, kważi jaqtagħlu qalbu bil-mod kif ikellmu, qisu jitfilu l-ħeġġa tiegħu. Forsi minn moħħna jgħaddilna dan il-ħsieb: saħħa qallek li se jimxi warajk, kull fejn tmur, allura titfilu l-entużjażmu tiegħu? U lill-ieħor, wieħed mid-dixxipli, li jgħidlu biex iħallih l-ewwel jidfen lil missieru, Ġesù jgħidlu jħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom u hu jimxi warajh. Għalina tinstema’ stramba din, kważi inumana.
X’irid jgħid Ġesù hawnhekk? L-ewwel nett, Ġesù jara l-qalb. Meta jħares lejn dawn it-tnejn min-nies, jara l-qalb tagħhom u jaf x’għandhom bżonn l-aktar li jisimgħu. Għalhekk, lil dak il-kittieb, li wrieh dil-ħeġġa biex jimxi warajh u jkun dixxiplu tiegħu, Ġesù jgħidlu: agħraf għal xiex int trid tidħol, bħala dixxiplu. Ikun ċar miegħu. Jgħidlu: hi ħajja ta’ sagrifiċċju u ta’ ċaħda. Ried jgħidlu: jekk inti qed taħseb li timxi warajja għal xi skop ieħor, pereżempju għall-poter, jew għall-flus, jew għall-proprjetà, biex ikollok post tajjeb – erġa’ aħsibha! Dan hu Ġesù li jitkellem ċar u li jrid li min jimxi warajh ikun jaf ċar. Ma nafux dan x’għamel, l-Evanġelju ma jgħidx jekk wara l-kliem ta’ Ġesù, mexiex warajh jew telaqx ’l hemm, imma l-kliem ta’ Ġesù baqa’ dejjem ċar għal kull min irid ikun dixxiplu tiegħu.
Lill-ieħor, li kien diġà dixxiplu, meta jgħidlu “ħalli mmur nidfen lil missieri”, irridu nifhmu hawnhekk li Ġesù mhux qed jgħidlu: turix rispett lejn il-ġenituri tiegħek. Dak hu kmandament ta’ Alla! Meta d-dixxiplu jgħid lil Ġesù biex iħallih jidfen lil missieru, ma kienx qed jgħidlu biex imur għall-funeral, imma qed jgħidlu: ħalli nistenna sakemm imut missieri, imbagħad insir dixxiplu tiegħek. Ġesù qed jgħidlu: int m’għandekx tipposponi li tkun dixxiplu għal xi waqt ieħor fil-ħajja, imma għandek tagħżel il-prijorità li tkun dixxiplu, li timxi warajja, għax imbagħad dik tgħinek kif għandek tgħix, inkluż mal-familja tiegħek.
Il-kliem ta’ Ġesù baqa’ dejjem ċar għal kull min irid ikun dixxiplu tiegħu.
Għalhekk, dan hu l-messaġġ sabiħ li Ġesù jagħti lilna llum. L-ewwel nett, lilna li aħna dixxipli tiegħu jfakkarna li hi ħajja kultant ta’ sagrifiċċju u ċaħda. M’aħniex imsejħin biex nimxu mal-kurrent – kif qed jagħmel ħaddieħor, nagħmlu aħna – mhijiex dik is-sejħa tagħna bħala dixxipli. Isejħilna wkoll biex ikollna l-prijoritajiet f’posthom, b’mod li nagħżlu lilu fil-ħajja tagħna, hu jkun l-ewwel. Imbagħad hu jurina kif għandna ngħixu bħala dixxipli. Jurina żgur kif għandna nirrispettaw u nħobbu lil tad-dar, il-familja, u jurina kif ngħixu bħala dixxipli. Hawn min, bħala dixxiplu ta’ Ġesù, għadda ħafna mill-ħajja tiegħu jieħu ħsieb b’għożża l-ġenituri tiegħu. U għamel dan proprju biex jgħix jew tgħix is-sejħa ta’ dixxiplu ta’ Ġesù. Meta nagħżlu lilu, hu jurina b’mod ċar kif għandna ngħixu, b’mod li l-ħajja tagħna jkollha tassew skop.
Nitolbu llum lill-Mulej, imsaħħin ukoll bl-eżempju ta’ San Irinew li għażel lil Alla l-ewwel, biex aħna nimxu warajh, u biex dejjem iġedded fina din l-għażla li nkunu dixxipli tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju