B’referenza għall-artiklu “Ma jafux min huma n-nies li jibbenefikaw”, ppublikat fil-ġurnal ‘l-Orizzont’, il-Ġimgħa 6 ta’ Lulju 2012, dwar it-tqassim tal-ikel li jiġi mill-Unjoni Ewropea, l-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof jixtieq jippreċiza dan li ġej.
Il-Kappillani Maltin kienu mitluba biex permezz tal-organizzazzjoni tagħhom fil-parroċċi, jitqassam l-ikel li jingħata bħala parti minn skema ta’ għajnuna offruta mill-Unjoni Ewropea. Il-Kappillani aċċettaw li jqassmu dan l-ikel għax fehmu li jistgħu jkunu ta’ servizz lil min hu fil-bżonn, anke jekk jiġu kkritikati minn xi wħud li jidhrilhom li jmisshom jieħdu dan l-ikel u li ma jieħduhx għax mhumiex intitolati għalih. Kien propju għalhekk li l-Kappillani talbu lill-Ministeru għar-Rizorsi u l-Affarjiet Rurali li jkollhom kriterju kemm jista’ jkun ċar lil min iqassmu din l-għajnuna.
Il-proċedura stabbilita hija li dawk il-persuni li jixtiequ jirċievu dan l-ikel iridu jmorru l-uffiċċju distrettwali tas-servizzi soċjali biex, jekk huma ntitolati, jinħareġ ċertifikat magħruf bħala DSS Form. Il-persuni ntitolati jagħtu din il-formola lill-Kappillani li mbagħad, meta jasal l-ikel, iqassmuh skont in-numru ta’ persuni fil-familja. Il-Kappillani għandhom wkoll id-diskrezzjoni li jekk jibqa’ ftit ikel żejjed iqassmuh lill-persuni fil-bżonn.
Min għandu nformazzjoni dwar persuni li qed jieħdu ikel li mhux suppost jieħdu skont dan il-kriterju, għandu jwassal l-ilment lil Millennium Chapel Foundation jew direttament lill-Ministeru għar-Rizorsi u l-Affarjiet Rurali, għaliex mhux sew li jitpoġġa dubbju fuq kulħadd.