Madwar 17,000 student u iktar minn 3,000 edukatur bdew is‑sena skolastika f’waħda mill‑iskejjel tal‑Knisja fil‑livelli tal‑kindergarten, il‑primarja, is‑sekondarja u s‑sitt sena post‑sekondarja.
Hekk kif kull sena jingħaqdu edukaturi ġodda mas-settur, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika annwalment jorganizza laqgħat ta’ tħejjija għalihom. Din is-sena madwar 130 edukatur ġdid ġew milqugħa mid-Delegat għall-Edukazzjoni Kattolika, Dun Mark Ellul u mid-Direttur Ġenerali għall-istess Segretarjat, Dr Ian Mifsud. Wara quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla, il-kelliema, fosthom l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, saħqu fuq l-importanza tal-edukazzjoni ħolistika mħaddna fl-iskejjel tal-Knisja: edukazzjoni li ma tilħaqx biss il-moħħ imma wkoll ir-ruħ.
Il-kelliema saħqu li f’dinja fejn l-informazzjoni hija dejjem aktar aċċessibbli għal kulħadd u l-intelliġenza artifiċjali qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla, l-edukazzjoni Kattolika għandha tħares dejjem iktar lejn il-formazzjoni tal-persuna sħiħa u tlaqqa’ lil kull persuna ma’ Ġesù. Fit-tiswir tal-ħiliet u l-għarfien, tajjeb li jiġu sostnuti iżjed il-ħsieb kritiku, il-kreattività u l-innovazzjoni. L-edukaturi huma fdati b’sehem kbir fit-tisħiħ tal-poplu t’Alla, bil‑preżenza u x‑xogħol tagħhom fl‑iskola, hekk kif huma xhieda tal‑valuri tal-Evanġelju u l‑etos Nisrani.
Mal‑preparamenti amministrattivi neċessarji biex ikunu jistgħu jinfetħu l-iskejjel u jingħata s-servizz edukattiv, f’diversi skejjel kien qed isir xogħol ta’ titjib lill‑ambjent skolastiku. Matul is-sajf, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika wkoll ġarr għaċ-ċentru l-ġdid tiegħu f’Ħal Balzan, parti mill-kumpless tas-Sorijiet tal-Bon Pastur. Filwaqt li qed jiġu finalizzati l-aħħar xogħlijiet, dan ser ikun qed jiġi inawgurat uffiċjalment matul din is-sena skolastika.
Fl-istess waqt komplew jitwettqu bosta miżuri li minnhom qed jibbenefikaw studenti u impjegati fis-settur. Bi pjaċir ġie nnutat, kif il-ħidma fis-skiet li saret biex iċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja (SEC/‘O’ Levels) jibda jinkludi l-assessjar li jsir matul l-aħħar tliet snin tal-iskola sekondarja, kienet ta’ suċċess fl-aħħar sena skolastika. Minkejja li fadal x’jitjieb tqiegħed pedament importanti biex fuqu jkompli jinbena fis-snin li ġejjin. Minn aspett ieħor, hekk kif iktar ftehimiet intlaħqu mill-Gvern mad-diversi trade unions, u d-deċiżjonijiet ġew komunikati lis-Segretarjat, qed ikompli wkoll ix-xogħol marbut mal-aġġustamenti tal-pagi tal-impjegati li bil-mod lkoll ser ikunu qed jirċievu dak li huwa dovut lilhom skont il-parametri uffiċjali.
F’messaġġ lill-istudenti u l-edukaturi kollha, l-Arċisqof Charles Scicluna jawgura li din is-sena tkun sena akkademika mimlija ħidma rżina u tieqa favur il-formazzjoni ħolistika tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna għaliex bħalma jgħid San Ġorġ Preca, “l-edukazzjoni hi l-għajn ta’ kull ġid”. L-Arċisqof fakkar li “it-tagħlim jiġi minn sistema edukattiva inklussiva, ħolistika u li tippromwovi wkoll il-valuri sani u għandha wkoll spazju għad-dixxipplina u r-responsabbiltà imma wkoll għall-kompassjoni fil-konfront tal-vulnerabbli”.
Madwar 2,000 student ġdid se jibdew f’waħda mill‑55 skola tal‑Knisja f’Malta u Għawdex. B’kollox kien hemm mal-4,300 applikazzjoni ta’ studenti li xtaqu jidħlu fi skola tal‑Knisja. Id‑dettalji dwar is‑sena skolastika 2026‑2027 fl‑iskejjel tal‑Knisja mistennija jitħabbru fil‑bidu ta’ Novembru li ġej fuq knisja.mt.