Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace
Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika (SfCE) u ċ‑Ċentru tal‑Ilsien Malti (ĊIM) iffirmaw ftehim bil‑għan li fl‑Iskejjel tal‑Knisja jibdew iseħħu wħud mill‑inizjattivi taċ‑Ċentru tal‑Ilsien Malti.
Il‑ftehim ġie ffirmat minn Dr Ian Mifsud, id‑Direttur tas‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, minn Dr Maris Camilleri, l‑Aġent Kap Eżekuttiv taċ‑Ċentru tal‑Ilsien Malti, fil‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana.
Fost dawn l‑inizjattivi hemm il‑proġett ‘Mal‑Melodija’, programm edukattiv li jgħaqqad elementi lingwistiċi, kulturali u storiċi ma’ stili mużikali diversi li jolqtu l‑gosti taż‑żgħażagħ tal‑lum. Sa issa dan il‑proġett kien immirat għal studenti tat‑Tmien Sena (Form 2), iżda permezz tal‑ftehim is‑Segretarjat se jinkludi wkoll lill‑istudenti tad‑Disa’ Sena (Form 3). Fost l‑oħrajn, l‑istudenti se jkunu qed jitgħallmu poeżiji Maltin, li huma parti mis‑sillabu tal‑Malti, permezz ta’ mużika rap u kontemporanja.
Fi tmiem is‑sena skolastika li jmiss, is‑Segretarjat u ċ‑Ċentru tal‑Ilsien Malti se jesploraw il‑possibiltà li tiġi organizzata serata fejn studenti minn skejjel differenti tal‑Knisja juru l‑kontenut letterarju u mużikali li pproduċew waqt il‑proġett ‘Mal‑Melodija’.
Inizjattiva li qed tiġi diskussa m l‑Awtorità Maltija għall‑Innovazzjoni Diġitali (MDIA) hi rivista bilingwi bl‑isem ta’ ‘Elettron’ b’kontenut kollu kemm hu marbut mad‑dinja tat‑teknoloġija.
Id‑Direttur tas‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, Dr Ian Mifsud lissen li dan il‑ftehim hu pass ieħor biex l‑esperjenza edukattiva fl‑Iskejjel tal‑Knisja tkun olistika. Saħaq li l‑profiċjenza fl‑ilsien nattiv tagħna għandha tkun konsolidata bħala waħda mill‑oqsma essenzajli tas‑sistema edukattiva Maltija. Dr Mifsud irringrazzja lill‑edukaturi kollha tal‑impenn kostanti tagħhom fit‑tisħiħ ta 0l‑ilsien Malti fl‑iskejjel.
Preżenti għal dan il‑ftehim kien hemm ukoll il‑Ministru għall‑Kultura, l‑Artijiet u l‑Gvern Lokali Owen Bonnici u l‑Ministru għall‑Edukazzjoni, l‑Isport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Clifton Grima, li faħħru din l‑inizjattiva favur il‑lingwa Maltija fl‑Iskejjel tal‑Knisja.
L‑Aġent Kap Eżekuttiv taċ‑Ċentru tal‑Ilsien Malti Dr Maris Camilleri qalet li ċ‑Ċentru, fi qbil mal‑Ministeru għall‑Wirt Nazzjonali, l‑Arti u l‑Gvern Lokali, hu impenjat li fiż‑żmien li ġej, l‑inizjattivi u l‑proġetti tiegħu jilħqu lit‑tfal kollha fl‑iskejjel tal‑Knisja. Dan sabiex il‑Malti jiġi msaħħaħ fost l‑adolexxenti, li huma l‑futur tal‑pajjiż u tal‑lingwa nazzjonali tagħna.