• Ir‑regolamenti għad‑Dħul fl‑Iskejjel tal‑Knisja għas‑sena skolastika 2018 ‑ 2019 ġew ippubblikati fuq il‑websajt tal‑Knisja f’Malta www.thechurchinmalta.org. B’kollox ser ikun hemm total ta’ 1,529 post vakanti. L‑applikazzjonijiet jistgħu jsiru, jew onlajn mil‑lum, l‑Erbgħa 15 ta’ Novembru 2017, jew f’waħda mid‑diversi skejjel tal‑Knisja bejn Novembru 2017 u Frar 2018 kif indikat fir‑regolamenti. Il‑proċess tad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja jiddetermina d‑dħul fl‑ewwel u t‑tieni sena kindergarten, fl‑ewwel sena primarja u fl‑ewwel sena sekondarja. Lista tad‑dokumenti meħtieġa, il‑ġranet meta wieħed għandu japplika u aktar dettalji huma mniżżla fir‑regolamenti.

    Għas‑sena skolastika li għadha kif bdiet (2017 ‑ 2018), fl‑iskejjel tal‑Knisja applikaw 3,722 student li minnhom ġew milqugħa 1,715 fid‑diversi livelli. It‑talba kienet aktar mid‑doppju tal‑postijiet kollha disponibbli fl‑Iskejjel tal‑Knisja.

    Skont kif spjegat fir‑regolamenti li għadhom kif ġew ippubblikati, f’Novembru ser jintlaqgħu l‑applikazzjonijiet tal‑ewwel kriterju: tfal li huma fi djar tal‑Knisja, tfal tal‑impjegati li jaħdmu fi skola tal‑Knisja, aħwa li għandhom ħuthom fi skola tal‑Knisja, transfers bejn skejjel tal‑istess entità reliġjuża, dawk eżentati mill‑attendenza u tfal li qegħdin fi skejjel tal‑Knisja bla kontinwità.

    F’Jannar u Frar 2018 jintlaqgħu l‑applikazzjonijiet ta’ applikanti oħra li jew għadhom ma bdewx jattendu skola jew qed jattendu skola tal‑Istat jew skola indipendenti.

    Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija jinforma li mis‑sena skolastika 2018 ‑ 2019 il‑Kulleġġ ta’ San Alwiġi f’Ħal Balzan ser jintroduċi s‑sistema tal‑koedukazzjoni. Dan ifisser li d‑dħul ta’ tfal fil‑Kinder 2 ser ikun għas‑subien kif ukoll għall‑bniet.

    Is‑Segretarjat jinforma wkoll li ġie deċiż li mis‑sena skolastika 2018 ‑ 2019, is‑Seminarju tal‑Arċisqof u s‑Sacred Heart College jitqiesu bħala skejjel tal‑istess entità reliġjuża peress li t‑tmexxija taż‑żewġ skejjel taqa’ taħt ir‑responsabilità tal‑Arċisqof.

    In‑numru ta’ postijiet vakanti għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja għas‑sena skolastika 2018 ‑ 2019 huwa kif ġej:

    Sena

    Postijiet Vakanti Subien

    Postijiet Vakanti Bniet

    Total Postijiet Vakanti

    L‑ewwel sena kindergarten

    75

    94

    169

    It‑tieni sena kindergarten

    86

    343

    429

    L‑ewwel sena primarja

    380

    237

    617

    L‑ewwel sena sekondarja

    267

    47

    314

    TOTAL

    808

    721

    1,529

    Ser jiġu allokati wkoll numru ta’ postijiet lil tfal ikkunsidrati bħala każijiet serji u li għalihom hemm regolamenti speċifiċi. Il‑każijiet serji jinkludu tfal li għandhom jew ser ikollhom bżonn l‑għajnuna ta’ LSA, każijiet soċjali u każijiet ta’ tfal refuġjati. Il‑każijiet serji jsegwu proċess parallel għall‑applikazzjonijiet l‑oħra u jibdew jintlaqgħu f’Novembru 2017 għal dawk tal‑ewwel kriterju u f’Jannar 2018 għall‑applikazzjonijiet oħra. Dawk li ser japplikaw f’dan il‑kriterju għandhom isegwu l‑istruzzjonijiet ippublikati fir‑regolamenti tal‑Każijiet Serji fuq il‑websajt tal‑Knisja f’Malta www.thechurchinmalta.org.