L-Arċidjoċesi ta’ Malta qegħda, għal darb’oħra tippreżenta r-Rapport Finanzjarju u Pastorali tagħha għas-sena 2008.

Dan ir-rapport jinkludi fih mija u tlieta u għoxrin (123) entità tal-knisja djoċesana. Għalkemm miġburin flimkien, l-amministrazzjoni tagħhom hija waħda separata, jiġifieri kull entità għandha d-dħul u l-ħruġ tagħha u għandha wkoll il-kapital u r-riservi tagħha. Dawn l-entitajiet jinkludu l-Kattidral inkluż il-Mużew, il-parroċċi, id-djar tal-anzjani, id-djar tat-tfal, id-djar tal- persuni b’diżabilità, monasteri tal-klawsura, it-Taqsima Finanzi, il-Fond Ċentrali, il-Fond tal-Kleru, is-Seminarju u Vocations Centre, Piccolo Clero, RTK u Media Centre, Missjoni l-Kbira u Żgħira, Kummissjoni Kateketika, Kummissjoni Emigranti, Caritas, Moviment ta’ Kana, l-Istitut Kattoliku u l-Uffiċċju Ċentral Djar tat-Tfal. Dawn ma jinkludux il-parroċċi immexxija mir-reliġjużi u l-iskejjel tal-Knisja ħlief is-Seminarju Minuri.

Telf

L-Arċidjoċesi ma kellhiex riżultati finanzjarji tajbin għas-sena 2008. Infatti spiċċat b’telf ta’ aktar minn miljun ewro.

Dħul

Id-dħul ewlieni tal-Arċidjoċesi jiġi mill-ġbir fil-parroċċi u mid-donazzjonijiet (41%), kif ukoll mill-investimenti (25%).

Id-dħul totali mill-ġbir u d-donazzjonijiet naqas b’€257k. Għalkemm kien hemm żieda tajba ta’ €400k mill-parroċċi u l-Kattidral, kien hemm tnaqqis fid-donazzjonijiet u wirtijiet lid-Dar tal-Providenza, fejn dawn naqsu drastikament b’aktar minn €800k. Minħabba f’hekk id-Dar tal-Providenza spiċċat b’telf ta’ €100k. Id-Dar trid aktar minn €10k kuljum biex topera.

Id-dħul totali mill-investimenti naqas b’€42k. Din is-sena kieku ma kienx għal dividend straordinarju mill-APS Bank, dan id-dħul kien jonqos b’€600k aktar. Dan it-tnaqqis mill-investimenti kien riżultat tal-effett tal-kriżi finanzjarja dinjija fejn l-Arċidjoċesi intlaqtet ħażin fir-rati tal-kambju tal-isterlina u d-dollaru awstraljan fejn dawn iddgħajfu bi 30% u 21% rispettivament.

Spejjeż

Minn naħa l-oħra l-ħruġ totali għas-sena 2008 ilaħħaq mal-€24,270k. Kien hemm żieda ta’ €900k fuq l-ispejjeż tas-sena 2007. Erbgħin fil-mija (40%) tal-ispejjeż kollha huma dovuti għall-pagi tal-impjegati lajċi tal-Arċidjoċesi fejn dawn laħqu €9,647k, jiġifieri żieda ta’ madwar nofs miljun ewro fuq is-sena 2007. 27% tal-pagi kollha tal-Arċidjoċesi jappartjenu għad-Dar tal-Providenza, jiġifieri €2,621k. In-numru tal-impjegati issa telgħa għal 1,115 persuna (850 lajċi u 265 qassissin) bejn full-time u part-time, żieda ta’ 27 impjegat fuq is-sena l-oħra. Apparti l-pagi lill-impjegati lajċi, l-ispiża tar-remunerazzjoni tal-kleru laħqet €2,220k. Din l-ispiża toħroġ mill-Fond tal-Kleru fejn din is-sena spiċċa b’telf ta’ €532k. Kien hemm żieda fl-ispejjeż ta’ xogħolijiet u tiswijiet ta’ madwar €220k, li ġiet l-aktar mill-parroċċi u l-Kattidral. L-ispejjeż tat-Tribunal Ekkleżjastiku żdiedu, dovut għall-fatt li x-xogħol kiber, u kellhom jiżdiedu l-persuni li jaħdmu hemm minħabba l-isforz li qed isir biex jitħaffef il-proċess ħalli jiġu ttrattati l-każijiet aktar malajr. Fl-2008 l-ispiża netta kienet ta’ €407k, żieda ta’ €118k fuq l-ispiża tas-sena l-oħra.

Sussidji

Is-sussidji li l-Arċidjoċesi qiegħda tagħti lill-entitajiet varji tagħha, biex ikunu jistgħu joperaw, jammontaw għal €913k. Għad-djar tal-anzjani u tat-tfal, ħarġu sussidji li jlaħħqu €429k. Għall-media tal-knisja (iġifieri RTK, Media Centre, TV Unit) is-sussidji kienu ta’ €326k, €49k aktar mis-sena l-oħra. Għalkemm l-RTK jirċievi sussidji, ta kontribut ta’ aktar minn nofs miljun ewro lid-Dar tal-Providenza u lil xi entitajiet oħra ta’ karità, permezz ta’ kampanji ta’ ġbir.

Parroċċi

Wieħed mis-setturi li ma kellux telf kien dak tal-Kattidral u tal-Parroċċi. Għalkemm il-bilanċ favorevoli kien ferm anqas minn tas-sena l-oħra (tnaqqis ta’ madwar €700k), xorta waħda dan is-settur ħareġ b’bilanċ pożittiv. It-tnaqqis fil-bilanċ kien dovut għal spejjeż akbar fuq tiswijiet, xogħlijiet kapitali, restawr, eċċ. Tul dawn l-aħħar snin, aktar u aktar qegħda toħroġ xejra preokkupanti fejn l-ispiża fuq tiswijiet u restawr qiegħda kull ma tmur tiżdied. Din l-ispiża żdiedet b’wieħed u sebgħin fil-mija (71%) fuq is-sena ta’ qabel.

RIFLESSJONI PASTORALI

Prijoritajiet

Il-Knisja f’Malta f’dawn l-aħħar snin riedet tara li twettaq il-proposti konkreti li ħarġu mis- Sinodu Djoċesan 1999-2003. Dawn il-proposti, uħud minnhom, twettqu u fosthom insibu t-twaqqif tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali, it-taħriġ ta’ aktar counsellors li jistgħu jgħinu familji u żgħażagħ, l-użu tal-media bħalma hi l-website tad-djoċesi, it-twaqqif ta’ kummissjonijiet ġodda li qed joħolqu kuxjenza dwar l-ambjent, l-isport, it-tfal, il-kultura kif ukoll żdiedet il- ħidma fost l-adolexxenti, iż-żgħażagħ u l-familji. Dawn kollha qed jitolbu mill-Knisja f’Malta spejjeż addizzjonali u minnhom m’hemmx wisq dħul imma spejjeż biss.

Attivitajiet straordinarji

F’dawn l-aħħar snin il-Knisja f’Malta kellha spejjeż addizzjonali ta’ ċelebrazzjonijiet djoċesani. Apparti t-tliet ċelebrazzjonijiet djoċesani li torganizza kull sena, dan l-aħħar kellha ċ-ċelebrazzjoni tal-ordinazzjoni episkopali, il-kanonizazzjoni ta’ San Ìorġ Preca u s-Sena Pawlina. Id-dħul minnhom kien wieħed minimu ħafna. Issa wkoll il-Knisja f’Malta qed tħares ’il quddiem għaż-żjara li ser jagħmel il-Papa f’pajjiżna, li nittamaw ser iġġib tisħiħ tal-ħajja nisranija fost il-poplu tagħna, anke jekk din ser titlob spejjeż oħra. Bħalissa l-Knisja f’Malta għaddejja minn mument ta’ grazzja bil-Viżta Pastorali li l-Arċisqof qed jagħmel filparroċċi tagħna. Dan żgur ser iġib qawmien u tiġdid fl-operat pastorali tagħna, li jitlob li jitfasslu prijoritajiet fl-infiq tal-komunitajiet tagħna.

Volontarjat

Ir-realtà li l-aktar tagħmel kuraġġ lill-Knisja biex tkompli l-missjoni tagħha, hija n-numru ta’ volontiera lajċi, li jgħoddu mal-mijiet, fejn joffru ħinijiet, talenti u saħħa tagħhom ħalli jmexxu ’l quddiem l-operat pastorali tal-Knisja. Li kieku ma kienx għal dawn in-nies, kieku l-Knisja f’Malta ma kinetx tkun f’pożizzjoni li twettaq il-proġetti pastorali li qed janimaw il-missjoni tagħha, li twassal il-Bxara t-Tajba lill-Maltin kollha.

Aspett ieħor ta’ kuraġġ huwa li l-parti l-kbira tal-poplu Malti jagħraf il-ħidma utli li l-Knisja f’Malta qed toffri lis-soċjetà Maltija, u għalhekk huwa ġeneruż fl-għotjiet tiegħu. Hija din il-ġenerożità li ta’ kull sena tispikka fir-rapport finanzjarju li toħroġ l-Arċidjoċesi, u li tgħinha twettaq il-ħidmiet pastorali fi ħdan l-istess soċjetà.

Ħarsa ’l quddiem

Dan kollu jgħin lill-Knisja f’Malta tħares ’il quddiem b’kuraġġ, għax temmen fil-Providenza ta’ Alla li turi ruħha fil-ġenerożità tal-poplu tagħna li jsostniha. Tħares ’il quddiem lejn tisħiħ tal-ħidma pastorali tagħha f’dawk l-aspetti li fihom tkompli tgħin biex ittaffi l-faqar ġdid li s-soċjetà Maltija qed issib ruħha fih, fosthom it-tkattir ta’ vizzji li jkissru l-bniedem u l-problemi fiż-żwieġ u l-familja li qed joħolqu l-bżonn ta’ aktar sapport u li dan jitlob:

a) tisħiħ ta’ evanġelizzazzjoni aktar soda bil-mezzi kollha possibbli, fosthom il-mezzi ta’ komunikazzjoni;

b) tisħiħ ta’ formazzjoni tal-operaturi pastorali li jridu jagħtu s-servizzi fid-diversi oqsma, u allura l-prijorità ta’ nfiq f’sostenn lil min jersaq biex jifforma ruħu;

c) tisħiħ ta’ solidarjetà li trid toffri lil min isib ruħu emarġinat u għandu bżonn l-għajnuna;

d) tisħiħ tal-element żagħżugħ li jista’ jitkattar aktar fil-Knisja biex jagħtiha demm ġdid għall-ħidma sfiqa li għandha quddiemha biex tibqa’ tkun ħmira ta’ l-aħbar it-tajba fis-soċjetà tal-lum u ta’ għada.

e) tisħiħ tar-riċerka li tgħin biex tinħoloq strateġija soda għall-ħidma pastorali.

Huwa f’dan id-dawl li l-Knisja f’Malta tagħmel appell għall-impenn u ġenerożità tal-insara Maltin. Kien dan il-kliem li l-isqfijiet tagħna ħeġġuna bih fil-pastorali tagħhom: “Fid-dawl ta’ dan, aħna l-Isqfijiet nixtiequ li b’din l-ittra Pastorali nindirizzaw il-Poplu tagħna kollu u b’mod speċjali lil dawk li verament qegħdin ifittxu b’impenn li jkunu membri sħaħ u mpenjati tal-Knisja kattolika f’pajjiżna.”

Mons Charles Cordina

Segretarju Pastorali

Mons Anton Portelli

Segretarju Amministrattiv

Is-Sur Robert Agius

Financial Controller