• Nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna attenda l-Oratorju ‘Maria Adeodata – Is-Soru li Ħabbet’, fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina. Dan l-Oratorju ittella’ fl-anniversarju mill-210 sena mit-twelid tal-Beata Marija Adeodata Pisani u l-15-il sena minn meta l-Papa San Ġwanni Pawlu II iddikjaraha beata, fuq il-Fosos tal-Furjana.

     

    Message by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Il-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina
    14 ta’ Ottubru 2016

    Nirringrazzja lil  to Mro Ray Zammit, lill-liriċista’ Paul Ellul li tawna dan ix-xogħol straordinarjament  sabiħ. Nirringrazzja anke lill-kor Jubilate Deo, immexxi tant tajjeb minn Christopher Muscat, lill-organista u lill-orkestra.

    Jiena nixtieq nagħmel ħsieb qasir ispirat minn din il-figura straordinarja. Dan l-Oratorju sabiħ li għadna kemm smajna l-lejla daħħalna b’mod straordinarjament espressiv fil-qalba tal-qdusija tal-Beata Adeodata Pisani. Aħna nammirawha għaliex biex kienet għarusa ta’ Ġesù, ħalliet l-unuri ta’ din id-dinja u għażlet ħajja ta’ faqar.

    Hija wkoll tgħallimna, permezz tal-lirika sabiħa ta’ Paul, kemm kienet tiswa għaliha wkoll meta intalbet biex tmexxi, imbagħad hija tirrealizza li kien aħjar li tirriżenja. Huma atti ta’ umiltà, l-ewwel tal-ubbidjenza imma mbagħad ukoll umiltà ikbar li  tgħid: “Isma’, jiena ma nistax inkompli”. Huma esperjernzi rari. Kemm hi ħaġa sabiħa li kemm aħna, nies tal-Knisja, u l-mexxejja ta’ din id-dinja, li meta jkunu fuq siġġu ma jintrabtux miegħu, imma jfittxu dejjem jistaqsu lilhom nfushom: “x’inhu l-aqwa ġid għall-komunità?” Adeodata tgħallimna li hemm il-mument li titla’ fuq is-siġġu b’ubbidjenza, u hemm il-mument li tinżel minnu b’umiltà.

    Marija Adeodata Pisani kienet magħrufa għall-karità tagħha u għalhekk kienet tippreferi li tkun purtinara, biex tkun qrib in-nies. Għalkemm twieldet l-Italja minn omm Taljana u l-edukazzjoni kienet bit-Taljan, imma ppruvat ukoll titgħallem il-Malti u ħadet paċenzja b’missierha, wieħed minna, Malti, li xi wġigħ ta’ ras swielha wkoll. Imma jiena u naqra’ n-noti bijografiċi, tgħallimt li meta kienet tiltaqa’ ma’ missierha kienet dejjem tisma’ u tobdi daqs ir-raba’ kmandament: ‘weġġaħ lil missierek u ’l ommok’. Din il-mara li tqaddset hawnhekk fl-Imdina tgħallimna l-vera libertà ta’ min hu umli.

    Jiena fuqna s-saċerdoti, fuq ir-reliġjużi, u fuq kull wieħed u waħda minna, nitlob l-interċessjoni ta’ Adeodata. Nitolbu biex, jekk hija r-rieda t’Alla, bl-interċessjoni tagħha, isir miraklu li jwassalha għall-kanonizzazzjoni. Nitolbu wkoll biex il-monasteru minn fejn hi saret qaddisa anke f’ċirkustanzi mibdula – imma ma naqtgħux qalbna mill-futur – jibqa’ ambjent, oasi ta’ talb u ta’ dixxerniment forsi iżjed miftuh għall-lajċi, għal min irid jitlob. Hekk ukoll Adeodata, mhux biss bħala purtinara li fetħet idejha għall-Maltin, imma anke mill-qalba tal-kunvent, tal-monasteru għażiż tagħha.

    Grazzi ħafna talli kontu hawn illum, kunu imberkin u nitolbu lil Adeodata.

    Adeodata Pisani, itlob għalina.

     Charles J. Scicluna         
         Arċisqof ta’ Malta