-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta
31 ta’ Diċembru 2017
“Kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-ragħajja” (Lq 2, 18). Ġesù jagħżel lin-nies mhux biss umli imma mwarrba biex iwasslu l-ewwel aħbar tat-twelid tiegħu.
X’kellhom x’jirrakkontaw ir-ragħajja ta’ Bethlehem? L-esperjenza li kellhom fil-lejl tal-Milied kienet esperjenza straordinarja: l-anġlu ħabbrilhom ferħ kbir. Ħabbrilhom li tweldilhom Salvatur u tahom sinjal: tarbija mgeżwra u mimduda f’maxtura (ara 2, 10-12). Il-maxtura kienet minn fejn jieklu l-annimali. Għalhekk is-sinjal mhuwiex komuni. Din it-tarbija twieldet fil-post fejn kienu jistkennu u kienu jieklu l-annimali.
Din it-tarbija mfisqija, ikkurata u maħbuba kellha bħala l-ewwel post tal-mistrieħ tagħha l-maxtura. Huwa sinjal sempliċi mhux straordinarju, imma uniku. U dak li jirrakkuntaw ir-ragħajja joħloq stagħġib. Quddiem il-misteru tal-Milied aħna rridu nieqfu u nammiraw, din l-admiratio. Din l-amirazzjoni hija propju l-espressjoni tal-istagħġib tagħna quddiem misteru kbir tal-Iben ta’ Alla li jsir bniedem u li jitwieled fl-umiltà, fil-ħemda, u li jagħżel il-maxtura bħala l-ewwel qagħda tiegħu.
Hemm atteġġjament ieħor: l-għożża, il-kapaċità li inti tirrifletti, timmedita fuq il-ġrajja kbira li qegħdin niċċelebraw f’dawn il-jiem qaddisa. U dan l-atteġġjament tgħallimulna Marija, Omm Ġesù. F’dan ir-rakkont, San Luqa jinsisti għal darba, darbtejn, li Marija min-naħa tagħha baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.
Huwa atteġġjament li jirrikjedi silenzju, atteġġjament li jirrikjedi spirtu ta’ talb biex ma ngħidux ukoll ħafna umiltà u safa. Li ngħożżu f’qalbna l-misteru tal-Milied u li nibqgħu naħsbu fih, hija xewqa li fuq kull livell tas-soċjetà nisimgħuha, ħafna drabi f’dawn il-ġranet. Imma aħna nafu li, wara dan l-istaġun, jerġgħu jgerrbu l-jiem u xhur u l-istaġuni u donna ninżlu mill-għolja tat-trasfigurazzjoni għall-wied tad-dmugħ.
Allura l-Milied x’irid jgħallimna għall-ħajja tagħna ta’ kuljum aħna u nibdew sena ċivili ġdida? L-ewwel nett irid jibqa’ jgħallimna li aħna ma nistgħux inċedu għat-tentazzjoni taċ-ċiniżmu, dak li jgħallmek tgħid ‘U iva, mhux xorta? U mhux dejjem hekk sar? U mhux dik id-dinja?’ Hija rassenjazzjoni li tmur kontra l-ispirtu veru tal-Milied għax l-ispirtu tal-Milied jgħallimna l-ammirazzjoni li fl-istorja tal-umanità tgħaraf l-id ta’ Alla, għalkemm ħafna drabi tkun moħbija. Tgħallimna li l-kobor u l-qawwa ta’ Alla m’għandhomx ir-regoli u l-mekkaniżmi tad-dinja u li t-tajjeb ħafna drabi jikber fis-skiet u jħalli l-frott tiegħu fil-qalb tal-bniedem li huwa dispost jilqa’ d-doni ta’ Alla.
Imma hemm ukoll l-għozżża u l-kapaċità li nirriflettu, il-kapaċità li aħna mhux biss nammiraw l-id ta’ Alla fl-istorja u l-ġrajja tal-bnedmin, imma ukoll il-kapaċità li aħna nirriflettu. Fis-soċjetà ċivili din il-kapaċità hija l-kapaċità kritika: li inti tifhem il-ġrarrijiet imma wkoll ma tħallihomx jaħkmuk. Imma fil-komunità ta’ fidi, il-fatt li inti titgħallem tgħożż dak li għamel Alla miegħek f’qalbek u taħseb fuqu, huwa mod kif inti tidħol fi djalogu ma’ Alla, Alla li huwa ħerqan ikun Ġesù għal kull wieħed u waħda minna.
Illum niċċelebraw mhux biss l-aħħar jum tas-sena ċivili imma, għeluq il-ġimgħa mil-lejl qaddis tal-Milied. Inqimu lill-Imqaddsa Omm Alla bħala dik li ġabet lil min tana l-ħajja. Kemm hi ħaġa sabiħa li nirriflettu fuq it-talba tal-Knisja għas-solennità qaddisa li qegħdin niċċelebraw; biha aħna lqajna lil min tana l-ħajja.
Għalhekk illum, aħna u niċċelebraw il-maternità ta’ Marija, irridu nilqgħu d-don tal-ħajja sa mit-tnissil tiegħu bħala don, bħala rigal. Mhuwiex il-frott tat-teknoloġija għamja li f’ċerti ċirkostanzi kapaċi toħloq orfni ġodda, designer orphans; it-teknoloġija li tħalli wild ma jafx u ma jistax ikun jaf jew min hu missieru jew min hi ommu. Irridu mmorru hemmhekk aħna bħala soċjetà? Irridu noħolqu l-orfni aħna? Mhux biżżejjed għandna biċ-ċirkustanzi tal-ħajja? Hemm bżonn noħolquhom aħna bit-teknoloġija għax il-wild għalina issa sar dritt jekk mhux oġġett ta’ kummerċ? Imma għalina bħala komunità ta’ fidi, id-don tal-ħajja jibqa’ don, il-wild jibqa’ rigal. Aħna nibqgħu nilqgħu kull wild jiġi kif jiġi. Imma s-sejħa tiegħi hija, li qabel nieħdu deċiżjonijiet importanti li se jaffettwaw il-ġenerazzjonijiet futuri, nieqfu biex naħsbu fuq din il-kapaċità li aħna nirriflettu fuq il-konsegwenzi tal-għemil tagħna.
Ejjew nitolbu wkoll il-grazzja li f’din is-sena, li fiha l-kapitali Valletta tkun il-Kapitali Kulturali tal-Ewropa, aħna nfittxu s-sbuħija li, fuq kollox, huwa Alla. Alla huwa sabiħ għax huwa twajjeb u veru. U aħna nfittxu tassew is-sbuħija inkwantu nfittxu it-tjubija u l-verità. Ejjew nieħdu dan ukoll bħala impenn tagħna, aħna u nibdew din is-sena ġdida minn hawn u ftit sigħat oħra. U aħna u nammiraw dan it-tempju sabiħ li huwa ġawhra tal-ġmiel tal-kapitali tagħna, nitolbu li l-preżenza tagħna hawn tkun att ta’ fidi, tkun att ta’ tama u fl-istess ħin tkun impenn biex inħobbu tassew lil xulxin.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja